
| 1 X'inhu l-għan ewlieni tal-bniedem?
L-għan ewlieni tal-bniedem hu li jigglorifika lil Alla,1 u jgawdih għal dejjem.2 1. 1 Kor.10:31; Rum.11:36. 2. Salm 73:25-28; 16:2. 2 Liema regola tana Alla biex biha nagħrfu kif nigglorifikawh u ngawduh? Il-Kelma tiegħu, imsejħa wkoll l-Iskrittura Mqaddsa tal-Patt il-Qadim u l-ġdid,1 hi l-unika regola li tidderiġina kif għandna nigglorifikawh u ngawduh.2 1. 2 Tim.3:16; Ef.2:20. 2. 1 Ġw.1:3,4; Prov.30:5,6. 3 X'tgħallem prinċipalment l-Iskrittura? Prinċipalment l-Iskrittura tgħallem x'għandu jemmen il-bniedem dwar Alla, u xi dmir jistenna Alla mill-bniedem.1 1. 2 Tim.1:13; 3:16. 4 Min hu Alla? Alla hu Spirtu,1 infinit,2 etern,3 u ma jinbidilx,4 fl-esseru tiegħu,5 fil-għerf,6 il-qawwa,7 il-qdusija,8 il-ġustizzja, it-tjieba, u l-verita’.9 1.Ġw.4:24. 2. Ġob 11:7-9. 3. Salm 90:2. 4. Ġak.1:17. 5. Es.3:14. 6. Salm 147:5. 7. Riv.4:8. 8. Riv.15:4. 9. Es.34:6,7. 5 Hemm iżjed minn Alla wieħed? Hemm wieħed biss, Alla ħaj u veru.1 1. Dewt.6:4; Ġer.10:10. 6 F'kemm-il persuna jeżisti Alla? Hemm tlett persuni f'Alla: il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu; u dawn it-tlieta huma Alla wieħed, l-istess fis-sustanza, indaqs fis-setgħa u glorja.1 1. 1 Ġw.5:7; Mt.28:19. 7 X'inhuma d-digrieti t'Alla? Id-digrieti t'Alla huma, l-għan etern tiegħu, skond il-fehma tar-rieda tiegħu, li bih, għall-glorja tiegħu stess, iddetermina minn qabel u ffissa dak kollu li jiġri.1 1. Ef.1:4,11; Rum.9:22,23. 8 Kif jesegwixxi Alla d-digrieti tiegħu? Alla jesegwixxi d-digrieti tiegħu fix-xogħlijiet tal-ħolqien1 u l-providenza2. 1. Riv.4:11. 2. Dan.4:35. 9 X'inhu l-ħolqien? Il-ħolqien hu, li Alla għamel kollox mix-xejn, bil-kelma tas-setgħa tiegħu, fi żmien sitt ijiem, u kollox tajjeb wisq.1 1. Ġen.1; Lhud 11:3. 10 Kif ħalaq Alla lill-bniedem? Alla ħalaq il-bniedem raġel u mara, fuq ix-xbieha tiegħu stess, fit-tagħrif, ġustizzja, u qdusija, b'dominju fuq il-ħlejjaq.1 Ġen.1:26-28; Kol.3:10; Ef.4:24. 11 X'inhuma x-xogħlijiet tal-providenza t'Alla? Ix-xogħlijiet tal-providenza t'Alla huma, li bl-iżjed mod qaddis,1 għaref2 u setgħan, jippriżerva3 u jiggverna l-ħlejjaq kollha tiegħu, u l-azzjonijiet kollha tagħhom.4 1. Salm 145:17. 2. Salm 104:24; Isa.28:29. 3. Lhud 1:3. 4. Salm 103:19; Mt.10:29-31. 12 Liema att speċjali ta' providenza eżerċita Alla lejn il-bniedem fil-qagħda li kien maħluq fiha? Meta Alla ħalaq il-bniedem, daħal f'patt ta' ħajja miegħu, bil-kondizzjoni ta' ubbidjenza perfetta, billi ċaħadlu jiekol mis-siġra tat-tagħrif tat-tajjeb u l-ħażin, fuq il-piena tal-mewt.1 1. Gal.3:12; Ġen.2:17. 13 L-ewwel ġenituri tagħna komplew fil-qagħda li fiha kienu maħluqa? L-ewwel ġenituri tagħna, imħollija ħielsa fir-rieda tagħhom, waqgħu mill-qagħda li fiha kienu maħluqa, billi dinbu kontra Alla.1 1. Ġen.3:6-8,13; Ekk.7:29. 14 X'inhu d-dnub? Id-dnub hu kull nuqqas ta' qbil mal-liġi t'Alla, jew ksur ta' l-istess liġi.1 1. 1 Ġw.3:4. 15 X'kien id-dnub li bih l-ewwel ġenituri tagħna waqgħu mill-qagħda li fiha kienu maħluqa? Id-dnub li bih l-ewwel ġenituri tagħna waqgħu mill-qagħda li fiha kienu maħluqa, kien li kielu mill-frott projbit.1 1. Ġen.3:6,12. 16 L-umanita’ kollha waqgħet fl-ewwel dnub ta' Adam? Billi l-patt kien magħmul ma' Adam, mhux biss għalih, iżda wkoll għad-dixxendenti tiegħu, l-umanità kollha li ħarġet minnu bi tnissil ordinarju, dinbet fih, u waqgħet miegħu, fl-ewwel trasgressjoni tiegħu.1 1. Ġen.2:16,17; Rum.5:12,18; 1 Kor.15:21,22. 17 F'liema qagħda ġiet l-umanita’ minħabba l-waqgħa? Il-waqgħa ġabet l-umanita’ f'qagħda ta' dnub u miżerja.1 1. Rum.5:12. 