Il-Katekizmu ta' Heidelberg

1. X’inhu l-uniku faraġ tiegħek fil-ħajja u fil-mewt?

Li m’inix tiegħi nnifsi (1 Kor.6:19-20), iżda b’ġismi u ruħi, fil-ħajja u l-mewt (Rum.14:7-9), ninsab fi ħdan is-Salvatur fidil tiegħi, Ġesù Kristu (1 Kor.3:23; Tit.2:14), li ħallas kompletament għal dnubieti kollha b’demmu prezzjuż (1 Pt.1:18-19; 1 Ġw.1:7-9; 2:2), u ħelisni mit-tirannija tax-xitan (Ġw.8:34-36; Lhud 2:14-15; 1 Ġw.3:1-11). Jgħasses ukoll fuqi b’tali mod (Ġw.6:39-40; 10:27-30; 2 Tess.3:3; 1 Pt.1:5) li xagħra waħda minn rasi ma taqgħax mingħajr ir-rieda ta’ Missieri fis-smewwiet (Mt.10:29-31; Lq.21:16-18): difatti, il-ħwejjeġ kollha jeħtieġ jaħdmu flimkien għas-salvazzjoni tiegħi (Rum.8:28). Għalhekk Kristu, bl-Ispirtu s-Santu tiegħu, jassigurani mill-ħajja eterna (Rum.8:15-16; 2 Kor.1:21-22; 5:5; Ef.1:13-14) u jagħmilni rrid b’qalbi kollha u lest minn issa ’l quddiem li ngħix għalih (Rum.8:1-17).

2. X’jeħtieġlek tkun taf biex tgħix u tmut fl-hena ta’ dan il-faraġ?

Tlett ħwejjeġ: l-ewwelnett, kemm huma kbar id-dnub u l-miżerja tiegħi (Rum.3:9-10; 1 Ġw.1:10); it-tieni, kif jien meħlus mid-dnubiet u l-miżerja kollha tiegħi (Ġw.17:3; Atti 4:12; 10:43); u t-tielet, kif imissni nirringrazzja ’l Alla għal dan il-ħelsien (Mt.5:16; Rum.6:13; Ef.5:8-10; 2 Tim.2:15; 1 Pt.2:9-10).

IL-MIŻERJA TAL-BNIEDEM

3. Mnejn issir taf bil-miżerja tiegħek?

Mil-Liġi t’Alla (Rum.3:20; 7:7-25).

4. X’tirrekjiedi minna l-Liġi t’Alla?

Kristu jgħallimna dan fil-qosor f’Mattew 22: Ħobb il-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u bil-qawwa tiegħek kollha (Dewt.6:5). Dan hu l-ewwel u l-akbar kmandament. U t-tieni bħalu: Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek (Lev.19:18). Il-Liġi kollha u l-profeti jserrħu fuq dawn iż-żewġ kmandamenti.

5. Għandek ħila tosserva dan kollu perfettament?

B’ebda mod (Rum.3:9-20; 1 Ġw.1:8,10), għax għandi tendenza naturali li nobgħod ’l Alla u l-proxxmu tiegħi (Ġen.6:5; Ġer.17:9; Rum.7:23-24; 8:7; Ef.2:1-3; Tit.3:3).

6. Allura Alla ħalaq lill-bniedem hekk ħażin u pervers?

Lanqas xejn. Alla ħalaq il-bniedem tajjeb (Ġen.1:31) u fuq ix-xbieha tiegħu (Ġen.1:26-27), jiġifieri b’ġustizzja u qdusija vera (Ef.4:24), biex ikun jaf sewwa ’l Alla l-Ħallieq tiegħu (Kol.3:10), iħobbu b’qalbu kollha, u jgħix miegħu f’hena eterna ħalli jfaħħru u jsebbħu (Salm 8).

7. Mela mnejn tiġi din in-natura umana depravata?

Mill-waqgħa u d-diżubbidjenza ta’ l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, fil-ġenna ta’ l-art (Ġen.3). Din il-waqgħa tant ħassret in-natura tagħna (Rum.5:12,18-19) illi lkoll nitnisslu u nitwieldu fid-dnub (Salm 51:5).

8. Imma allura ninsabu tant korrotti li m’aħniex kapaċi totalment nagħmlu kwalunkwe ħaġa tajba u mixħutin lejn kull ħażen?

Iva (Ġen.6:5; 8:21; Ġob 14:4; Isa.53:6), jekk kemm-il darba ma nkunux imwielda mill-ġdid bl-Ispirtu t’Alla (Ġw.3:3-5).

9. Allura Alla ma jimxix magħna b’inġustizzja filli jirrekjiedi fil-Liġi tiegħu dak li m’aħniex kapaċi nagħmlu?

Lanqas xejn, għax Alla ħalaq lill-bniedem bl-abbiltà li jżomm il-Liġi (Ġen.1:31; Ef.4:24). Madankollu, imġarrab mix-xitan (Ġen.3:13; Ġw.8:44), il-bniedem ippriva lilu nnifsu u lid-dixxendenti kollha tiegħu minn din il-qawwa (Rum.5:12,18-19) bid-diżubbidjenza stinata tiegħu (Ġen.3:6).

10. Alla jħalli t-tali diżubbidjenza u apostasija bla ma jkunu kkastigati?

Dażgur li le. Alla jinsab mgħaddab terribbilment minħabba d-dnub li nitwieldu bih kif ukoll bid-dnubiet li nagħmlu personalment. Bħala Mħallef ġust jikkastigahom issa u fl-eternità (Esodu 34:7; Salm 5:4-6; Naħ.1:2; Rum.1:18; Ef.5:6; Lhud 9:27), bħalma ddikjara: “Misħut kull min ma jkomplix jagħmel kull ħaġa miktuba fil-Ktieb tal-Liġi” (Gal.3:10; Dewt.27:26).

11. Imma Alla mhux ħanin ukoll?

Alla tabilħaqq mimli ħniena (Es.34:6-7; Salm 103:8-9), iżda wkoll ġust (Es.34:7; Dewt.7:9-11; Salm 5:4-6; Lhud 10:30-31). Għaldaqstant il-ħaqq tiegħu jiddomanda li d-dnub, magħmul kontra l-majestà suprema tiegħu, ikun ikkastigat bil-piena estrema, jiġifieri bil-kastig etern tal-ġisem u r-ruħ (Mt.25:35-46).

IL-FIDWA TAL-BNIEDEM

12. Skond il-ħaqq ġust t’Alla jistħoqqilna l-kastig kemm f’din id-dinja u għal dejjem: kif mela nistgħu naħarbu dal-kastig u nintlaqgħu fil-favur tiegħu?

Alla jirrekjiedi li l-ġustizzja tiegħu tkun sodisfatta (Esodu 23:7; Rum.2:1-11). Għalhekk id-domandi tal-ġustizzja tiegħu jeħtieġ ikunu sodisfatti għalkollox, minna nfusna jew inkella minn ħaddieħor (Isa.53:11; Rum.8:3-4).

13. Nistgħu nħallsu dan id-dejn aħna nfusna?

Żgur li le; għall-kuntrarju, ta’ kuljum inkattru l-ħtija tagħna (Mt.6:12; Rum.2:4-5).

14. Tista’ xi ħlejqa oħra tħallas id-dejn għalina?

Le; għax l-ewwelnett, Alla mhux se jikkastiga ħlejqa oħra għall-ħtija li l-bniedem ġab fuqu nnifsu (Eżek.18:4,20; Lhud 2:14-18). Barra minn hekk, ebda sempliċi kreatura mhi kapaċi ġġorr it-toqol ta’ l-għadab etern t’Alla kontra d-dnub, u teħles lil ħaddieħor minnu (Salm 49:7-9; 130:3).

15. Mela liema medjatur u ħellies imissna nfittxu?

Wieħed li hu verament uman (Rum.1:3; 1 Kor.15:21; Lhud 2:17) u tabilħaqq ġust (Isa.53:9; 2 Kor.5:21; Lhud 7:26), u madankollu iżjed b’saħħtu mill-ħlejjaq kollha, jiġifieri, wieħed li huwa fl-istess ħin Alla veru (Isa.7:14; 9:6; Ġer.23:6; Ġw.1:1).

16. Għaliex irid ikun verament uman u ġust?

Għax il-ġustizzja t’Alla tisħaq li n-natura umana, li dinbet, trid tħallas hi stess għad-dnub (Rum.5:12,15; 1 Kor.15:21; Lhud 2:14-16); u għax ebda bniedem midneb ma jista’ qatt jagħmel sodisfazzjon għal ħaddieħor (Lhud 7:26-27; 1 Pt.3:18).

17. Għaliex irid ikun ukoll Alla veru?

Biex bis-setgħa tad-divinità tiegħu jkun jista’, fl-umanità tiegħu, jitgħabba bit-toqol tar-rabja t’Alla u hekk jaqlagħlna u jirrestawralna l-ġustizzja u l-ħajja (Isa.53; Ġw.3:16; 2 Kor.5:21).

18. Min hu, allura, dan il-medjatur, Alla veru u fl-istess ħin verament uman u bla dnub?

Sidna Ġesù Kristu (Mt.1:21-23; Lq.2:11; 1 Tim.2:5), li ngħatalna liberament ħalli jifdina kompletament u jagħmilna sewwa m’Alla (1 Kor.1:30).

19. Kif tafu dan?

Mill-Evanġelju Mqaddes. Alla beda jirrivelah l-ewwel fl-Għeden (Ġen.3:15), u aktar tard xandru permezz tal-patrijarki (Ġen.22:18; 44:10) u l-profeti qaddisa (Isa.53; Ġer.23:5-6; Mik.7:18-20; Atti 10:43; Lhud 1:1-2), u esibih bis-sagrifiċċji u ċerimonji oħra tal-Liġi (Lev.1-7; Ġw.5:46; Lhud 10:1-10). Finalment wettqu f’Ibnu l-maħbub (Rum.10:4; Gal.4:4-5; Kol.2:17).

20. Allura l-bnedmin kollha huma salvati bi Kristu bħalma kulħadd kien mitluf f’Adam?

Le. Huma salvati biss dawk li b’fidi vera huma mlaqqma fi Kristu u jirċievu l-benefiċċji kollha tiegħu (Mt.7:14; Ġw.3:16,18,36; Rum.11:16-21).

