|
Min
Aħna
Qabel xejn aħna Kristjani, dixxipli
tal-Mulej Ġesù Kristu. Fih nemmnu u lilu
rridu nservu. Jgħidulna 'Evanġeliċi' għax nibnu l-fidi
tagħna fuq it-tagħlim tal-Iskrittura biss.
Aħna magħqudin fi knisja biex flimkien
inqimu ’l Alla u ngħinu lil xulxin.
Nagħrfu wkoll il-knejjes Kristjani mxerrdin
mal-erbat irjieħ tad-dinja. Għalkemm
jissemmew b’ismijiet u laqmijiet diversi,
il-Kristjani huma lkoll aħwa u familja waħda
għax għandna Missier wieħed, Mulej wieħed u
Spirtu wieħed. |
|
X’Nagħmlu
Fil-laqgħat
tagħna nkantaw għanjiet u tifħir ’il-Mulej,
nitolbu flimkien, naqraw mill-Bibbja u
nisimgħu l-Kelma t’Alla pritkata. Il-knisja
tagħna hi ċkejkna iżda x-xirka bejnietna hi
ħelwa tassew.
Kull nhar ta’ Ħadd niċċelebraw l-Ikla
tal-Mulej billi naqsmu bejnietna l-ħobz u
l-inbid b’tifkira tas-sagrifiċċju ta’ Kristu
għall-maħfra ta' dnubietna.
Għalina l-fidi Kristjana hi attitudni u
impenn għall-ħajja kollha, mhux biss
għall-ħin li niltaqgħu l-knisja.
Aħna nistinkaw biex inxandru l-Evanġelju,
speċjalment fost il-Maltin u l-Għawdxin. Ma
nistgħux ma naqsmux mal-oħrajn l-Bxara
t-Tajba li biha ksibna l-paċi m’Alla u
l-ferħ li ma jitfissirx bil-kliem. |
|
|
X'Nemmnu
Aħna
nemmnu fit-Trinità Mqaddsa, Alla wieħed fi
tlett Persuni, il-Missier, l-Iben u
l-Ispirtu s-Santu, kif nistqarru fil-Kredu.
Nemmnu f’Ġesù Kristu, l-Iben waħdieni u
etern t’Alla, natura waħda mal-Missier, li
bih sar kollox.
Għas-salvazzjoni tagħna l-Iben t’Alla sar
bniedem u twieled mill-verġni Marija. Ġesù
miet għal dnubietna fuq is-salib, qam
mill-mewt, u tela’ s-sema fejn qiegħed
jidħol għalina u jsaltan fil-glorja.
Nemmnu li s-salvazzjoni hi grazzja b’xejn
t’Alla, u nirċivuha permezz tal-fidi fi
Kristu, u mhux bil-merti tal-opri tagħna.
Alla sejħilna għall-qdusija, imħabba,
ġustizzja u opri tajba, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina.
Il-Mulej Ġesù se jerga’ jiġi bis-setgħa u
l-glorja, biex iqajjem il-mejtin kollha,
għall-kundanna tal-ħziena fl-Infern, u biex
jippremja lill-ġusti u jdaħħalhom fl-hena
tal-Ġenna għal dejjem.
AKTAR TAGĦRIF
Għal informazzjoni aktar
dettaljata tat-twemmin tagħna, ara
l-kostituzzjoni
tal-knisja. |
|
Sola Scriptura - Sola Fide
Aħna l-evanġeliċi sikwit nużaw dawn iż-żewġ
frażijiet bil-latin biex nesprimu
l-konvinzzjoni tagħna fuq l-awtorità unika
tal-Iskrittura u fuq il-fidi bħala l-mezz
tal-ġustifikazzjoni. Imma x'irridu nfissru
eżattament?
Sola Scriptura, l-Iskrittura Biss, hi
affermazzjoni li l-Bibbja hi l-Kelma t'Alla
miktuba, li tiġbor fija r-rivelazzjoni sħiħa
t'Alla għalina, u li għandha l-ogħla
awtorità.
Ma tfissirx li l-mexxejja tal-knisja
m'għandhomx awtorità wkoll, jew li
t-tradizzjoni m'għandha ebda valur, jew li
kull tradizzjoni hi ħażina. Lanqas tfisser
li kull Kristjan jista' jfisser il-Bibbja
kif iffettillu, jew li m'għadux bżonn
il-knisja peress li għandu kopja tal-Bibbja
f'idejh.
Sola Scriptura tfisser li kulħadd,
kull individwu u l-knisja, il-mexxejja u
l-membri, għadhom jissottomettu ruħhom
għall-awtorità tal-Kelma, biex
it-tradizzjonijiet tagħna jkunu jogħġbu 'l
Alla u biex minnha nixorbu l-ilma
għall-ħajja ta' dejjem, mingħajr ma
nikkontaminawh bit-tagħlim u l-filosofija
umana.
Sola Fide, Bil-Fidi Biss, hi
l-isqarrija li s-salvazzjoni hi grazzja
b'xejn t'Alla, u li nirċevuha bil-fidi, u
mhux bi ħlas għall-opri jew mertu tagħna.
Ma tfissirx li kull min jgħid li jemmen, u li
ħajtu hi xotta u bla frott, hu tassew salvat,
jew li fidi mejta tista' qatt issalva lil
xi ħadd.
Imma Sola Fide tfisser li aħna ħatja,
bla fejda, u li l-unika fiduċja tagħna biex
inkunu meqjusin ġusti quddiem Alla huwa biss
Ġesù Kristu u d-demm li xerred għalina. |
|