18 F'xiex tikkonsisti l-qagħda midinba li fiha waqa' l-bniedem? Il-qagħda midinba li fiha waqa' l-bniedem tikkonsisti fil-ħtija ta' l-ewwel dnub ta' Adam, in-nuqqas ta' ġustizzja oriġinali, u l-korruzzjoni tan-natura sħiħa tiegħu, magħrufa bħala d-Dnub Oriġinali; flimkien mad-dnubiet attwali kollha li joħorġu minnu.1 1. Rum.5:10-20; Ef.2:1-3; Ġak.1:14,15; Mt.15:19; Salm 51:5. 19 X'inhi l-miżerja ta' dik il-qagħda li fiha waqa' l-bniedem? Bil-waqgħa tagħha l-umanita’ kollha tilfet il-komunjoni m'Alla,1 tinsab taħt l-għadab u s-saħta tiegħu,2 u għalhekk hi magħmula suġġetta għall-miżerji kollha ta' din il-ħajja, għall-mewt infisha, u għall-pwieni ta' l-Infern għal dejjem.3 1. Ġen.3:8-10,24. 2. Ef.2:2,3; Gal.3:10. 3. Biki 3:39; Rum.6:23; Mt.25:41,46. 20 Alla ħalla l-umanita’ kollha tintilef fil-qagħda ta' dnub u miżerja? Billi hekk għoġob lil Alla, mill-eternita’ kollha għażel lil xi wħud għall-ħajja ta' dejjem,1 daħal f'patt ta' grazzja, biex jeħlishom mill-qagħda ta' dnub u miżerja, u biex idaħħalhom f'qagħda ta' salvazzjoni permezz ta' Feddej.2 1. Ef.1:4. 2. Rum.3:20-22; Gal.3:21,22. 21 Min hu l-Feddej tal-magħżulin t'Alla? L-uniku Feddej tal-magħżulin t'Alla huwa l-Mulej ġesu’ Kristu.1 Hu l-Iben etern t'Alla, li sar bniedem,2 u hekk kien, u jibqa' Alla u bniedem f'żewġ naturi distinti, u persuna waħda, għal dejjem.3 1. 1 Tim.2:5,6. 2. Ġw.1:14; Gal.4:4. 3. Rum.9:5; Lq.1:35; Kol.2:9; Lhud 7:24,25. 22 Billi hu l-Iben t'Alla, kif sar bniedem Kristu? Kristu, l-Iben t'Alla, sar bniedem billi ħa għalih innifsu ġisem veru,1 u ruħ raġonevoli,2 imnissel bil-qawwa ta' l-Ispirtu s-Santu, fil-ġuf tal-verġni Marija, u mwieled minnha,3 madankollu bla dnub.4 1. Lhud 2:14,16; 10:5. 2. Mt.26:38. 3. Lq.1:27,31,35,42; Gal.4:4. 4. Lhud 4:15; 7:26. 23 Liema karigi jesegwixxi Kristu bħala l-Feddej tagħna? Bħala l-Feddej tagħna, Kristu jesegwixxi l-karigi ta' profeta,1 ta' qassis,2 u ta' sultan,3 kemm fil-qagħda ta' umiljazzjoni tiegħu kif ukoll fil-qagħda ta' eżaltazzjoni. 1. Atti 3:21,22; Lhud 12:25; cf. 2 Kor.13:3. 2. Lhud 5:5-7; 7:25. 3. Salm 2:6; Isa.9:6,7; Mt.21:5; Salm 2:8-11. 24 Kif jesegwixxi Kristu l-kariga ta' profeta? Kristu jesegwixxi l-kariga ta' profeta billi jurina, permezz tal-Kelma u l-Ispirtu tiegħu, ir-rieda t'Alla għas-salvazzjoni tagħna.1 1. Ġw.1:18; 1 Pt.1:10-12; Ġw.14:26; 15:15; 20:31. 25 Kif jesegwixxi Kristu l-kariga ta' qassis? Kristu jesegwixxi l-kariga ta' qassis billi darba għal dejjem offra lilu nnifsu bħala sagrifiċċju biex jissodisfa l-ġustizzja divina,1 u jirrikonċiljana m'Alla;2 u billi jinterċiedi għalina kontinwament.3 1. Lhud 9:14,28. 2. Lhud 2:17. 3. Lhud 7:24,25. 26 Kif jesegwixxi Kristu l-kariga ta' sultan? Kristu jesegwixxi l-kariga ta' sultan billi jrażżanna għalih innifsu,1 billi jiggvernana2 u jiddefendina,3 u billi jgħakkes u jegħleb l-għedewwa kollha tiegħu u tagħna.4 1. Atti 15:14-16. 2. Isa.33:22. 3. Isa.32:1,2. 4. 1 Kor.15:25; Salm 110 27 Fiex kienet tikkonsisti l-umiljazzjoni ta' Kristu? L-umiljazzjoni ta' Kristu kienet tikkonsisti filli kien imwieled, u dan f'kondizzjoni baxxa,1 magħmul taħt il-liġi,2 għadda mill-miżerji ta' din il-ħajja,3 l-għadab t'Alla,4 u l-mewt misħuta ta' salib;5 filli kien midfun,6 u kompla għal xi żmien taħt il-qawwa tal-mewt.7 1. Lq.2:7. 2. Gal.4:4. 3. Lhud 12:2,3; Isa.53:2,3. 4. Lq.22:44; Mt.27:46. 5. Fil.2:8. 6. 1 Kor.15:3,4. 7. Atti 2:24-27,31. 28 Fiex tikkonsisti l-eżaltazzjoni ta' Kristu? L-eżaltazzjoni ta' Kristu tikkonsisti filli qam mill-mewt mat-tielet jum,1 tela' s-sema,2 qiegħed bil-qiegħda fuq il-leminija ta' Alla l-Missier,3 u filli se jerġa' jiġi biex jagħmel ħaqq mid-dinja fl-aħħar jum.4 1. 1 Kor.15:4. 2. Mk.16:19. 3. Ef.1:20. 4. Atti 1:11; 17:31. 29 Kif naslu biex ikollna sehem mill-fidwa li qalgħalna Kristu? Aħna ngawdu mill-fidwa maqlugħa minn Kristu bl-applikazzjoni effettiva tagħha għalina1 bl-Ispirtu s-Santu tiegħu.2 1. Ġw.1:11,12. 2. Tit.3:5,6. 