21. X’inhi fidi vera?

Mhix sempliċement it-tagħrif u l-konvinzjoni li kulma jirrivela Alla fil-Kelma tiegħu huwa minnu (Ġw.17:3,17; Lhud 11:1-3; Ġak.2:19); hija wkoll assigurazzjoni b’egħruq fil-fond (Rum.4:18-21; 5:1; 10:10; Lhud 4:14-16), maħluqa fija mill-Ispirtu s-Santu (Mt.16:15-17; Ġw.3:5; Atti 16:14) permezz ta’ l-Evanġelju (Rum.1:16; 10:17; 1 Kor.1:21), li, bi grazzja pura maqlugħa għalina minn Kristu (Rum.3:21-26; Gal.2:16; Ef.2:8-10), mhux ħaddieħor biss, imma jien ukoll (Gal.2:20) għandi dnubieti maħfura, ninsab għal dejjem sewwa m’Alla, u mogħti s-salvazzjoni b’xejn (Rum.1:17; Lhud 10:10).

22. X’imissu mela jemmen il-Kristjan?

Kwalunkwe ħaġa li Alla wegħdna fl-Evanġelju (Mt.28:18-20; Ġw.20:30-31), miġbura fil-qosor għalina fl-artikli tal-fidi Kristjana, kredu ċert u kattoliku.

23. X’inhuma dawn l-artikli?

Jiena nemmen f’Alla, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art.

U f’Ġesù Kristu l-Iben uniġenitu tiegħu, Sidna; li kien ikkonċeput mill-Ispirtu s-Santu; twieled mill-verġni Marija. Bata taħt Ponzju Pilatu; sallbuh, miet u difnuh; niżel f’Ħades. Mat-tielet jum qam minn bejn l-imwiet. Tela’ fis-smewwiet, u qiegħed fuq il-leminija t’Alla, il-Missier li jista’ kollox. Minn hemm għandu jerġa’ jiġi biex jagħmel il-ħaqq mill-ħajjin u l-mejtin.

Nemmen fl-Ispirtu s-Santu, il-knisja mqaddsa kattolika, ix-xirka tal-qaddisin, il-maħfra tad-dnubiet, il-qawma mill-imwiet, u l-ħajja ta’ dejjem. Amen.

24. Kif inhuma mqassma dawn l-artikli?

Fi tlett partijiet: Alla l-Missier u l-ħolqien tagħna; Alla l-Iben u l-fidwa tagħna; Alla l-Ispirtu s-Santu u t-taqdis tagħna.

25. Ladarba hemm Alla wieħed waħdu (Dewt.6:4; 1 Kor.8:4,6), għaliex issemmi tlieta: il-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu?

Għax Alla hekk irrevela lilu nnifsu fil-Kelma tiegħu (Mt.3:16-17; 28:18-19; Lq.4:18; Isa.61:1; Ġw.14:26; 15:26; 2 Kor.13:14; Gal.4:6; Tit.3:5-6): dawn it-tlett Persuni distinti huma Alla wieħed, veru u etern.

Alla l-Missier

26. X’temmen meta tgħid, Nemmen f’Alla, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art?

Li l-Missier etern ta’ Sidna Ġesù Kristu, li mix-xejn ħalaq is-smewwiet u l-art u kulma fihom (Ġen.1-2; Esodu 20:11; Salm 33:6; Isa.44:24; Atti 4:24; 14:15), li għadu jżommhom u jiggvernahom bil-fehma eterna u l-providenza tiegħu (Salm 104; Mt.6:30; 10:29; Ef.1:11), huwa Alla tiegħi u Missieri minħabba Kristu Ibnu (Ġw.1:12-13; Rum.8:15-16; Gal.4:4-7; Ef.1:5). Nafda fih tant li m’għandi ebda dubju li jipprovdili kulma neħtieġ għal ġismi u ruħi (Salm 55:22; Mt.6:25-26; Lq.12:22-31), u jaqleb għall-ġid tiegħi kwalunkwe avversità li jibgħatli f’dan il-wied ta’ dmugħ (Rum.8:28). Kapaċi jagħmel dan għax hu Alla omnipotenti (Ġen.18:14; Rum.8:31-39); u jrid jagħmel dan għax hu Missier fidil (Mt.7:9-11).

27. X’tifhem bil-providenza t’Alla?

Il-providenza hi l-qawwa t’Alla, li tista’ kollox u tinsab kullimkien (Ġer.23:23-24; Atti 17:24-28), li biha jżomm, bħallikieku b’idu, is-smewwiet u l-art u l-ħlejjaq kollha (Lhud 1:3), u jaħkimhom b’tali mod li xitel u ħaxix, xita u nixfa, snin għammiela u ħawlija, ikel u xorb, saħħa u mard, risq u faqar (Ġer.5:24; Atti 14:15-17; Ġw.9:3; Prov.22:2), infatti l-ħwejjeġ kollha jiġrulna mhux bix-xorti (Prov.16:33), imma bl-id paterna tiegħu (Mt.10:29).

28. X’jiswielna nkunu nafu li Alla ħalaq u bil-providenza tiegħu għadu jżomm kollox?

Nistgħu nistabru meta naqgħu fil-gwaj (Ġob 1:21-22; Ġak.1:3), inkunu grati meta kollox imur sewwa (Dewt.8:10; 1 Tess.5:18), u għall-ġejjieni jkollna konfidenza tajba f’Alla u Missierna fidil li xejn mhu se jisseparana minn imħabbtu (Salm 55:22; Rum.5:3-5; 8:38-39), peress li l-ħlejjaq kollha huma tant kompletament f’idu li mingħajr ir-rieda tiegħu la jistgħu jitħarrku u lanqas ikunu mħarrka (Ġob 1:12; 2:6; Prov.21:1; Atti 17:24-28).

Alla l-Iben

29. Għaliex l-Iben t’Alla hu msejjaħ Ġesù, jiġifieri Salvatur?

Għax isalvana minn dnubietna (Mt.1:21; Lhud 7:25). F’ħadd iżjed ma tinstab is-salvazzjoni; inutli nfittxuha band’ oħra (Isa.43:11; Ġw.15:5; Atti 4:11-12; 1 Tim.2:5).

30. Allura dawk li jfittxu s-salvazzjoni u s-sigurtà tagħhom fil-qaddisin, fihom infushom jew x’imkien ieħor, jemmnu tabilħaqq fl-uniku Salvatur Ġesù?

Le. Avolja jistgħu jiftaħru li huma tiegħu, b’għemilhom jiċħdu ’l Ġesù, l-uniku Salvatur u Ħellies (1 Kor.1:12-13; Gal.5:4). Għax jew Ġesù mhuwiex Salvatur perfett, inkella dawk li b’fidi vera jilqgħu lil dan is-Salvatur isibu fih kulma jeħtieġu għas-salvazzjoni tagħhom (Kol.1:19-20; 2:10; 1 Ġw.1:7).

31. Għaliex hu msejjaħ Kristu, jiġifieri midluk?

Għax kien maħtur minn Alla l-Missier u midluk bl-Ispirtu s-Santu (Lq.3:21-22; 4:14-19; Isa.61:1; Lhud 1:9; Salm 45:7) biex ikun il-Profeta ewlieni u l-Għalliem tagħna (Atti 3:22; Dewt.18:15) li jirrivelalna perfettament il-fehma sigrieta u r-rieda t’Alla rigward il-fidwa tagħna (Ġw.1:18; 15:15); l-uniku Qassis il-Kbir tagħna (Lhud 7:17; Salm 110:4) li lliberana bis-sagrifiċċju wieħed ta’ ġismu (Lhud 9:12; 10:11-14), u li kontinwament jinterċiedi għalina quddiem il-Missier (Rum.8:34; Lhud 9:24); u s-Sultan etern tagħna (Mt.21:5; Żakk.9:9) li jiggvernana bil-Kelma u l-Ispirtu tiegħu, u jiddefendina u jżommna fis-salvazzjoni li kisbilna (Mt.28:18-20; Ġw.10:28; Riv.12:10-11).

32. Imma għaliex int imsejjaħ Kristjan?

Għax bil-fidi jien membru ta’ Kristu (1 Kor.12:12-27) u allura għandi sehem mill-unzjoni tiegħu (Atti 2:17; Ġoel 2:28; 1 Ġw.2:27). Jien midluk biex nistqarr lil Ismu (Mt.10:32; Rum.10:9-10; Lhud 13:15), nippreżenta lili nnifsi għalih bħala sagrifiċċju ħaj ta’ radd il-ħajr (Rum.12:1; 1 Pt.2:5,9), nissielet b’kuxjenza ħielsa kontra d-dnub u x-xitan matul din il-ħajja (Gal.5:16-17; Ef.6:11; 1 Tim.1:18-19), u mbagħad nirrenja ma’ Kristu fuq il-ħolqien kollu għall-eternità (Mt.25:34; 2 Tim.2:12).

33. Għaliex hu msejjaħ l-Iben waħdieni t’Alla meta aħna wkoll ulied Alla?

Għax Kristu waħdu hu l-Iben etern u naturali t’Alla (Ġw.1:1-3,14,18; Lhud 1), filwaqt li aħna wlied Alla b’adozzjoni, permezz tal-grazzja, minħabba Kristu (Ġw.1:12; Rum.8:15-17; Ef.1:5-6).

34. Għaliex issejjaħlu Sidna?

Għax, mhux bid-deheb u l-fidda, imma b’demmu prezzjuż (1 Pt.1:18-19), fdiena mid-dnub u mid-dominju tax-xitan (Kol.1:13-14; Lhud 2:14-15), u xtrana, ġisem u ruħ, biex inkunu tiegħu (1 Kor.6:20; 1 Tim.2:5-6).

35. X’ifisser ikkonċeput mill-Ispirtu s-Santu; twieled mill-verġni Marija?

Ifisser li l-Iben etern t’Alla, li hu u jibqa’ Alla veru u etern (Ġw.1:1; 10:30-36; Atti 13:33; Salm 2:7; Kol.1:15-17; 1 Ġw.5:20), bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu (Lq.1:35) ħa għalih innifsu natura verament umana, mil-laħam u d-demm tal-verġni Marija (Mt.1:18-23; Ġw.1:14; Gal.4:4; Lhud 2:14), biex hekk isir id-dixxendent veru ta’ David (2 Sam.7:12-16; Salm 132:11; Mt.1:1; Rum.1:3), bħal ħutu f’kollox (Fil.2:7; Lhud 2:17) minbarra d-dnub (Lhud 4:15; 7:26-27).

36. X’benefiċċju tirċievi mill-konċepiment qaddis u t-twelid ta’ Kristu?

Illi hu l-Medjatur tagħna (1 Tim.2:5-6; Lhud 9:13-15), u bl-innoċenza u l-qdusija perfetta tiegħu, ineħħi minn quddiem għajnejn Alla dnubi, li bih tnissilt (Rum.8:3-4; 2 Kor.5:21; Gal.4:4-5; 1 Pt.1:18-19).

