|
STEDINA
Merħba fis-sit uffiċjali
tal-Knisja Evanġelika Trinita’.
Il-bieb tal-knisja tagħna, u qlubna, huma
dejjem miftuħin beraħ għalik. Ejja u isma’
l-messaġġ tal-evanġelju, u gawdi magħna
l-ferħ tas-salvazzjoni fi Kristu,
is-Salvatur tad-dinja.
Bi pjaċir qed nippubblikaw numru sabiħ
ta' artikli u kotba online. Nittamaw li
ssibhom interessanti u ta' barka spiritwali.
Jekk ghandek xi mistoqsija dwar
is-salvazzjoni jew il-ħajja Kristjana,
nistednuk tiktbilna. Inwegħduk tweġiba
onesta mill-Iskrittura Mqaddsa.
Ikun pjaċir għalina niltaqgħu u nitkellmu
miegħek.
Il-paċi miegħek.
 |
|
 |
|
e-VANĠELU
B'liema Prezz?
X’tagħtuni, staqsa Ġuda, biex nagħtikom lil Ġesù?
Ma titwemminx! Kif jista’ jkun li bniedem jasal biex ibiegħ lil
ħabibu? Kif jista’ jittradixxi lill-Imgħallem tiegħu minkejja li
qatt m’għamillu l-iċken deni, u li minnu ħlief ġid u mħabba ma
rax?
Ġuda biegħu għal tletin biċċa tal-fidda – biċċa tal-fidda
kienet tiswa madwar 200 ewro. Tletin biċċa jiġu bejn wieħed
u ieħor €6000.
Għal daqshekk biegħu lil Ġesù – x’biċċa negozju miżerabbli!
Kif tbiegħ lil Dak li jiswa aktar mid-dinja bi ftit muniti?
Ma kinitx storja ta’ darba. Sal-lum ħafna għadhom,
għall-imħabba tal-flus, ibiegħu u jittradixxu lil Ġesù.
Għandhom wisq x’jagħmlu. Imħabbtin wisq bix-xogħol,
bil-part-time u bil-business. M’għandhomx ħin għalih. Żgur
ma jriduhx fin-nofs meta jidħol negozju u ħlas ta’ VAT u
taxxi.
B’hekk idaħħlu fil-but ftit aktar karti, waqt li jħallu
barra minn qalbhom lil Dak li jista’ jagħnihom b’teżori li
jibqgħu għall-ħajja ta’ dejjem.
Jien ukoll, li nqis lili nnifsu dixxiplu ta’ Kristu, nista’
nirrepeti l-istess żball. Ma ninsiex li Ġuda kien wieħed
mit-Tnax u kien jiekol u jgħix miegħu. Jista’ jiġrili bħalu
jekk, minflok ngħożż lil Ġesù, nippreferi l-għana u l-ġid
tad-dinja.
Imma fl-aħħar mill-aħħar lil Ġesù ma nistgħux inbigħuh. Jekk
xejn inkunu nbiegħu ruħna għat-telfien ta’ dejjem jekk
inparttu l-imħabba ta’ Kristu mal-imħabba tal-flus.
Kristu għamel bil-kontra. Hu ħabb lil knisja, u ma
warrabhiex minkejja l-ħafna difetti tagħha, imma ħallas
għalija bi prezz li jisboq bil-bosta l-fidda u d-deheb.
Kristu kiseb il-knisja billi ta ħajtu għaliha meta xerred
demmu għall-fidwa tagħha.
Kompli aqra |
|