30 L-Ispirtu kif japplikalna l-fidwa maqlugħa minn Kristu? L-Ispirtu japplikalna l-fidwa maqlugħa minn Kristu billi jaħdem il-fidi fina,1 u b'hekk jgħaqqadna ma' Kristu fis-sejħa effettiva tagħna.2 1. Ef.1:13,14; Ġw. 6:37,39; Ef.2:8. 2. Ef.3:17ff; 1 Kor.1:9. 31 X'inhi s-sejħa effettiva? Is-sejħa effettiva hi l-ħidma ta' l-Ispirtu t'Alla1 li biha jikkonvinċina mid-dnub u l-miżerja tagħna,2 idawwlilna moħħna fit-tagħrif ta' Kristu,3 u jġeddilna r-rieda tagħna,4 u hekk jasal biex jipperswadina u jagħtina l-ħila nħaddnu lil ġesu’ Kristu, offrut lilna b'xejn fl-evanġelju.5 1. 2 Tim.1:9; 2 Tess.2:13,14. 2. Atti 2:37. 3. Atti 26:18. 4. Eżek.36:26,27. 5. Ġw.6:44,45; Fil.2:13. 32 X'benefiċċji jgawdu f'din il-ħajja dawk li huma effettivament imsejħa? Dawk effettivament imsejħa jgawdu f'din il-ħajja l-ġustifikazzjoni,1 l-adozzjoni,2 u t-taqdis, u benefiċċji oħra li f'din il-ħajja jakkumpanjaw jew inixxu minnhom.3 1. Rum.8:30. 2. Ef.1:5. 3. 1 Kor.1:26,30. 33 X'inhi l-ġustifikazzjoni? Il-ġustifikazzjoni hi att tal-grazzja ħielsa t'Alla, li biha jaħfrilna dnubietna kollha1 u jaċċettana bħala ġusti quddiemu,2 purament minħabba l-ġustizzja ta' Kristu magħduda lilna,3 u milqugħa bil-fidi biss.4 1. Rum.3:24,25; 4:6-8. 2. 2 Kor.5:19,21. 3. Rum.5:17-19. 4. Gal.2:16; Fil.3:9. 34 X'inhi l-adozzjoni? L-adozzjoni hi att tal-grazzja ħielsa t'Alla,1 li biha jirċevina fil-ġemgħa ta' niesu, u jkollna dritt għall-privileġġi kollha ta' wlied Alla.2 1. 1 Ġw.3:1. 2. Ġw.1:12; Rum.8:17. 35 X'inhu t-taqdis? It-taqdis hu x-xogħol tal-grazzja ħielsa t'Alla,1 li bih inkunu mġedda fil-bniedem sħiħ skond ix-xbieha t'Alla,2 u ningħataw il-ħila mmutu għad-dnub iżjed u iżjed, u ngħixu għall-ġustizzja.3 1. 2 Tess.2:13. 2. Ef.4:23,24. 3. Rum.6:4,6; 8:1-4. 36 X'inhuma l-benefiċċji li f'din il-ħajja jakkumpanjaw jew inixxu mill-ġustifikazzjoni, l-adozzjoni u t-taqdis? Il-benefiċċji li f'din il-ħajja jakkumpanjaw jew inixxu mill-ġustifikazzjoni, l-adozzjoni, u t-taqdis, huma l-assigurazzjoni ta' l-imħabba t'Alla, paċi fil-kuxjenza,1 hena fl-Ispirtu s-Santu,2 tkattir fil-grazzja,3 u perseveranza fiha sa l-aħħar.4 1. Rum.5:1,2,5. 2. Rum.14:17. 3. Prov.4:18. 4. 1 Ġw.5:13; 1 Pt.1:5. 37 X'benefiċċji jirċievu l-fidili mingħand Kristu malli jmutu? F'mewthom, l-erwieħ tal-fidili huma magħmulin perfetti fil-qdusija,1 u immedjatament jgħaddu fil-glorja;2 u l-iġsma tagħhom, billi għadhom magħqudin ma' Kristu,3 jistrieħu fl-oqbra tagħhom4 sal-qawmien.5 1. Lhud 12:23. 2. 2 Kor.5:1,6,8; Fil.1:23; Lq.23:43. 3. 1 Tess.4:14. 4. Isa.57:2. 5. Ġob 19:26,27. 38 X'benefiċċji jirċievu l-fidili mingħand Kristu fil-qawmien? Fil-qawmien, il-fidili mqajma fil-glorja,1 ikunu magħrufa bil-miftuħ u meħlusa f'jum il-ġudizzju,2 u magħmula perfettament imbierka fit-tgawdija sħiħa t'Alla3 għall-eternità kollha.4 1. 1 Kor.15:43. 2. Mt.25:23; 10:32. 3. 1 Ġw.3:2; 1 Kor.13:12. 4. 1 Tess.4:17,18. 39 X'inhu d-dmir li Alla jistenna mill-bniedem? Id-dmir li Alla jistenna mill-bniedem, hu l-ubbidjenza għar-rieda rivelata tiegħu.1 1. Mik.6:8; 1 Sam.15:22. 40 X'irrevela Alla lill-bniedem għall-ewwel bħala r-regola ta' l-ubbidjenza tiegħu? Ir-regola li Alla għall-ewwel irrevela lill-bniedem għall-ubbidjenza tiegħu kienet il-liġi morali.1 1. Rum.2:14,15; 10:5. 41 Fejn insibu miġbura fil-qosor il-liġi morali? Il-liġi morali hi miġbura fil-qosor fl-għaxar kmandamenti.1 1. Dewt.10:4; Mt.19:17. 42 X'inhu l-qofol ta' l-għaxar kmandamenti? Il-qofol ta' l-għaxar kmandamenti hu li nħobbu lill-Mulej Alla tagħna b'qalbna kollha, b'ruħna kollha, bil-qawwa tagħna kollha, u b'moħħna kollu; u lill-proxxmu tagħna bħalna nfusna.1 1. Mt.22:37-40 43 X'tgħid l-introduzzjoni għall-għaxar kmandamenti? L-introduzzjoni għall-għaxar kmandamenti tgħid hekk: "Jiena l-Mulej Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art ta' l-Eġittu, minn dar il-jasar."1 1. Es.20:2. 