37. X’tifhem bil-kelma bata?

Nifhem li matul ħajtu kollha fuq l-art, u speċjalment fl-aħħar, Kristu ġarr fil-ġisem u r-ruħ l-għadab t’Alla kontra d-dnub tar-razza umana (Isa.53; 1 Pt.2:24; 3:18). Għamel dan biex bil-passjoni tiegħu bħala l-uniku sagrifiċċju ta’ tpattija (Rum.3:25; Lhud 10:14; 1 Ġw.2:2; 4:10), jifdina fil-ġisem u r-ruħ mid-dannazzjoni eterna (Rum.8:1-4; Gal.3:13), u jikseb għalina l-grazzja t’Alla, il-ġustizzja u l-ħajja eterna (Ġw.3:16; Rum.3:24-26).

38. Għaliex sofra taħt Ponzju Pilatu bħala mħallef?

Biex, għalkemm innoċenti, ikun ikkundannat minn imħallef temporali (Lq.23:13-24; Ġw.19:4,12-16), u hekk jeħlisna mill-ġudizzju qalil t’Alla li għalih konna mikxufa (Isa.53:4-5; 2 Kor.5:21; Gal.3:13).

39. Hu sinifikanti li kien mislub minflok ma miet mod ieħor?

Iva; għax hekk jien konvint li ħa fuqu nnifsu s-saħta li kienet fuqi, peress li l-mewt tas-salib kienet misħuta minn Alla (Gal.3:10-13; Dewt.21:23).

40. Għaliex kien meħtieġ li Kristu jmut?

Għax, fil-ġustizzja u l-verità t’Alla (Ġen.2:17), it-tpattija għal dnubietna ma setgħetx issir mod ieħor ħlief bil-mewt ta’ Bin Alla (Rum.8:3-4; Fil.2:8; Lhud 2:9).

41. Għaliex kien midfun?

Id-difna tiegħu tagħtina xhieda li tabilħaqq miet (Isa.53:9; Ġw.19:38-42; Atti 13:29; 1 Kor.15:3-4).

42. Ladarba Kristu miet għalina, għaliex xorta waħda jkollna mmutu?

Mewtna ma tħallasx id-dejn ta’ dnubietna (Salm 49:7). Aktarx, biha ma nidinbux aktar u sservina bħala daħla għall-ħajja eterna (Ġw.5:24; Fil.1:21-23; 1 Tess.5:9-10).

43. X’vantaġġ ieħor nirċievu mis-sagrifiċċju u l-mewt ta’ Kristu fuq is-salib?

Bil-mewt ta’ Kristu l-bniedem il-qadim tagħna hu mislub, mogħti l-mewt, u midfun miegħu (Rum.6:5-11; Kol.2:11-12), biex hekk il-leblibiet ħżiena tal-laħam ma jaħkmuniex aktar (Rum.6:12-14), imma minflok niddedikaw lilna nfusna għalih bħala offerta ta’ gratitudni (Rum.12:1; Ef.5:1-2).

44. Għaliex il-kredu jissokta, niżel f’Ħades?

Biex inkun assigurat fl-akbar kriżijiet u tiġrib tiegħi li Kristu Sidi, bin-niket inesprimibbli, uġigħ u waħx fir-ruħ, matul is-sofferenzi tiegħu imma speċjalment fuq is-salib, fdieni mill-piena u t-turment ta’ l-infern (Isa.53; Mt.26:36-46; 27:45-46; Lq.22:44; Lhud 5:7-10).

45. X’benefiċċju nirċievu mill-qawmien mill-mewt ta’ Kristu?

L-ewwelnett, bil-qawmien tiegħu għeleb il-mewt, biex hekk iseħibna fil-ġustizzja miksuba għalina b’mewtu (Rum.4:25; 1 Kor.15:16-20; 1 Pt.1:3-5). It-tieni, bis-setgħa tiegħu aħna wkoll issa mqajjma għal ħajja ġdida (Rum.6:5-11; Ef.2:4-6; Kol.3:1-4). It-tielet, ir-reżurrezzjoni ta’ Kristu hi għalina pleġġ ċert tal-qawmien glorjuż tagħna (Rum.8:11; 1 Kor.15:12-23; Fil.3:20-21).

46. X’tifhem meta tgħid, tela’ fis-smewwiet?

Nifhem li, waqt li d-dixxipli kienu jħarsu lejh, Kristu ntrefa’ mill-art għal ġos-sema (Lq.24:50-51; Atti 1:9-11) u jibqa’ hemm għall-ġid tagħna (Rum.8:34; Ef.4:8-10; Lhud 7:23-25; 9:24) sakemm jirritorna biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u l-mejtin (Atti 1:11).

47. Imma Kristu mhuwiex magħna sa l-aħħar tad-dinja, kif wegħdna? (Mt.28:20).

Kristu hu veru Bniedem u veru Alla. Skond in-natura umana Kristu mhuwiex fuq l-art bħalissa (Atti 1:9-11; 3:19-21); fid-divinità, majestà, grazzja, u l-Ispirtu tiegħu, mhu f’ebda waqt assenti minna (Mt.28:18-20; Ġw.14:16-19).

48. Jekk l-umanità tiegħu mhix preżenti kulfejn hi d-divinità tiegħu, iż-żewġ naturi ta’ Kristu mhumiex hekk separati minn xulxin?

Lanqas xejn. Peress li d-divinità mhix limitata u tinsab kullimkien (Ġer.23:23-24; Atti 7:48-49; Isa.66:1), huwa evidenti li d-divinità ta’ Kristu hi ċertament lil hinn mill-konfini ta’ l-umanità li ħa għalih innifsu, imma fl-istess ħin id-divinità tiegħu tinsab fl-umanità tiegħu u tibqa’ personalment magħquda magħha (Ġw.1:14; 3:13; Kol.2:9).

49. X’benefiċċju nakkwistaw mit-tlugħ fis-sema ta’ Kristu?

L-ewwelnett, huwa l-Avukat tagħna fis-smewwiet fil-preżenza ta’ Missieru (Rum.8:34; 1 Ġw.2:1). It-tieni, għandna laħamna fis-smewwiet bħala garanzija ċerta li Kristu r-Ras tagħna għad jieħu lilna, il-membri tiegħu, għalih innifsu fis-smewwiet (Ġw.14:2; 17:24; Ef.2:4-6). It-tielet, jibgħatilna l-Ispirtu tiegħu bħala kapparra (Ġw.14:16; 2 Kor.1:21-22; 5:5), u bil-qawwa tiegħu aħna nagħmluha bħala ambizzjoni f’ħajjitna, mhux li nfittxu ħwejjeġ ta’ l-art, imma l-ħwejjeġ t’hemm fuq, fejn Kristu qiegħed fuq il-leminija t’Alla (Kol.3:1-4).

50. Għaliex ikompli, qiegħed fuq il-leminija t’Alla?

Għax Kristu għal dan il-għan tela’ fis-smewwiet, biex hemmhekk jidher bħala r-Ras tal-knisja tiegħu (Ef.1:20-23; Kol.1:18), li bih il-Missier jiggverna l-ħwejjeġ kollha (Mt.28:18; Ġw.5:22-23).

51. X’barka niksbu minn din il-glorja ta’ Kristu, ir-Ras tagħna?

L-ewwelnett, bl-Ispirtu s-Santu tiegħu jsawwab id-doni smewwija tiegħu fina, il-membri tiegħu (Atti 2:33; Ef.4:7-12). It-tieni, jiddefendina b’setgħetu u jżommna sikuri mill-egħdewwa kollha tagħna (Salm 110:1-2; Ġw.10:27-30; Riv.19:11-16).

52. X’konfort hu dan għalik li Kristu għandu jerġa’ jiġi biex jagħmel il-ħaqq mill-ħajjin u l-mejtin?

Fid-dieqa u l-persekuzzjoni kollha tiegħi ngħolli rasi u b’konfidenza nistenna bħala mħallef lil Dak l-istess wieħed li diġà għadda ġuri minfloki quddiem Alla u għaldaqstant neħħieli kull saħta (Lq.21:28; Rum.8:22-25; Fil.3:20-21; Tit.2:13-14). L-egħdewwa kollha tiegħu u tiegħi jikkundannahom għall-kastig etern: imma lili u l-magħżulin kollha tiegħu jeħodna flimkien miegħu fil-ferħ u l-glorja tas-sema (Mt.25:31-46; 2 Tess.1:6-10).

Alla l-Ispirtu s-Santu

53. X’temmen dwar l-Ispirtu s-Santu?

Mal-Missier u l-Iben, hu Alla etern (Ġen.1:1-2; Mt.28:19; Atti 5:3-4). Ingħatali personalment (1 Kor.6:19; 2 Kor.1:21-22; Gal.4:6) biex b’fidi vera jagħmilni sħab fi Kristu u l-barkiet kollha tiegħu (Gal.3:14), ifarraġni (Ġw.15:26; Atti 9:31), u jibqa’ miegħi għal dejjem (Ġw.14:16-17; 1 Pt.4:14).

54. X’temmen dwar il-knisja mqaddsa kattolika?

Nemmen li l-Iben t’Alla, permezz ta’ l-Ispirtu u l-Kelma tiegħu (Ġw.10:14-16; Atti 20:28; Rum.10:14-17; Kol.1:18), mill-bidu tad-dinja sat-tmiem tagħha (Isa.59:21; 1 Kor.11:26), qiegħed jiġbor minn fost ir-razza umana kollha (Ġen.26:3-4; Riv.5:9), jipproteġi, u jippriżerva għalih innifsu komunità magħżula għall-ħajja eterna (Mt.16:18; Ġw.10:28-30; Rum.8:28-30; Ef.1:3-14) u fl-unità tal-fidi vera (Atti 2:42-47; Ef.4:1-6). U jien membru ħaj ta’ din il-komunità (1 Ġw.3:14,19-21), u nibqa’ fiha għal dejjem (Ġw.10:27-28; 1 Kor.1:4-9; 1 Pt.1:3-5).

55. X’tifhem meta tistqarr ix-xirka tal-qaddisin?

L-ewwelnett, li l-fidili kollha u kull wieħed, bħala membri ta’ Kristu, huma msieħba fih u fit-teżori u l-għotjiet kollha tiegħu (Rum.8:32; 1 Kor.6:17; 12:4-7,12-13; 1 Ġw.1:3). It-tieni, li kull membru għandu jqisu bħala dmiru li jħaddem dawn id-doni bit-tħabrik u bil-ferħa għas-servizz u l-vantaġġ tal-membri l-oħra (Rum.12:4-8; 1 Kor.12:20-27; 13:1-7; Fil.2:4-8).