44 X'tgħallimna l-introduzzjoni għall-għaxar kmandamenti? L-introduzzjoni għall-għaxar kmandamenti tgħallimna li, peress li Alla hu s-Sid u Alla tagħna, u Feddej, allura aħna obbligati nżommu l-kmandamenti kollha tiegħu.1 1. Lq.1:74,75; 1 Pt.15-19. 45 Liema hu l-ewwel kmandament? L-ewwel kmandament hu: "Ma jkollokx allat oħra quddiemi."1 1. Es.20:3. 46 X'jistenna Alla minna fl-ewwel kmandament? Fl-ewwel kmandament Alla jistenna li nkunu nafuh u nirrikonoxxuh bħala l-uniku Alla veru, u Alla tagħna;1 u li nqimuh u nigglorifikawh skond dan l-għarfien.2 1. 1 Kron.28:9; Dewt.26:17. 2. Mt.4:10; Salm 29:2. 47 X'jiċħdilna Alla fl-ewwel kmandament? Fl-ewwel kmandament Alla jiċħdilna li ninnegawh1 bħala Alla veru u Alla tagħna;2 jew ma nqimuhx u ma nigglorifikawhx;3 u li nagħtu dik il-qima u glorja lil ħaddieħor, li xieraq tingħata lilu biss.4 1. Salm 14:1. 2. Rum.1:21. 3. Salm 81:10,11. 4. Rum.1:25,26. 48 X'nitgħalmu speċjalment bil-kelma "quddiemi" fl-ewwel kmandament? Il-kelma "quddiemi" fl-ewwel kmandament tgħallimna, li Alla, li jara kollox, jinnota u jiddispjaċih wisq bid-dnub li jkollna xi alla ieħor.1 1. Eżek.8:5ff; Salm 46:20,21. 49 Liema hu t-tieni kmandament? It-tieni kmandament hu: "La tagħmel ebda xbieha minquxa għalik, jew xbieha ta' xi ħaġa li hemm fis-sema minn fuq, jew li hemm fl-art minn taħt, jew li hemm fl-ilma ta' taħt l-art: la tmilx quddiemhom, u la tqimhomx: għax jien, il-Mulej, Alla tiegħek, Alla għajjur, li nħallas ħażen il-missirijiet fl-ulied sat-tielet u r-raba' nisel ta' dawk li jobogħduni; u nagħmel ħniena ma' eluf minn dawk li jħobbuni, u jħarsu l-kmandamenti tiegħi."1 1. Es.20:4-6. 50 X'jistenna Alla minna fit-tieni kmandament? Fit-tieni kmandament Alla jistenna li nilqgħu, nosservaw, u nżommu safja u sħaħ, il-qima reliġjuża u l-ordinanzi kollha kif Alla ħatar fil-Kelma tiegħu.1 1. Dewt.32:46; Mt.28:20; Atti 2:42. 51 X'jiċħdilna Alla fit-tieni kmandament? Fit-tieni kmandament Alla jiċħdilna li nqimuh permezz ta' statwi,1 jew b'xi mod ieħor mhux iffissat fil-Kelma tiegħu.2 1. Dewt.4:15-19; Es.32:5,8. 2. Dewt.12:31,32. 52 X'inhuma r-raġunijiet meħmuża mat-tieni kmandament? Ir-raġunijiet meħmuża mat-tieni kmandament huma: is-sovranità t'Alla fuqna,1 il-pussess tiegħu fuqna,2 u l-ħeġġa li għandu għall-qima tiegħu stess.3 1. Salm 95:2,3,6. 2. Salm 45:11. 3. Es.34:13,14. 53 Liema hu t-tielet kmandament? It-tielet kmandament hu: "La ssemmix isem il-Mulej, Alla tiegħek, fil-batal: għax il-Mulej ma jħallix bla kastig lil min isemmi ismu fil-batal."1 1. Es.20:7 54 X'jistenna Alla minna fit-tielet kmandament? Fit-tielet kmandament Alla jistenna li nagħmlu użu qaddis u reverenti mill-ismijiet,1 it-titoli2 u l-attributi3 tiegħu, mill-ordinanzi,4 il-kelma5 u x-xogħlijiet6 tiegħu. 1. Mt.6:9; Dewt.28:58. 2. Salm 68:4. 3. Riv.15:3,4. 4. Mal.1:11,14. 5. Salm 138:1,2. 6. Ġob 36:24. 55 X'jiċħdilna Alla fit-tielet kmandament? Fit-tielet kmandament Alla jiċħdilna li nipprofanaw jew nabbużaw minn kwalunkwe ħaġa li biha jgħarraf lilu nnifsu.1 1. Mal.1:6,7,12; 2:2; 3:14. 56 X'inhi r-raġuni meħmuża mat-tielet kmandament? Ir-raġuni meħmuża mat-tielet kmandament hi, li avolja min jikser dan il-kmandament jista' jiskappa l-kastig mill-bniedem, xorta waħda l-Mulej Alla tagħna ma jippermettilux jiskappa l-ġudizzju ġust tiegħu.1 1. 1 Sam.2:12,17,22,29; 3:13; Dewt.28:58,59. 57 Liema hu r-raba' kmandament? Ir-raba' kmandament hu: "Ftakar f'jum is-Sibt, biex tqaddsu. Sitt ijiem taħdem, u tagħmel ix-xogħol tiegħek kollu: imma s-seba' jum hu Sibt il-Mulej, Alla tiegħek: fih la tagħmel ebda xogħol: la int, la ibnek, la bintek, la l-qaddej tiegħek, la l-qaddejja tiegħek, la l-bhejjem tiegħek, u la l-għarib li jgħammar 'il ġewwa minn bwiebek. Għax f'sitt ijiem il-Mulej għamel is-sema u l-art, il-baħar, u kulma hemm fihom, u strieħ fis-seba' jum: għalhekk bierek il-Mulej jum is-Sibt, u qaddsu."1 1. Es.20:8-11. 58 X'jistenna Alla minna fir-raba' kmandament? Fir-raba' kmandament Alla jistenna li nżommu qaddisa għalih dawk il-ħinijiet iffissati kif maħtura fil-Kelma tiegħu; speċifikament jum wieħed minn sebgħa, biex ikun sabat qaddis għalih.1 1. Dewt.5:12-14. 59 Liema jum mis-sebgħa ħatar Alla biex ikun is-sabat kull ġimgħa? Mill-bidu tad-dinja sal-qawmien ta' Kristu, Alla ħatar is-seba' jum biex ikun is-sabat kull ġimgħa; u mill-qawmien 'l hawn l-ewwel jum tal-ġimgħa, u hekk għandu jissokta sa tmiem id-dinja, li hu s-sabat Kristjan.1 1. ġen.2:2,3; 1 Kor.16:1,2; Atti 20:7. 60 Kif għandu jkun imqaddes is-sabat? Is-sabat għandu jitqaddes b'mistrieħ qaddis il-jum kollu,1 anke mill-impjiegi u rikreazzjonijiet tad-dinja li jiswew fi ġranet oħra;2 u tqatta' l-ħin kollu fl-eżerċizzji pubbliċi u privati tal-qima t'Alla,3 ħlief dak il-ħin użat għall-għemejjel ta' neċessita’ u ħniena.4 1. Es.20:8,10; 16:25-28. 2. Neħ.13:15-22. 3. Lq.4:16; Atti 20:7; Salm 92 (it-titlu); Isa.66:23. 4. Mt.12:1-14. 61 X'jiċħdilna Alla fir-raba' kmandament? Fir-raba' kmandament Alla jiċħdilna l-ommissjoni jew l-għemil traskurat tad-doveri rikjesti,1 u li nipprofanaw il-jum bl-għażż,2 jew nagħmlu dak li hu fih innifsu midneb,3 jew bi ħsibijiet, diskors jew għemejjel mhux meħtieġa dwar l-impjiegi tad-dinja jew ir-rikreazzjonijiet tagħna.4 1. Eżek.22:26; Għam.8:5; Mal.1:13. 2. Atti 20:7,9. 3. Eżek.23:38. 4. ġer.17:24-26; Isa.58:13. 62 X'inhuma r-raġunijiet meħmuża mar-raba' kmandament? Ir-raġunijiet meħmuża mar-raba' kmandament huma li Alla jħallilna sitt ijiem fil-ġimgħa għall-impjiegi tagħna,1 li jisħaq dwar il-pussess speċjali fuq is-seba' jum, l-eżempju tiegħu stess, u t-tberik tas-sabat.2 1. Es.20:9. 2. Es.20:11. 63 Liema hu l-ħames kmandament? Il-ħames kmandament hu: "Weġġaħ lil missierek u lil ommok: biex jitwalu jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik."1 1. Es.20:12. 64 X'jistenna Alla minna fil-ħames kmandament? Fil-ħames kmandament Alla jistenna li nippriżervaw l-unur, u nwettqu d-doveri li jmissu lil kull wieħed minna fil-pożizzjonijiet u r-relazzjonijiet tagħna, bħala superjuri,1 inferjuri2 jew ugwali.3 1. Ef.5:21. 2. 1 Pt.2:17. 3. Rum.12:10. 65 X'jiċħdilna Alla fil-ħames kmandament? Fil-ħames kmandament Alla jiċħdilna li nittraskuraw jew nagħmlu xi ħaġa kontra l-ġieħ u d-dmir li jmissu lil kull wieħed minna fil-pożizzjonijiet u r-relazzjonijiet tagħna.1 1 Mt.15:4-6; Eżek.34:2-4; Rum.13:8. 66 X'inhi r-raġuni meħmuża mal-ħames kmandament? Ir-raġuni meħmuża mal-ħames kmandament hi wegħda ta' għomor twil u prosperita’ (sakemm ikunu għall-glorja t'Alla u għall-ġid tagħhom) lil dawk kollha li jżommu dan il-kmandament.1 1. Dewt.5:16; Ef.6:2,3. 67 Liema hu s-sitt kmandament? Is-sitt kmandament hu: "La toqtolx."1 1. Es.20:13. 68 X'jistenna Alla minna fis-sitt kmandament? Fis-sitt kmandament Alla jistenna li nagħmlu l-isforzi leġittmi kollha tagħna biex nippriżervaw ħajjitna stess,1 u l-ħajja ta' ħaddieħor.2 1. Ef.5:28,29. 2. 1 Slaten 18:4. 69 X'jiċħdilna Alla fis-sitt kmandament? Fis-sitt kmandament Alla jiċħdilna li nieħdu ħajjitna b'idejna, jew il-ħajja tal-proxxmu tagħna inġustament, jew kwalunkwe ħaġa li twassal għal dan.1 1. Atti 16:28; ġen.9:6. 70 Liema hu s-seba' kmandament? Is-seba' kmandament hu: "La tikkommettix adulterju."1 1. Es.20:14. 71 X'jistenna Alla minna fis-seba' kmandament? Fis-seba' kmandament Alla jistenna li nippriżervaw is-safa tagħna u tal-proxxmu, fil-qalb, fid-diskors u fl-imġieba.1 1. 