56. X’temmen dwar il-maħfra tad-dnubiet?

Nemmen li Alla, minħabba t-tpattija ta’ Kristu, qatt mhu se jgħodd kontrija mqar dnub wieħed (Salm 103:3-4,10,12; Mik.7:18-19; 2 Kor.5:18-21; 1 Ġw.1:7; 2:2), u lanqas in-natura midinba tiegħi li magħha jeħtieġli nissara ħajti kollha (Rum.7:21-25). Aktarx, fil-grazzja tiegħu Alla jagħtini b’xejn il-ġustizzja ta’ Kristu biex jeħlisni għal dejjem mill-kundanna (Ġw.3:17-18; Rum.8:1-2).

57. Kif tfarrġek il-qawma mill-imwiet?

Li mhux biss ruħi, wara dil-ħajja, se tkun immedjatament meħuda għand Kristu r-Ras tagħha (Lq.23:43; Fil.1:21-23), imma saħansitra l-istess laħmi, imqajjem bil-qawwa ta’ Kristu, għad ikun magħqud għal darb’ oħra ma’ ruħi u jkun magħmul bħall-ġisem glorjuż ta’ Kristu (1 Kor.15:20,42-46,54; Fil.3:21; 1 Ġw.3:2).

58. X’faraġ tislet mill-artiklu dwar il-ħajja ta’ dejjem?

Bħalma bħalissa nesperjenza f’qalbi l-bidu ta’ hena eterna (Rum.14:17), hekk wara dil-ħajja se nippossiedi barka perfetta li bħalha ebda għajn qatt ma rat, jew widna semgħet, jew qatt immaġinat il-qalb umana: hena li fiha nfaħħar ’l Alla għal dejjem (Ġw.17:3; 1 Kor.2:9).

59. Imma x’ġid jiswielek bħalissa li temmen dan kollu?

Li fi Kristu ninsab sewwa m’Alla u werriet tal-ħajja eterna (Ġw.3:36; Rum.1:17; Ħab.2:4; Rum.5:1-2).

60. Kif int magħdud ġust quddiem Alla?

Biss b’fidi vera f’Ġesù Kristu (Rum.3:21-28; Gal.2:16; Ef.2:8-9; Fil.3:8-11). Għalkemm il-kuxjenza takkużani li dnibt bl-aħrax kontra l-kmandamenti kollha t’Alla, u li qatt ma żammejt imqar wieħed minnhom (Rum.3:9-10), u avolja għadni inklinat lejn kull ħażen (Rum.7:23), madankollu, bla ma jistħoqqli xejn (Tit.3:4-5), purament bil-grazzja tiegħu (Rum.3:24; Ef.2:8), Alla jagħtini u jikkreditali s-sodisfazzjon perfett, il-ġustizzja, u l-qdusija ta’ Kristu (Rum.4:3-5; Ġen.15:6; 2 Kor.5:17-19; 1 Ġw.2:1-2), bħallikieku qatt ma dnibt jew kont midneb, bħallikieku kont ubbidjenti perfettament bħalma Kristu kien ubbidjenti għall-benefiċċju tiegħi (Rum.4:24-25; 2 Kor.5:21). Din l-għotja t’Alla nilqagħha biss b’qalb li temmen (Ġw.3:18; Atti 16:30-31).

61. Għaliex tgħid li int sewwa m’Alla bil-fidi biss?

Jien aċċettabbli quddiem Alla mhux għax il-fidi tiegħi hi denja, iżda biss minħabba s-sodisfazzjon, il-ġustizzja u l-qdusija ta’ Kristu li jagħmluni sewwa m’Alla (1 Kor.1:30-31). U nirċievi din il-ġustizzja u nagħmilha tiegħi b’ebda mod ieħor ħlief bil-fidi biss (Rum.10:10; 1 Ġw.5:10-12).

62. Imma għaliex l-opri tajba tagħna ma jagħmluniex sewwa m’Alla, jew għallinqas jgħinuna nsiru sewwa miegħu?

Għax il-ġustizzja li tgħaddi l-iskrutinju t’Alla trid tkun assolutament perfetta u b’kull mod konformata mal-Liġi divina (Rum.3:20; Gal.3:10; Dewt.27:26); filwaqt li l-almu tagħna kollu f’din il-ħajja huwa imperfett u mtebbgħa bid-dnub (Isa.64:6).

63. Kif jista’ jkun li t-tajjeb li nagħmlu ma jimmerita xejn meta Alla jwiegħed li jippremjah f’din il-ħajja u f’li ġejja? (Mt. 5:12; Lhud 11:6).

Il-premju ma naqilgħuhx; hu għotja ta’ grazzja (Lq.17:10; 2 Tim.4:7-8).

64. Din id-dottrina ma tagħmilx lin-nies traskurati u profani?

Le; għax huwa impossibbli għal dawk imlaqqma fi Kristu b’fidi vera li jibqgħu ma jipproduċux il-frott ta’ gratitudni (Lq.6:43-45; Ġw.15:5).

Is-Sagramenti

65. Ladarba, mela, aħna msieħba fi Kristu u l-benefiċċji kollha tiegħu bil-fidi waħidha, mnejn tiġi dil-fidi?

Jipproduċiha l-Ispirtu s-Santu fi qlubna (Ġw.3:5; 1 Kor.2:10-14; Ef.2:8) bl-ippridkar ta’ l-Evanġelju mqaddes (Rum.10:17; 1 Pt.1:23-25), u jikkonfermaha bl-użu tas-sagramenti mqaddsa (Mt.28:19-20; 1 Kor.10:16).

66. X’inhuma s-sagramenti?

Is-sagramenti huma sinjali u siġilli viżibbli u qaddisa, imwaqqfa mill-Mulej għal dan l-iskop, biex meta nużawhom jiddikjaralna iżjed bil-miftuħ il-wegħda ta’ l-Evanġelju, u jqegħdilna s-siġill tiegħu fuq dik il-wegħda (Ġen.17:11; Dewt.30:6; Rum.4:11), jiġifieri, li jaħfrilna dnubietna u jagħtina l-ħajja eterna bil-grazzja ħielsa tiegħu, minħabba s-sagrifiċċju wieħed ta’ Kristu mitmum fuq is-salib (Mt.26:27-28; Atti 2:38; Lhud 10:10).

67. Allura l-Kelma kif ukoll is-sagramenti huma intenzjonati biex jidderiġulna l-fidi tagħna lejn is-sagrifiċċju ta’ Ġesù Kristu fuq is-salib bħala l-unika bażi tas-salvazzjoni tagħna?

Hekk hu! Għax fl-Evanġelju l-Ispirtu s-Santu jgħallimna u bis-sagramenti mqaddsa jassigurana, li s-salvazzjoni sħiħa tagħna tiddependi fuq is-sagrifiċċju uniku ta’ Kristu offrut għalina fuq is-salib (Rum.6:3; 1 Kor.11:26; Gal.3:27).

68. Kemm-il sagrament ħatar Kristu fil-Patt il-Ġdid?

Tnejn: il-magħmudija u l-Ikla tal-Mulej (Mt.28:19-20; 1 Kor.11:23-26).

69. Kif inhu sinifikat u ssiġillat għalik fil-magħmudija li għandek sehem mis-sagrifiċċju wieħed ta’ Kristu fuq is-salib?

B’dan il-mod: Kristu waqqaf dan il-ħasil estern bl-ilma (Atti 2:38) u għaqqad miegħu din il-wegħda, li daqskemm hu ċert li l-ilma jnaddaf il-ġisem mill-ħmieġ, daqshekk ieħor huwa ċert li d-demm u l-Ispirtu tiegħu jaħslu lil ruħi mit-tniġġis tagħha, jiġifieri minn dnubieti kollha (Mt.3:11; Rum.6:3-10; 1 Pt.3:21).

70. Xi jfisser tkun maħsul bid-demm u l-Ispirtu ta’ Kristu?

Maħsul bid-demm ta’ Kristu jfisser li Alla, bil-grazzja tiegħu, ħafirli dnubieti minħabba d-demm ta’ Kristu msawwab għalina fis-sagrifiċċju tas-salib (Żakk.13:1; Ef.1:7-8; Lhud 12:24; 1 Pt.1:2; Riv.1:5). Maħsul bl-Ispirtu ta’ Kristu jfisser li l-Ispirtu s-Santu ġeddidna u qaddisna biex inkunu membri ta’ Kristu, ħalli hekk iżjed u iżjed immuti għad-dnub u aktar ma jmur ngħixu ħajja qaddisa u bla għajb (Eżek.36:25-27; Ġw.3:5-8; Rum.6:4; 1 Kor.6:11; Kol.2:11-12).

71. Fejn wiegħed Kristu li aħna ċertament maħsulin bid-demm u l-Ispirtu tiegħu daqskemm ċertament aħna maħsulin bl-ilma tal-magħmudija?

Fl-istituzzjoni tal-magħmudija, fejn jgħid: “Morru, mela, u għallmu l-ġnus kollha, u għammduhom fl-Isem tal-Missier, u ta’ l-Iben, u ta’ l-Ispirtu s-Santu” (Mt.28:19). “Min jemmen u jitgħammed, ikun salvat; iżda min ma jemminx ikun ikkundannat” (Mk.16:16). Din il-wegħda hi mtennija fejn l-Iskrittura ssejjaħ il-magħmudija l-ħasil tat-twelid mill-ġdid (Tit.3:5) u l-ħasil tad-dnubiet (Atti 22:16).

72. Dan il-ħasil estern bl-ilma jnaddaf mid-dnubiet?

Le; biss id-demm ta’ Ġesù Kristu u l-Ispirtu s-Santu jippurifikawna minn dnubietna kollha (Mt.3:11; 1 Pt.3:21; 1 Ġw.1:7).

73. Mela għaliex l-Ispirtu s-Santu jsejjaħ il-magħmudija l-ħasil tat-twelid mill-ġdid u l-ħasil tad-dnubiet?

Alla jitkellem hekk mhux mingħajr raġun. Irid jgħallimna li d-demm u l-Ispirtu ta’ Kristu jaħsluna minn dnubietna bħalma l-ilma jneħħi l-ħmieġ mill-ġisem (1 Kor.6:11; Riv.1:5; 7:14). Aktar importanti, b’dan il-pleġġ u sinjal divin, irid jassigurana li spiritwalment tnaddafna minn dnubietna daqskemm realment il-ġisem jitnaddaf bl-ilma (Atti 2:38; Rum.6:3-4; Gal.3:27).

74. It-trabi għandhom ikunu mgħammda wkoll?

Iva. It-trabi kif ukoll l-adulti huma fil-patt t’Alla u huma l-poplu tiegħu (Ġen.17:7; Mt.19:14). Xejn inqas mill-adulti, huma mwiegħda l-maħfra tad-dnub bid-demm ta’ Kristu u l-Ispirtu s-Santu li jipproduċi l-fidi (Isa.44:1-3; Atti 2:38-39; 16:31). Għalhekk, bil-magħmudija, is-sinjal tal-patt, it-trabi għandhom ikunu milqugħa fil-knisja Kristjana u għandhom ikunu distinti minn ulied l-infidili (Atti 10:47; 1 Kor.7:14). Fit-Testment il-Qadim dan kien isir biċ-ċirkonċiżjoni (Ġen.17:9-14), li fit-Testment il-Ġdid għamlet il-wisa’ għall-magħmudija (Kol.2:11-13).