1 Kor.7:2-5,34-36; Kol.4:6; 1 Pt.3:2. 72 X'jiċħdilna Alla fis-seba' kmandament? Fis-seba' kmandament Alla jiċħdilna kull ħsieb, kelma, jew għemil żieni.1 1. Mt.15:19; 5:28; Ef.5:3,4. 73 Liema hu t-tmien kmandament? It-tmien kmandament hu: "La tisraqx."1 1. Es.20:15. 74 X'jistenna Alla minna fit-tmien kmandament? Fit-tmien kmandament Alla jistenna li nakkwistaw u nżidu l-ġid u l-qagħda materjali tagħna u ta' ħaddieħor b'mod leġittmu.1 1. ġen.30:30; 47:14,20; Es.23:4,5; Lev.25:35; Dewt.22:1-5; 1 Tim.5:8. 75 X'jiċħdilna Alla fit-tmien kmandament? Fit-tmien kmandament Alla jiċħdilna dak kollu li jfixkel jew jista' inġustament ifixkel il-ġid jew il-qagħda materjali tagħna jew tal-proxxmu tagħna.1 1 Prov.21:17; 23:20,21; 28:19; Ef.4:28. 76 Liema hu d-disa' kmandament? Id-disa' kmandament hu: "La tgħidx xhieda giddieba kontra għajrek."1 1. Es.20:16. 77 X'jistenna Alla minna fid-disa' kmandament? Fid-disa' kmandament Alla jistenna li nżommu u navvanzaw il-verità bejn bniedem u ieħor,1 u r-reputazzjoni tajba tagħna u tal-proxxmu,2 speċjalment meta nagħtu xhieda.3 1. żakk.8:16. 2. 3 Ġw.12. 3. Prov.14:5,25. 78 X'jiċħdilna Alla fid-disa' kmandament? Fid-disa' kmandament Alla jiċħdilna kwalunkwe ħaġa li hi ta' preġudizzju għall-verita’, jew ta' ħsara għall-fama tajba tagħna jew tal-proxxmu.1 1. 1 Sam.17:28; Lev.19:16; Salm 15:3. 79 Liema hu l-għaxar kmandament? L-għaxar kmandament hu: "La tixtieqx dar għajrek; la tixtieqx mart għajrek; u la l-qaddej tiegħu; u la l-qaddejja tiegħu; la l-gendus tiegħu; u la l-ħmar tiegħu, u lanqas xejn milli hu ta' għajrek."1 1. Es.20:17. 80 X'jistenna Alla minna fl-għaxar kmandament? Fl-għaxar kmandament Alla jistenna li nkunu kuntenti għalkollox bil-qagħda tagħna,1 b'attitudni tajba u karitattiva lejn il-proxxmu, u dak kollu li hu tiegħu.2 1. Lhud 13:5; 1 Tim.6:6. 2. Ġob 31:29; Rum.12:15; 1 Tim.1:5; 1 Kor.13:4-7. 81 X'jiċħdilna Alla fl-għaxar kmandament? Fl-għaxar kmandament Alla jiċħdilna kull skuntentizza fil-qagħda tagħna,1 li ngħiru jew nitnikktu minħabba l-ġid tal-proxxmu tagħna,2 u kull mozzjoni jew affezzjoni immoderata għal xi oġġett tiegħu.3 1. 1 Slaten 21:4; Ester 5:13; 1 Kor.10:10. 2. Gal.5:26; ġak.3:14,16. 3. Rum.7:7,8; 13:9; Dewt.5:21. 82 Il-bniedem kapaċi jobdi perfettament il-kmandamenti t'Alla? Ebda sempliċi bniedem mill-waqgħa 'l hawn mhu kapaċi f'din il-ħajja jżomm il-kmandamenti t'Alla,1 iżda ta' kuljum niksruhom fil-ħsieb, fil-kliem, u fl-għemil.2 1. Ekk.7:20; 1 Ġw.1:8,10; Gal.5:17. 2. ġen.6:5; 8:21; Rum.3:9-21; ġak.3:2-13. 83 Kull ksur tal-liġi hu ugwalment gravi? Fihom infushom, u minħabba aggravazzjonijiet oħra, ċerti dnubiet huma iżjed gravi f'għajnejn Alla minn oħrajn.1 1. Eżek.8:6,13-15; 1 Ġw.5:16; Salm 78:17,32,56. 84 X'jistħoqqlu kull dnub? Kull dnub jistħoqqlu l-għadab u s-saħta t'Alla, kemm f'din il-ħajja, kif ukoll f'dik li għad trid tiġi.1 1. Ef.5:6; Gal.3:10; Biki 3:39; Mt.25:41. 85 X'jistenna Alla minna, biex naħarbu l-għadab u s-saħta tiegħu li jistħoqqilna minħabba d-dnub? Biex naħarbu l-għadab u s-saħta t'Alla li jistħoqqilna minħabba d-dnub, Alla jirrekjiedi minna fidi f'ġesu’ Kristu, indiema għall-ħajja,1 bl-użu diliġenti tal-mezzi esterni kollha li bihom Kristu jikkomunikalna l-benefiċċji tal-fidwa.2 1. Atti 20:21. 2. Prov.2:1-5; 8:33-36; Isa.55:3. 86 X'inhi l-fidi f'ġesu’ Kristu? Il-fidi f'ġesu’ Kristu hi grazzja li ssalva,1 li biha nilqgħuh u nistrieħu fih biss għas-salvazzjoni, kif inhu offrut lilna fl-evangelju.2 1. Lhud 10:39. 2. Ġw.1:12; Isa.26:3,4; Fil.3:9; Gal.2:16. 87 X'inhi l-indiema għall-ħajja? L-indiema għall-ħajja hi grazzja li ssalva,1 li biha midneb, affaċċjat b'sens veru tad-dnub tiegħu,2 u b'fehma tal-ħniena t'Alla fi Kristu,3 b'għali u mibegħda għad-dnub4 idur minnu lejn Alla,5 bl-intenzjoni sħiħa u tħabrik għal ubbidjenza ġdida.6 1. Atti 11:18. 2. Atti 2:37,38. 3. ġoel 2:12; ġer.3:22. 4. ġer.31:18,19; Eżek.36:31. 5. 2 Kor.7:11; Isa.1:16,17. 88 Liema huma l-mezzi esterni li bihom Kristu jikkomunikalna l-benefiċċji tal-fidwa? Il-mezzi esterni u ordinarji li bihom Kristu jikkomunikalna l-benefiċċji tal-fidwa huma l-ordinanzi tiegħu, speċjalment il-Kelma, is-sagramenti u t-talb; li lkoll huma magħmulin effettivi għall-maħturin għas-salvazzjoni tagħhom.1 1. Mt.28:19,20; Atti 2:42,46,47. 89 Kif inhi magħmula effettiva l-Kelma għas-salvazzjoni? L-Ispirtu t'Alla juza l-qari, u speċjalment l-ippridkar tal-Kelma, bħala mezz effettiv biex jikkonvinċi u jikkonverti lill-midinbin, u biex jibnihom fil-qdusija u l-faraġ, permezz tal-fidi, għas-salvazzjoni tagħhom.1 1. Neħ.8:8; 1 Kor.14:24,25; Atti 20:32; 26:18; Salm 19:8; Rum. 1:16; 10:13-17; 15:4; 2 Tim.3:15-17. 90 Kif għandha tinqara u tkun mismugħa l-Kelma, sabiex issir effettiva għas-salvazzjoni? Biex il-Kelma ssir effettiva għas-salvazzjoni, jeħtieġ nagħtu widen b'diliġenza,1 tħejjija,2 u talb;3 nilqgħuha bil-fidi u mħabba,4 naħbuha fi qlubna,5 u nipprattikawha f'ħajjitna.6 1. Prov.8:34. 2. 1 Pt.2:1,2. 3. Salm 119:18. 4. Lhud 4:2; 2 Tess.2:10. 5. Salm 119:11. 6. Lq.8:15; ġak.1:25. 91 Kif isiru s-sagramenti mezzi effettivi tas-salvazzjoni? Is-sagramenti jsiru mezzi effettivi tas-salvazzjoni mhux minħabba xi virtu’ fihom infushom, jew f'min jamministrahom; iżda biss bil-barka ta' Kristu,1 u l-ħidma ta' l-Ispirtu tiegħu f'dawk li jirċevuhom bil-fidi.2 1. 1 Pt.3:21; Mt.3:11; 1 Kor.3:6,7. 2. 1 Kor.12:13 92 X'inhu sagrament? Sagrament hu ordinanza qaddisa mwaqqfa minn Kristu li fiha, b'sinjali sensibbli, Kristu u l-benefiċċji tal-patt il-ġdid huma rappreżentati, issiġillati, u applikati lill-fidili.1 1. ġen.17:7,10; Es.12; 1 Kor.11:23,26. 93 Liema huma s-sagramenti tal-Patt il-ġdid? Is-sagramenti tal-Patt il-ġdid huma l-magħmudija1 u l-Ikla tal-Mulej.2 1. Mt.28:19. 2. Mt.26:26-28. 94 X'inhi l-magħmudija? Il-magħmudija hi sagrament li fiha l-ħasil bl-ilma fl-isem tal-Missier u ta' l-Iben u ta' l-Ispirtu s-Santu1 jissinifika u jissiġilla t-tlaqqim tagħna fi Kristu, u l-parteċipazzjoni fil-benefiċċji tal-patt tal-grazzja, u l-ingaġġ tagħna li nkunu tal-Mulej.2 1. Mt.28:19. 2. Rum.6:4; Gal.3:27. 95 Lil min għandha tkun amministrata l-magħmudija? Il-magħmudija m'għandha tkun amministrata lil ebda persuna barra mill-knisja viżibbli, qabel ma tipprofessa l-fidi fi Kristu, u ubbidjenza lejh;1 imma t-trabi tal-membri tal-knisja viżibbli għandhom ikunu mgħammda.2 1. Atti 8:36,37; 2:38. 2. Atti 2:38,39; ġen.17:10 ma’ Kol.2:11,12; 1 Kor.7:14. [Nota: Xi denominazzjonijiet Kristjani huma tal-fehma li t-trabi ghandhom l-ewwel ikunu mghallma fil-fidi, u jkunu mghammda meta jikkonvertu. Dawk li attwalment jipprofessaw l-indiema lejn Alla, fidi f'Sidna Gesù Kristu, u ubbidjenza lejh, huma l-unici kandidati xierqa ghal din l-ordinanza. Mark.16:16; Atti 8:36-37; 2:41; 8:12; 18:8]. 96 X'inhi l-Ikla tal-Mulej? L-Ikla tal-Mulej hi sagrament li fih, bl-għoti u r-riċeviment ta' ħobż u nbid, skond il-ħatra ta' Kristu, il-mewt tiegħu hi proklamata, u dawk li jirċevuhom denjament, mhux b'manjiera korporali u karnali, iżda bil-fidi, jixxierku fil-ġisem u d-demm tiegħu, bil-benefiċċji kollha tiegħu, għan-nutriment spiritwali tagħhom, u kobor fil-grazzja.1 1. 1 Kor.11:23-26; 10:16. 97 X'inhu meħtieġ biex nieħdu sehem denju fl-Ikla tal-Mulej? Biex nipparteċipaw denjament fl-Ikla tal-Mulej jeħtieġ neżaminaw lilna nfusna biex naraw jekk niddiskriminawx ġisem il-Mulej,1 biex naraw il-fidi tagħna li nitimgħu lilna nfusna minnu,2 u biex naraw l-indiema,3 l-imħabba4 u l-ubbidjenza ġdida tagħna;5 inkella, jekk nersqu indenjament, nieklu u nixorbu l-kundanna għalina nfusna.6 1. 