[Nota editorjali: Xi denominazzjonijiet Kristjani huma tal-fehma li t-trabi ghandhom l-ewwel ikunu mghallma fil-fidi, u jkunu mghammda meta jikkonvertu. Dawk li attwalment jipprofessaw l-indiema lejn Alla, fidi f'Sidna Gesù Kristu, u ubbidjenza lejh, huma l-unici kandidati xierqa ghal din l-ordinanza. Mark.16:16; Atti 8:36-37; 2:41; 8:12; 18:8].

75. Kif inhu sinifikat u ssiġillat għalik fl-Ikla qaddisa li għandek sehem fis-sagrifiċċju wieħed ta’ Kristu fuq is-salib u l-benefiċċji kollha tiegħu?

B’dan il-mod: Kristu kmanda lili u l-fidili kollha biex nieklu mill-ħobż maqsum u nixorbu mill-kies, u żied dawn il-wegħdi (Mt.26:26-28; Mk.14:22-24; Lq.22:19-20; 1 Kor.11:23-25): l-ewwelnett, daqskemm fiċ-ċert nara b’għajnejja l-ħobż tal-Mulej maqsum għalija u l-kies mgħoddi lili, daqshekk huwa ċert li ġismu kien offrut u maqsum għalija u demmu mxerred għalija fuq is-salib. It-tieni, daqskemm fiċ-ċert nirċievi minn id dak li jservi, u ntiegħem b’ħalqi l-ħobż u l-kies tal-Mulej, mogħtija lili bħala sinjali ċerti tal-ġisem u d-demm ta’ Kristu, daqshekk ieħor huwa ċert li jsostni u jitma lil ruħi għall-ħajja eterna bil-ġisem imsallab tiegħu u demmu msawwab.

76. Xi jfisser tiekol il-ġisem mislub ta’ Kristu u tixrob demmu msawwab?

Ifisser mhux biss tħaddan b’qalb fidila s-sofferenzi kollha u l-mewt ta’ Kristu, u hekk tirċievi l-maħfra tad-dnubiet u l-ħajja eterna (Ġw.6:35,40,50-54), iżda aktar minn hekk tkun magħqud iżjed u iżjed mal-ġisem imqaddes ta’ Kristu bl-Ispirtu s-Santu li jgħammar fi Kristu u fina (Ġw.6:55-56; 1 Kor.12:13). U hekk, għalkemm hu fis-smewwiet (Atti 1:9-11; 1 Kor.11:26; Kol.3:1) u aħna fuq l-art, xorta waħda aħna laħam minn laħmu u għadma minn għadmu (1 Kor.6:15-17; Ef.5:29-30; 1 Ġw.4:13); u ngħixu u aħna gvernati għal dejjem minn Spirtu wieħed, bħalma membri ta’ ġisem wieħed huma minn ruħ waħda (Ġw.6:56-58; 15:1-6; Ef.4:15-16; 1 Ġw.3:24).

77. Fejn wiegħed Kristu li jitma u jmantni lill-fidili b’ġismu u demmu daqskemm hu ċert li jieklu dal-ħobż maqsum u jixorbu dan il-kies?

Fl-istituzzjoni ta’ l-Ikla, fejn naqraw: “Is-Sid Ġesù, fil-lejl li fih kien tradut, ħa l-ħobż u wara li rringrazzja qasam u qal: ‘Dan hu ġismi għalikom; dan agħmluh b’tifkira tiegħi.’ Bl-istess mod ukoll ħa l-kies wara l-iċċenar, jgħid: ‘Dan il-kies hu l-patt il-ġdid f’demmi; dan agħmluh, kemm-il darba tixorbu minnu, b’tifkira tiegħi.’ Għax kemm-il darba tieklu dan il-ħobż u tixorbu l-kies, tniedu mewt il-Mulej sakemm jiġi” (1 Kor.11:23-26). Din il-wegħda hi mtennija minn Pawlu, fejn jgħid: “Il-kies tal-barka li nbierku, mhux xirka tad-demm tal-Kristu? Il-ħobż li naqsmu, mhux xirka tal-ġisem tal-Kristu? Għax aħna l-ħafna ħobż wieħed, ġisem wieħed; għax kollha mill-ħobż wieħed nieħdu sehem” (1 Kor.10:16-17).

78. Allura l-ħobż u l-inbid isiru l-ġisem u d-demm reali ta’ Kristu?

Le. Bħalma l-ilma fil-magħmudija ma jinbidilx fid-demm ta’ Kristu u lanqas ma jaħsel id-dnubiet minnu nnifsu, billi huwa biss l-għelm u l-assigurazzjoni divina (Ef.5:26; Tit.3:5), hekk ukoll il-ħobż fl-Ikla tal-Mulej ma jinbidilx fil-ġisem attwali ta’ Kristu (Mt.26:26-29), avolja jissejjaħ il-ġisem ta’ Kristu (1 Kor.10:16-17; 11:26-28) skond kif jaqbel man-natura u l-użanza tas-sagramenti (Ġen.17:10-11; Es .2:11,13; 1 Kor.10:1-4).

79. Mela għaliex Kristu jsejjaħ il-ħobż ġismu u l-kies demmu, jew il-Patt il-Ġdid f’demmu; u Pawlu, xirka fil-ġisem u d-demm ta’ Kristu?

Bir-raġun Kristu juża dawn il-kelmiet. Irid jgħallimna li bħalma l-ħobż u l-inbid isostnu l-ħajja temporali, hekk ukoll ġismu mislub u demmu mxerred tabilħaqq imantnu lil ruħna għall-ħajja eterna (Ġw.6:51,55). Iżjed importanti, b’dan is-sinjal u pleġġ viżibbli jrid jassigurana li aħna, bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, imsieħba fil-ġisem u d-demm veru tiegħu daqskemm hu ċert li ħalqna jirċievi dawn l-għeliem qaddisa bħala tifkira tiegħu (1 Kor.10:16-17; 11:26); u li t-tbatijiet u l-ubbidjenza kollha tiegħu huma definittivament tagħna bħallikieku personalment sofrejna u ħallasna għal dnubietna (Rum.6:5-11).

80. X’differenza hemm bejn Qsim il-Ħobż u l-quddiesa papalina?

L-Ikla tal-Mulej tixhdilna li ngawdu l-maħfra sħiħa ta’ dnubietna bis-sagrifiċċju wieħed ta’ Ġesù Kristu li hu nnifsu temm fuq is-salib darba għal dejjem (Ġw.19:30; Lhud 7:27; 9:12,25-26; 10:10-18). Tiddikjaralna wkoll li l-Ispirtu s-Santu laqqamna fi Kristu (1 Kor.6:17; 10:16-17), li b’ġismu bħalissa jinsab fuq il-leminija tal-Missier (Atti 7:55-56; Lhud 1:3; 8:1) fejn iridna nqimuh (Mt.6:20-21; Ġw.4:21-24; Fil.3:20; Kol.3:1-3). Imma l-quddiesa tgħallem li l-ħajjin u l-mejtin m’għandhomx dnubiethom maħfura bit-tbatijiet ta’ Kristu jekk kemm-il darba Kristu ma jibqax ta’ kuljum ikun offrut għalihom mill-qassisin. Tgħallem ukoll li Kristu hu korporalment preżenti taħt l-ispeċi ta’ ħobż u nbid, u allura għandu jkun meqjum hemmhekk. Mela l-quddiesa, bażikament, mhi xejn ħlief ċaħda tas-sagrifiċċju wieħed u l-passjoni ta’ Ġesù Kristu, u idolatrija misħuta.

81. Min għandu jipparteċipa fl-Ikla tal-Mulej?

Dawk li huma dispjaċuti bihom infushom minħabba dnubiethom, u madankollu jafdaw li, bis-sofferenzi u l-mewt ta’ Kristu, dnubiethom huma maħfura u d-dgħufija li għadha fihom hi mgħottija; li wkoll jixtiequ kulma jmur isaħħu l-fidi tagħhom u jamendaw ħajjithom. Imma l-ipokriti u nies bla ndiema jieklu u jixorbu ġudizzju għalihom infushom (1 Kor.10:19-22; 11:26-32).

82. Jistgħu jitħallew jieħdu sehem mill-Ikla tal-Mulej dawk li bi kliemhom u mġibithom juru li huma ħżiena u ma jemmnux?

Le; altrimenti l-patt t’Alla jkun profanat, u għadbu provokat kontra l-miġemgħa kollha (1 Kor.11:17-32; Salm 50:14-16; Isa.1:11-17). Għaldaqstant il-Knisja Kristjana, skond l-istruzzjoni ta’ Kristu u l-appostli tiegħu, tinsab fid-dmir teskludi t-tali nies, bl-użu uffiċjali ta’ l-imfietaħ tas-saltna, sakemm jirriformaw ħajjithom.

83. X’inhuma l-imfietaħ tas-saltna?

L-ippridkar ta’ l-Evanġelju mqaddes u d-dixxiplina Kristjana għall-indiema. Ix-xandir u d-dixxiplina jiftħu s-saltna tas-smewwiet għall-fidili u jagħlquha għall-infidili (Mt.16:19; Ġw.20:22-23).

84. Kif inhi s-saltna tas-smewwiet miftuħa u magħluqa bit-tnidija ta’ l-Evanġelju mqaddes?

Skond il-kmand ta’ Kristu, is-saltna tas-smewwiet hi miftuħa bil-proklamazzjoni u x-xhieda pubblika lill-fidili kollha li, daqskemm jaċċettaw il-wegħda fl-evanġelju b’fidi ġenwina, Alla tabilħaqq jaħfrilhom dnubiethom minħabba l-merti ta’ Kristu. Għall-kuntrarju, is-saltna tas-smewwiet tingħalaq bit-tnidija lill-infidili u l-ipokriti li, sakemm jibqgħu bla ma jikkonvertu, ir-rabja t’Alla u l-kundanna eterna jibqgħu fuqhom. Il-ġudizzju t’Alla, kemm f’din il-ħajja u f’li ġejja, se jkun skond din it-testimonjanza ta’ l-Evanġelju (Mt.16:19; Ġw.3:31-36; 20:21-23).