1 Kor.11:28,29. 2. 2 Kor.13:5. 3. 1 Kor.11:31. 4. 1 Kor.10:16,17. 5. 1 Kor.5:7,8. 6. 1 Kor.11:28,29. 98 X'inhu t-talb? Il-talb huwa l-offerta tax-xewqat tagħna lil Alla,1 għall-ħwejjeġ li jaqblu mar-rieda tiegħu,2 f'isem Kristu,3 bi stqarrija ta' dnubietna,4 u ammissjoni grata għall-ħniniet tiegħu.5 1. Salm 62:8. 2. 1 Ġw.5:14. 3. Ġw.16:23. 4. Salm 32:5,6; Dan.9:4. 5. Fil.4:6. 99 Liema regola tana Alla għad-direzzjoni tagħna fit-talb? Il-Kelma kollha t'Alla għandha tintuża biex tidderiġina fit-talb;1 iżda r-regola speċjali li tidderiġina hi dik l-għamla ta' talb li Kristu għallem lid-dixxipli tiegħu, imsejħa popolarment, "il-Missierna."2 1. 1 Ġw.5:14. 2. Mt.6:9-13; Lq.11:2-4. 100 X'tgħallimna l-introduzzjoni tal-Missierna? L-introduzzjoni tal-Missierna (li hi, "Missierna li int fis-smewwiet"1) tgħallimna nersqu qrib lejn Alla b'kull reverenza u konfidenza qaddisa, bħal ulied lejn missier, li kapaċi u lest jgħinna;2 u li għandna nitolbu ma' ħaddieħor u għal ħaddieħor.3 1. Mt.6:9. 2. Rum.8:15; Lq.11:13. 3. Atti 12:5; 1 Tim.2:1,2. 101 Għalxiex nitolbu fl-ewwel petizzjoni? Fl-ewwel petizzjoni (li hi, "Jitqaddes ismek"1) nitolbu sabiex Alla jagħti l-ħila lilna u lill-oħrajn biex nigglorifikawh f'dak kollu li bih jgħarraf lilu nnifsu;2 u sabiex jiddisponi l-ħwejjeg kollha għall-glorja tiegħu stess.3 1. Mt.6:9. 2. Salm 67:2,3. 3. Salm 83. 102 Għalxiex nitolbu fit-tieni petizzjoni? Fit-tieni petizzjoni (li hi, "Tiġi saltnatek"1) nitolbu sabiex id-dominju ta' Satana jinqered;2 u sabiex is-saltna tal-grazzja tkun avvanzata,3 bina nfusna u oħrajn imdaħħlin u miżmumin fiha;4 u sabiex is-saltna tal-glorja ma ddumx ma tasal.5 1. Mt.6:10. 2. Salm 68:1,18. 3. Riv.12:10,11. 4. 2 Tess. 3:1; Rum.10:1; Ġw.17:9,20. 5. Riv.22:20. 103 Għalxiex nitolbu fit-tielet petizzjoni? Fit-tielet petizzjoni (li hi, "Ikun li trid int fl-art, kif inhu fis-sema"1) nitolbu sabiex Alla, bil-grazzja tiegħu, jagħmilna kapaċi u rridu li nkunu nafu r-rieda tiegħu, nobduha u nissottomettu ruħna għaliha f'kollox,2 bħalma jagħmlu l-anġli fis-smewwiet.3 1. Mt.6:10. 2. Salm 67; Salm 119:36; Mt.26:39; 2 Sam.15:25; Ġob 1:21. 3. Salm 103:20,21. 104 Għalxiex nitolbu fir-raba' petizzjoni? Fir-raba' petizzjoni (li hi, "ħobżna ta' kuljum agħtina llum"1) nitolbu sabiex mill-għotja ħielsa t'Alla nirċievu porzjon adekwat mill-ħwejjeġ tajba ta' din il-ħajja, u magħhom ingawdu l-barka tiegħu.2 1. Mt.6:11. 2. Prov.30:8,9; ġen.28:20; 1 Tim.4:4,5. 105 Għalxiex nitolbu fil-ħames petizzjoni? Fil-ħames petizzjoni (li hi, "U aħfrilna djunna, bħalma naħfru aħna lill-midjunin tagħna"1) nitolbu sabiex Alla, fuq il-merti ta' Kristu, jaħfrilna b'xejn dnubietna kollha;2 u għal dan nagħmlu kuraġġ nitolbu, għaliex bil-grazzja tiegħu aħna mogħtija l-ħila naħfru lil ħaddieħor mill-qalb.3 1. Mt.6:12. 2. Salm 51:1,2,7,9; Dan.9:17-19. 3. Lq.11:4; Mt.18:35. 106 Għalxiex nitolbu fis-sitt petizzjoni? Fis-sitt petizzjoni (li hi, "U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mill-ħażen"1) nitolbu sabiex Alla jżommna bogħod milli nkunu mġarrba għad-dnub,2 jew inkella jassistina u jeħlisna meta nkunu mġarrba.3 1. Mt.6:13. 2. Mt.26:41. 3. 2 Kor.12:7,8. 107 X'tgħallimna l-konklużjoni tal-Missierna? Il-konklużjoni tal-Missierna (li hi, "Għax tiegħek is-saltna, u s-setgħa, u l-glorja, għal dejjem, Amen."1) tgħallimna li l-enkoraġġiment tagħna fit-talb għandu jkun mingħand Alla waħdu,2 u fit-talb tagħna nfaħħruh, billi nattribwixxu lilu s-saltna, il-qawwa u l-glorja.3 U bħala xhieda ta' xewqitna u l-assigurazzjoni li se nkunu mismugħa, ngħidu "Amen."4 1. Mt.6:13. 2. Dan.9:4,7-9,16-19. 3. 1 Kron.29:10-13. 4. 1 Kor.14:16; Riv.22:20-2. |
|
Copyright Paul Mizzi, 2003 |