85. Kif inhi s-saltna tas-smewwiet miftuħa u magħluqa bid-dixxiplina tal-knisja?

Skond il-kmand ta’ Kristu, dawk li, avolja huma msejħa Kristjani, jipprofessaw dottrina jew imġieba kuntrarja għall-Evanġelju, u wara li jkunu rċevew twiddib imtenni u b’imħabba fraterna, jirrifjutaw li jabbandunaw l-erruri u l-mogħdijiet ħżiena tagħhom, u wara li jsir ilment dwarhom lill-knisja, jew lill-uffiċjali tagħha, jistmellu l-ammonizzjoni tagħhom ukoll - it-tali persuni jiġu esklużi mis-sagramenti mqaddsa u l-komunjoni Kristjana, u Alla nnifsu jeskludihom mis-saltna ta’ Kristu (Mt.18:15-20; 1 Kor.5:3-5,11-13; 2 Tess.3:14-15). U jekk iwiegħdu u juru riforma ġenwina, għal darb’ oħra jintlaqgħu bħala membri ta’ Kristu u l-knisja tiegħu (Lq.15:20-24; 2 Kor.2:6-11).

RADD IL-ĦAJR

86. Ladarba, mela, aħna mifdija mill-miżerja tagħna bil-grazzja biss permezz ta’ Kristu, mingħajr ebda mertu minn naħa tagħna, għaliex imissna xorta waħda naħdmu s-sewwa?

Billi fdiena b’demmu, Kristu wkoll qed iġeddidna bl-Ispirtu s-Santu tiegħu biex inkunu nixbħuh, ħalli b’ħajjitna kollha nuru lilna nfusna grati lejn Alla għal kulma għamel favur tagħna (Rum.6:13; 12:1-2; 1 Pt.2:5-10), u hekk ikun imfaħħar permezz tagħna (Mt.5:16; 1 Kor.6:19-20). Barra minn hekk inkunu assigurati mill-fidi tagħna bil-frott kotran tagħha (Mt.7:17-18; Gal.5:22-24; 2 Pt.1:10-11); u bil-mixja qaddisa tagħna l-proxxmu wkoll jintrebaħ għal Kristu (Mt.5:14-16; Rum.14:17-19; 1 Pt.2:12; 3:1-2).

87. Jistgħu jkunu salvati dawk li ma jikkonvertux lejn Alla mill-mogħdijiet ingrati u bla ndiema tagħhom?

Qatt u qatt. L-Iskrittura tiddikjara li ebda żieni, ebda idolatra, adulteru, ħalliel, rgħib, sakranazz, qasqas, brigant jew nies oħra bħal dawn mhuma se jirtu s-saltna t’Alla (1 Kor.6:9-10; Gal.5:19-21; Ef.5:1-20; 1 Ġw.3:14).

88. F’xiex tikkonsisti l-konverżjoni ġenwina jew id-dawrien tal-bniedem lejn Alla?

F’żewġ ħwejjeġ: il-mortifikazzjoni tal-bniedem il-qadim, u l-vivifikazzjoni tal-ġdid (Rum.6:1-11; 2 Kor.5:17; Ef.4:22-24; Kol.3:5-10).

89. X’inhi l-mortifikazzjoni tal-bniedem il-qadim?

Għali mill-qalb għad-dnub, hekk li nsiru nobogħduh u aktar ma jmur naħarbu minnu (Salm 51:3-4,17; Ġoel 2:12-13; Rum.8:12-13; 2 Kor.7:10).

90. X’inhi l-vivifikazzjoni tal-bniedem il-ġdid?

Hi l-hena profonda f’Alla permezz ta’ Kristu (Salm 51:8,12; Isa.57:15; Rum.5:1; 14:17) u għaxqa fl-għemil ta’ kull ħaġa tajba skond ir-rieda t’Alla (Rum.6:10-11; Gal.2:20).

91. Imma x’inhu l-għemil jew l-opri tajba?

Biss dak li jitnissel minn fidi vera (Ġw.15:5; Lhud 11:6), jikkonforma mal-Liġi t’Alla (Lev.18:4; 1 Sam.15:22; Ef.2:10), u magħmul għall-glorja tiegħu (1 Kor.10:31); u mhux dak imsejjes fuq l-opinjoni tagħna jew kif stabbilit bi tradizzjoni umana (Dewt.12:32; Isa.29:13; Eżek.20:18-19; Mt.15:7-9).

92. X’jgħid il-Mulej fil-Liġi tiegħu?

Alla tkellem dal-kliem kollu, billi qal: Jiena l-Mulej Alla tiegħek, li ħriġtek mill-art ta’ l-Eġittu, minn dar il-jasar (Es. 20:1-17; Dewt.5:6-21) :

  1. Ma jkollokx allat oħra quddiemi.
  2. La tagħmel ebda xbieha minquxa għalik, jew xbieha ta’ xi ħaġa li hemm fis-sema minn fuq, jew li hemm fl-art minn taħt, jew li hemm fl-ilma ta’ taħt l-art: la tmilx quddiemhom, u la tqimhomx: għax jien, il-Mulej, Alla tiegħek, Alla għajjur, li nħallas ħażen il-missirijiet fl-ulied sat-tielet u r-raba’ nisel ta’ dawk li jobgħoduni; u nagħmel ħniena ma’ eluf minn dawk li jħobbuni, u jħarsu l-kmandamenti tiegħi.
  3. La ssemmix isem il-Mulej, Alla tiegħek, fil-batal: għax il-Mulej ma jħallix bla kastig lil min isemmi ismu fil-batal.
  4. Ftakar f’jum is-Sibt, biex tqaddsu. Sitt ijiem taħdem, u tagħmel ix-xogħol tiegħek kollu: imma s-seba’ jum hu Sibt il-Mulej, Alla tiegħek: fih la tagħmel ebda xogħol: la int, la ibnek, la bintek, la l-qaddej tiegħek, la l-qaddejja tiegħek, la l-bhejjem tiegħek, u la l-għarib li jgħammar ‘il ġewwa minn bwiebek. Għax f’sitt ijiem il-Mulej għamel is-sema u l-art, il-baħar, u kulma hemm fihom, u strieħ fis-seba’ jum: għalhekk bierek il-Mulej jum is-Sibt, u qaddsu.
  5. Weġġaħ lil missierek u lil ommok: biex jitwalu jiemek fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, jagħtik.
  6. La toqtolx.
  7. La tikkommettix adulterju.
  8. La tisraqx.
  9. La tgħidx xhieda giddieba kontra għajrek.
  10. La tixtieqx dar għajrek; la tixtieqx mart għajrek; u la l-qaddej tiegħu; u la l-qaddejja tiegħu; la l-gendus tiegħu; u la l-ħmar tiegħu, u lanqas xejn milli hu ta’ għajrek.

93. Kif inhuma mqassma dawn il-kmandamenti?

F’żewġ twavel: l-ewwel waħda tgħallimna, f’erba’ kmandamenti, x’imissha tkun ir-relazzjoni tagħna m’Alla; it-tieni waħda tiġbor sitt kmandamenti, u tgħallimna x’inhuma dmirijietna lejn il-proxxmu tagħna (Mt.22:37-39).

94. X’jirrekjiedi l-Mulej fl-ewwel kmandament?

Li jien, daqskemm ngħożż is-salvazzjoni ta’ ruħi, nevita u niskansa kull idolatrija (1 Kor.6:9-10; 10:5-14; 1 Ġw.5:21), maġija superstizzjuża, sħarijiet (Lev.19:31; Dewt.18:9-12), u invokazzjonijiet lill-qaddisin jew kreaturi oħra (Mt.4:10; Riv.19:10; 22:8-9); u li nirrikonoxxi sinċerament l-uniku Alla veru (Ġw.17:3); nafda fih waħdu (Ġer.17:5,7), nissottometti għalih bl-umiltà (1 Pt.5:5-6) u bis-sabar (Kol.1:11; Lhud 10:36), nistenna kull ġid mingħandu biss (Salm 104:27-28; Ġak.1:17); inħobbu (Mt.22:37; Dewt.6:5), nibża’ minnu (Prov.9:10; 1 Pt.1:17) u nonorah (Mt.4:10; Dewt.6:13) b’qalbi kollha; hekk li nirrenunzja l-ħlejjaq kollha aktarx milli nagħmel l-iċken ħaġa kontra r-rieda tiegħu (Mt.5:29-30; 10:37-39).

95. X’inhi l-idolatrija?

L-idolatrija hi meta jkollna jew nivvintaw xi ħaġa li fiha nafdaw minflok jew flimkien l-uniku Alla veru, li rrivela lilu nnifsu fil-Kelma tiegħu (1 Kron.16:26; Gal.4:8-9; Ef.5:5; Fil.3:19).

96. X’inhi r-rieda t’Alla għalina fit-tieni kmandament?

Li b’ebda mod ma nagħmlu xi xbieha t’Alla (Dewt.4:15-19; Isa.40:18-25; Atti 17:29; Rum.1:23) u lanqas inqimuh b’xi mod ieħor ħlief kif ordnalna Hu stess f’Kelmtu (Lev.10:1-7; 1 Sam.15:22-23; Ġw.4:23-24).

97. Allura mhu peress nagħmlu ebda xbieha, hi x’inhi?

Huwa impossibbli u lanqas tista’ tirrappreżenta ’l Alla viżibbilment b’xi mod; inkwantu l-ħlejjaq, għalkemm nistgħu nagħmlu xbihat tagħhom, madankollu Alla jipprojbielna nsawwru jew inżommu t-tali xbihat jekk l-intenzjoni tagħna tkun li nadurawhom jew inservu ’l Alla permezz tagħhom (Esodu 34:13-14,17; 2 Slaten 18:4-5).

98. M’għandniex nittolleraw xbihat fil-knejjes bħala għajnuna fit-tagħlim ta’ nies bla skola?

Le; m’għandniex nipprovaw inkunu egħref minn Alla, li jrid lil niesu jkunu istruwiti bix-xandir ħaj tal-Kelma tiegħu (Rum.10:14-15,17; 2 Tim.3:16-17; 2 Pt.1:19), mhux bl-idoli muti (Ġer.10:8; Ħab.2:18-20).

99. X’jiddomanda Alla minna fit-tielet kmandament?

Li ma nipprofanawx u lanqas nabbużaw l-Isem t’Alla bid-dagħa (Lev.24:10-17), sperġuri (Lev.19:12) jew ħalf bla bżonn (Mt.5:37; Ġak.5:12); u lanqas nissieħbu f’dawn id-dnubiet orribbli f’ħaddieħor billi nibqgħu siekta jew naħmluhom (Lev.5:1; Prov.29:24). Fil-qosor, jiddomanda li nużaw l-Isem qaddis tiegħu biss bil-biża’ u timenza (Salm 99:105; Ġer.4:2), ħalli hekk nistqarruh kif jixraq (Mt.10:32-33; Rum.10:9-10), nitolbuh (Salm 50:14-15; 1 Tim.2:8) u nsebbħuh f’kulma ngħidu u nagħmlu (Kol.3:17).

100. Ewwilla l-profanazzjoni ta’ l-Isem t’Alla bil-ħalf u d-dagħa hu dnub hekk serju li għadbu jixgħel ukoll kontra dawk li ma jagħmlux dak kollu li jiġi minnhom biex ifixklu u jipprojbuh?

Iva, tabilħaqq (Lev.5:1); għax ebda dnub mhu ikbar jew iżjed provokanti għal Alla milli nipprofanaw lil Ismu. Għal dir-raġuni wkoll ordna li jkun ikkastigat bil-piena kapitali (Lev.24:10-17).

101. Allura m’għandniex permess naħilfu bl-Isem t’Alla jekk nagħmlu dan b’reverenza?

Iva, meta l-gvern jiddomanda dan, jew meta l-ħtieġa hekk tirrekjiedi, ħalli mmantnu u nippromwovu l-fedeltà u l-verità, għas-sebħ t’Alla u l-ġid tal-proxxmu; għax it-tali ħalf hu msejjes fuq il-Kelma t’Alla (Dewt.6:13; 10:20; Ġer.4:1-2; Lhud 6:16), u għalhekk kien użat sew mill-qaddisin fil-Patt il-Qadim u l-Ġdid (Ġen.21:24; Ġoż.9:15; 1 Slaten 1:29-30; Rum.1:9; 2 Kor.1:23).

102. Nistgħu naħilfu wkoll bil-qaddisin jew bi kreaturi oħra?

Le; għax ħalfa leġittma tfisser li qed issejjaħ ’l Alla bħala l-uniku wieħed li jfittex il-qalb, biex jixhed għall-verità, u jikkastigani jekk naħlef falz (Rum.9:11; 2 Kor.1:23). Ebda ħlejqa mhi denja ta’ dan il-ġieħ (Mt.5:34-37; 23:16-22; Ġak.5:12).

103. X’jirrekjiedi Alla fir-raba’ kmandament?

L-ewwelnett, li l-ministeru u l-edukazzjoni evanġelika jkunu miżmuma (Dewt.6:4-9,20-25; 1 Kor.9:13-14; 2 Tim.2:2; 3:13-17; Tit.1:5), u li, speċjalment f’jum il-mistrieħ, nattendi b’diliġenza l-assemblea tal-poplu t’Alla (Dewt.12:5-12; Salm 40:9-10; 68:26; Atti 2:42-47; Lhud 10:23-25) biex nitgħallem Kelmtu (Rum.10:14-17; 1 Kor.14:31-32; 1 Tim.4:13), nipparteċipa fis-sagramenti (1 Kor.11:23-24), ninvoka ’l Alla pubblikament (Kol.3:16; 1 Tim.2:1) u nressaq l-offerta Kristjana għall-foqra (Salm 50:14; 1 Kor.16:2; 2 Kor.8,9). It-tieni, li kull jum ta’ ħajti nistrieħ mill-għemejjel ħżiena tiegħi, inċedi lili nnifsi għall-Mulej biex jaħdem fija bl-Ispirtu tiegħu, u hekk nibda f’din il-ħajja is-Sabat etern (Isa.66:23; Lhud 4:9-11).

104. X’inhi r-rieda t’Alla għalik fil-ħames kmandament?

Li nonora, inħobb, u nkunu leali lejn missieri u ommi, u dawk kollha li għandhom awtorità fuqi; li nobdi u nissottometti ruħi għalihom, kif inhu xieraq, meta jikkoreġuni u jikkastigawni (Esodu 21:17; Prov.1:8; 4:1; Rum.13:1-2; Ef.5:21-22; 6:1-9; Kol.3:18-4:1); kif ukoll nistabar bi dgħufijiethom (Prov.20:20; 23:22; 1 Pt.2:18), ladarba Alla jogħġbu jiggvernana b’idhom (Mt.22:21; Rum.13:1-8; Ef.6:1-9; Kol.3:18-21).

105. X’jiddomanda Alla minnek fis-sitt kmandament?

Jordnali li la bil-ħsieb, la bi kliemi, bil-ħars jew mossi, u wisq inqas b’għemil attwali, ma nkasbar, ninsulta, nobgħod, infieri jew noqtol lill-ġar tiegħi, u lanqas inkun kompliċi f’dan ma’ ħaddieħor (Ġen.9:6; Lev.19:17-18; Mt.5:21-22; 26:52); aktarx, inwarrab minni kull desiderju għall-vendetta (Prov.25:21-22; Mt.18:35; Rum.12:19; Ef.4:26). Iżjed minn hekk, ma nagħmilx ħsara lili nnifsi u lanqas nipperikola lili nnifsi bi traskuraġni jew apposta (Mt.4:7; 26:52; Rum.13:11-14). Għalhekk, biex jirrestrinġi d-delitti, il-gvern hu armat bis-sejf (Ġen.9:6; Esodu 21:14; Rum.13:4).

106. Imma dal-kmandament jirreferi biss għall-qtil?

Filli jipprojbixxi l-qtil Alla jgħallimna li jistkerraħ l-għerq tal-qtil: l-għira, il-mibegħda, ir-rabja, u x-xewqa għat-tpattija (Prov.14:30; Rum.1:29; 12:19; Gal.5:19-21; 1 Ġw.2:9-11). F’għajnejh dan kollu hu qtil moħbi (1 Ġw.3:15).

107. Biżżejjed mela li ma noqtlux lill-proxxmu tagħna b’xi wieħed minn dawn il-modi?

Le. Billi jikkundanna l-ġelożija, il-mibegħda u s-saħna, Alla jridna allura nħobbu lil għajrna bħalna nfusna (Mt.7:12; 22:39; Rum.12:10): nistabru, naħdmu s-sliem, inkunu ġwejda, ħanina, u amikevoli miegħu (Mt.5:3-12; Lq.6:36; Rum.12:10,18; Gal.6:1-2; Ef.4:2; Kol.3:12; 1 Pt.3:8), nipproteġuh mid-deni daqskemm jiddependi minna, u nagħmlu l-ġid imqar lill-għedewwa (Esodu 23:4-5;Mt.5:44-45; Rum.12:20-21; Prov.25:21-22).

108. X’inhi r-rieda t’Alla għalina fis-seba’ kmandament?

Kwalunkwe immoralità hi misħuta minn Alla (Lev.18:30; Ef.5:3-5), u għaldaqstant imissna nidditestawha mill-qalb (Ġuda 22-23) u ngħammru modestament u fis-safa, sew fiż-żwieġ imqaddes kif ukoll fl-istat ċelibi (1 Kor.7:1-9; 1 Tess.4:3-8; Lhud 13:4).

109. F’dan il-kmandament Alla jipprojbixxi biss dnubiet skandalużi bħalma hu l-adulterju?

Ladarba ġisimna u ruħna huma tempji ta’ l-Ispirtu s-Santu, Alla jridna nżommuhom it-tnejn nodfa u qaddisa. Għaldaqstant jipprojbixxi kull ħaġa li tħajjarna għall-impurità (1 Kor.15:33; Ef.5:18), sew jekk inhi azzjonijiet, ġesti, diskors, ħsibijiet, jew xewqat (Mt.5:27-29; 1 Kor.6:18-20; Ef.5:3-4).

110. X’jiċħdilna Alla fit-tmien kmandament?

Jiċħdilna mhux biss serq u ħell li huma kkastigati mill-qrati (Esodu 22:1; 1 Kor.5:9-10; 6:9-10), imma jittimbra wkoll bħala serq kull qerq u tberbix tal-proxxmu tagħna bil-forza jew skemi taparsi leġittmi (Mik.6:9-11; Lq.3:14; Ġak.5:1-6), bħalma huma kejl inġust fil-piż, fid-daqs jew fil-volum; negozju bil-brikkunaġni, flus foloz, użura, jew mezzi oħra projbiti mill-Mulej (Dewt.25:13-16; Salm 15:5; Prov.11:1; 12:22; Eżek.45:9-12; Lq.6:35). Aktar minn hekk ma jridniex inkunu rgħiba (Lq.12:15; Ef.5:5) u lanqas inberbqu l-għotjiet tiegħu bla skop (Prov.21:20; 23:20-21; Lq.16:10-13).

111. X’jitlob minnek Alla b’dan il-kmandament?

Li navvanza l-ġid tal-proxxmu fejn u meta nkun nista’, nittrattah bħalma nixtiequ jittratta lili, u nistinka fedelment biex inkun kapaċi nikkontribwixxi lill-foqra fil-bżonnijiet tagħhom (Isa.58:5-10; Mt.7:12; Gal.6:9-10; Ef.4:28).

112. X’inhi r-rieda t’Alla għalik fid-disa’ kmandament?

Li ma nixhed falz kontra ħadd, ma ngħawwiġx kliem ħaddieħor, u ma nsefsifx jew inqasqas; ma niġġudikax u lanqas ningħaqad ma’ l-oħrajn fil-kundanna ta’ xi ħadd mingħajr ma jkun mismugħ jew mingħajr kawża ġusta (Salm 15; Prov.19:5; Mt.7:1; Lq.6:37; Rum.1:28-32). Aktarx, għandi nevita l-gideb u ingann ta’ kull xorta bħala l-għemejjel proprji tax-xitan, li ma nniżżilx fuqi r-rabja intensa t’Alla (Lev.19:11-12; Prov.12:22; 13:5; Ġw.8:44; Riv.21:8). Jerġa’, fi kwistjonijiet ta’ ġudizzju u kull trattar ieħor imissni nħobb il-verità, nitħadditha sinċerament, u nistqarrha bil-miftuħ (1 Kor.13:6; Ef.4:25); u daqskemm jiġi minni niddefendi u nippromwovi l-ġieħ u l-fama tajba tal-proxxmu (1 Pt.3:8-9; 4:8).

113. X’jistenna minnek Alla fl-għaxar kmandament?

Li lanqas l-iċken inklinazzjoni jew ħsieb kuntrarju għal xi wieħed mill-kmandamenti t’Alla m’għandu qatt jitqanqal f’qalbi; aktarx, imissni dejjem nobgħod id-dnub kontinwament b’qalbi kollha u nitgħaxxaq f’kulma hu sewwa (Salm 19:7-14; 139:23-24; Rum.7:7-8).

114. Imma dawk konvertiti lejn Alla kapaċi jobdu dawn il-kmandamenti perfettament?

Le; f’din il-ħajja mqar in-nies l-aktar qaddisa jiksbu biss bidu ċkejken ta’ din l-ubbidjenza (Ekk.7:20; Rum.7:14-15; 1 Kor.13:9; 1 Ġw.1:8-10). Madankollu, b’għan serju u ħerqan, jibdew jgħixu mhux biss skond x’uħud, iżda skond il-kmandamenti kollha t’Alla (Salm 1:1-2; Rum.7:22-25; Fil.3:12-16).

115. Għaliex, mela, Alla jrid l-għaxar kmandamenti pridkati strettament, ladarba ħadd m’għandu l-ħila josservahom f’din il-ħajja?

L-ewwelnett, biex matul għomorna kollu nsiru nafu aktar u aktar in-natura midinba tagħna, u hekk aktar bi ħrara nħarsu lejn Kristu għall-maħfra tad-dnubiet u l-ġustizzja (Salm 32:5; Rum.3:19-26; 7:7,24-25; 1 Ġw.1:9). It-tieni, biex, filwaqt li nitolbu ’l Alla għall-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu, ma nehdew qatt milli nħabirku ħalli kulma jmur niġġeddu fix-xbieha t’Alla, sakemm finalment nottienu l-perfezzjoni sħiħa wara dil-ħajja (1 Kor.9:24; Fil.3:12-14; 1 Ġw.3:1-3).

It-Talb

116. Għaliex it-talb hu meħtieġ għall-Kristjani?

Għax hu l-parti ewlenija tar-ringrazzjament li Alla jirrekjiedi minna (Salm 50:14-15; 116:12-19; 1 Tess.5:16-18). Ukoll għax Alla jagħti l-grazzja u l-Ispirtu s-Santu lil dawk biss li jersqu quddiemu kontinwament u jokorbu fihom infushom, u jitolbuh dawn l-għotjiet u jroddulu ħajr għalihom (Mt.7:7-8; Lq.11:9-13).

117. Kif iridna nitolbu Alla hekk li talbna jogħġbu u jismagħna?

L-ewwelnett, jeħtieġ nitolbu mill-qalb, lil ħadd ħlief ’l Alla waħdu veru, li rrevela lilu nnifsu fil-Kelma, u nirrikjestaw kull ħaġa li kmandana nitolbuh (Salm 145:18-20; Ġw.4:22-24; Rum.8:26-27; Ġak.1:5; 1 Ġw.5:14-15). It-tieni, irridu nammettu l-bżonn u l-miżerja tagħna, bla ma naħbu xejn, u numiljaw lilna nfusna fil-preżenza majestuża tiegħu (2 Kron.7:14; Salm 2:11; 34:18; 62:8; Isa.66:2; Riv.4). It-tielet, jeħtieġ inserrħu fuq dan il-pedament sod: li avolja ma jistħoqqilniex, ċertament jagħti widen għat-talb tagħna minħabba Kristu Sidna, skond kif wegħdna f’Kelmtu (Dan.9:17-19; Mt.7:8; Ġw.14:13-14; 16:23; Rum.10:13; Ġak.1:6).

118. Xi kmandana Alla nitolbuh?

Kulma neħtieġu, spiritwalment u fiżikament (Ġak.1:17; Mt.6:33), kif inhu miġbur fit-talba li Kristu Sidna nnifsu għallimna.

119. Kif inhi din it-talba?

Missierna li int fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int fl-art, kif inhu fis-sema; ħobżna ta’ kuljum agħtina llum, u aħfrilna djunna, bħalma naħfru aħna lill-midjunin tagħna, u la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mill-ħażen: għax tiegħek is-saltna, u s-setgħa, u l-glorja, għal dejjem. Amen (Mt.6:9-13; Lq.11:2-4).

120. Għaliex Kristu kmandana nsejħu lil Alla Missierna?

Biex fil-bidu nett ta’ talbna jqanqal fina rispett bħal tat-tfal lejn Alla, u fiduċja fih, li għandhom isejjsu t-talb tagħna: jiġifieri, li Alla sar Missierna permezz ta’ Kristu, u wisq inqas jiċħdilna kulma nitolbuh b’fidi vera milli l-ġenituri tagħna jirrifjutawlna l-ħwejjeġ ta’ did-dinja (Mt.7:9-11; Lq.11:11-13).

121. Għaliex inżidu l-frażi li int fis-smewwiet?

Biex ma nħaddnu ebda ħsieb baxx dwar il-majestà smewwija t’Alla (Ġer.23:23-24; Atti 17:24-25), u mill-qawwa omnipotenti tiegħu nistennew kull ħaġa neċessarja għall-ġisem u r-ruħ (Mt.6:25-34; Rum.8:31-32).

122. Xi tfisser l-ewwel rikjesta?

Jitqaddes ismek tfisser: Agħtina li nkunu nafuk tabilħaqq (Ġer.9:23-24; 31:33-34; Mt.16:17; Ġw.17:3), inbirkuk, inqimuk, u nfaħħruk għall-għemejjel kollha tiegħek, li fihom jiddu l-qawwa, is-sapjenza, it-tjieba, il-ġustizzja, il-ħniena u l-verità tiegħek (Esodu 34:5-8; Salm 145; Ġer.32:16-20; Lq.1:46-55,68-75; Rum.11:33-36); u għaldaqstant nagħrfu nordnaw u nidderieġu ħajjitna, f’kulma naħsbu, inlissnu, u nagħmlu, b’tali mod li ismek qatt ma jisfa mżeblaħ, iżda aktarx imweġġaħ u mfaħħar minħabba fina (Salm 115:1; Mt.5:16).

123. X’inhu s-sinifikat tat-tieni rikjesta?

Tiġi saltnatek tfisser: Gvernana bil-Kelma u l-Ispirtu tiegħek b’tali mod li kulma jmur nissottomettu rwieħna għalik (Salm 119:5,105; 143:10; Mt.6:33); ippriżerva u kabbar il-Knisja tiegħek (Salm 122:6-9; Mt.16:18; Atti 2:42-47); eqred l-għemejjel tax-xitan; xejjen kull forza xewwiexa kontra tiegħek, u konfoffi ħżiena mnissla kontra l-Kelma Mqaddsa (Rum.16:20; 1 Ġw.3:8), sakemm saltnatek tkun kompluta u perfetta, u fiha tkun int kollox f’kulħadd (Rum.8:22-23; 1 Kor.15:28; Riv.22:17,20).

124. Xi rridu nfissru bit-tielet petizzjoni?

Ikun li trid int fl-art, kif inhu fis-sema hi talba biex Alla jagħti lilna u l-bnedmin kollha li nirrinunzjaw ir-rieda tagħna u mingħajr tgergir nobdu r-rieda tiegħu, li waħidha hi t-tajba (Mt.7:21; 16:24-26; Lq.22:42; Rum.12:1-2; Tit.2:11-12); ħalli hekk kull wieħed iwettaq il-kariga u s-sejħa tiegħu (1 Kor.7:17-24; Ef.6:5-9) b’rieda tajba u lealtà bħalma jagħmlu l-anġli fis-smewwiet (Salm 103:20-21).

125. X’inhi t-tifsira tar-raba’ rikjesta?

Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum tfisser: Ħa jkun jogħġbok tipprovdielna għall-ħtiġijiet kollha tal-ġisem (Salm 104:27-30; 145:15-16; Mt.6:25-34), ħalli hekk nagħrfu li int waħdek l-għajn ta’ kull ġid (Atti 14:17; 17:25; Ġak.1:17), u li mingħajr barkietek la ħidmietna u l-bżulija tagħna u lanqas l-għotjiet tiegħek ma jkunu ta’ qliegħ għalina (Dewt.8:3; Salm 37:16; 127:1-2; 1 Kor.15:58); u għaldaqstant nirtiraw il-fiduċja tagħna mill-ħlejjaq kollha u nqegħduha biss fik (Salm 55:22; 62; 146; Ġer.17:5-8; Lhud 13:5-6).

126. X’sinifikat fiha l-ħames petizzjoni?

Aħfrilna djunna, bħalma naħfru aħna lill-midjunin tagħna tfisser: Ħa jkun jogħġbok, f’ġieħ id-demm ta’ Kristu, li ma tgħoddx kontrina, midinbin miżerabbli, it-trasgressjonijiet kotrana tagħna, u lanqas il-ħażen li għadu mqabbad magħna (Salm 51:1-7; 143:2; Rum.8:1; 1 Ġw.2:1-2), bħalma wkoll insibu fina din ix-xhieda tal-grazzja tiegħek, li ninsabu determinati fis-sħiħ li naħfru lill-proxxmu tagħna mill-qalb (Mt.6:14-15; 18:21-35).

127. X’importanza nsibu fis-sitt petizzjoni?

La ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mill-ħażen tfisser: Billi aħna hekk debboli fina nfusna li m’aħniex kapaċi nieqfu mqar waqt wieħed (Salm 103:14-16; Ġw.15:1-5), u barra minn hekk, ladarba l-għedewwa mortali tagħna - ix-xitan (2 Kor.11:14; Ef.6:10-13; 1 Pt.5:8), id-dinja (Ġw.15:18-21) u laħamna stess (Rum.7:23; Gal.5:17) qatt ma jehdew jassaltawna, ħa jkun jogħġbok tippriżervana u ssaħħaħna bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu tiegħek biex niqfulhom fis-sod u ma negħrqux f’din it-taqtigħa spiritwali (Mt.10:19-20; 26:41; Mk.13:33; Rum.5:3-5), sakemm finalment niksbu vittorja sħiħa (1 Kor.10:13; 1 Tess.3:13; 5:23).

128. Kif tikkonkludi din it-talba?

Għax tiegħek is-saltna, u s-setgħa, u l-glorja, għal dejjem. B’hekk irridu ngħidu: Dan kollu nitolbuh mingħandek għax bħala s-Sultan tagħna b’qawwa fuq il-ħwejjeġ kollha, inti trid kif ukoll kapaċi tagħtina kwalunkwe ħaġa tajba (Rum.10:11-13; 2 Pt.2:9), u hekk mhux aħna iżda Ismek imqaddes ikun imsebbaħ għal dejjem (Salm 115:1; Ġw.14:13).

129. X’sinifikat għandha l-klejma Amen?

Tfisser hekk ikun verament u ċertament. It-talba tiegħi hi iżjed ċertament mismugħa minn Alla milli nħoss f’qalbi li tabilħaqq nixtieq dawn il-ħwejjeġ mingħandu (Isa.65:24; 2 Kor.1:20; 2 Tim.2:13).

Traduzzjoni ta' Paul Mizzi. Il-jeddijiet kollha mizmuma.
Ebda parti minn dan il-ktieb ma tista' tigi riprodotta f'xi forma
minghajr il-permess bil-miktub tat-traduttur.
Il-kwotazzjonijiet mill-Bibbja Mqaddsa huma mehuda mit-traduzzjoni ta' Karm Zammit,
ippubblikata mit-Trinitarian Bible Society.

Knisja Evangelika Trinita' - Kitba Evangelika Online