homepage

piltdown
Piltdown man, meqjus ghal hafna snin bhala 'il-missing link."

razez
Alla ghamel minn demm wiehed il-gnus kollha tal-bnedmin - Atti 17:26.

fetus
Infahhrek ghax tal-biza' u tal-ghageb jien maghmul - Salm 139:14.

M’hemmx evidenza mill-fossili li l-bniedem hu dixxendent ta’ xi ape. L-istampi ta’ apeman -- annimal nofsu xadin u nofsu bniedem -- huma biss frott l-immaġinazzjoni ta’ l-artist. Jissemmew diversi ħlejjaq b’ismijiet latini u tqal, imma meta tarahom wieħed wieħed, l-evidenza tisparixxi fix-xejn.

  1. In-Neanderthal man kien mija fil-mija uman u llum jikklassifikawh bħala Homo sapiens.

  2. Il-famuż Piltdown Man kien ċajta ġoffa ta’ wieħed li qarraq bix-xjentisti għal erbgħin sena.

  3. Nebraska Man kien mibni minn sempliċi darsa li wara nstab li kienet darsa ta’ ħanżir!

  4. Ramapithecus kien orangutan estint.

  5. Australopithecus africanus m’għadux ikkonsidrat aktar bħala antenat tagħna.

  6. Australopithicus afarensis (bħal ‘Lucy’) kien jixbah l-pygmy chimpanzee, u l-mixja tiegħu ma kienitx tixbaħ il-mixja tal-bniedem.

  7. Homo erectus kienu umani, b’varjazzjonijiet fl-iskeltri tagħhom kif nosservaw illum fl-iskeletri umani ta’ razez differenti. L-għadam ta’ Homo erectus ukoll instabu l-istess saffi ta’ blat ma’ l-għadam ta’ Homo sapiens u għalhekk ma setgħux kienu l-antenati evoluzzjonarji tal-bniedem.

Għalkemm id-dokumentarji u kotba popolari jagħtu l-impressjoni li x-xjenza għandha l-provi li l-bniedem evolva, ir-realtà hi li l-bniedem kien dejjem bniedem. Kultant issib evoluzzjonisti onesti biżżejjed biex jammettu l-verità.

“The missing link between man and the apes...is merely the most glamorous of a whole hierarchy of phantom creatures” (Newsweek, Nov. 3, 1980).

“Modern apes, for instance, seem to have sprung out of nowhere. They have no yesterday, no fossil record. And the true origin of modern humans -- an upright, naked, tool-making, big-brained beings -- is, if we are honest with ourselves, an equally mysterious matter” (Watson, L. Science Digest, vol.90, May 82).

Jekk wieħed jiddependi biss fuq ix-xjenza biex jiskopri l-oriġni tiegħu, ikollu jammetti li m’għandux tweġiba. L-origini tal-bniedem jibqa’ misteru. Iżda għal min lest jemmen il-Kelma tal-Ħallieq, jitgħallem li fis-sitt jum tal-ħolqien, “Alla ħalaq il-bniedem fuq xbieha tiegħu; fuq ix-xbieha t’Alla ħalqu; raġel u mara ħalaqhom . . . l-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab ta’ l-art, u nefaħ f’imnifsejh nifs il-ħajja; u l-bniedem sar ruħ ħajja” (Ġenesi 1:27; 2:7).

Jistgħu idumu jfittxu l-missing link!

X’inhu l-bniedem?

Il-fidi Kristjana tibda b’affermazzjoni ta’ Alla bħala Ħallieq. “Jien nemmen f’Alla...li ħalaq is-sema u l-art.” It-tagħlim dwar il-ħolqien huwa l-pedament tat-tagħlim kollu tal-Bibbja. L-evoluzzjoni hi kompletament kuntrarja u topponi l-fidi Kristjana fil-pedament tagħha. L-evoluzzjoni hi filosofija alternattiva f’kompetizzjoni u ġlieda kontra t-tagħlim tal-Bibbja.

L-evoluzzjoni tibda bl-univers materjali gvernat minn qawwiet u enerġija impersonali. Mingħajr ebda direzzjoni intelliġenti u b’kumbinazzjoni evolviet id-dinja b’kundizzjonijiet favorevoli għall-ħajja. B’kumbinazzjoni akbar l-atomi ingħaqdu flimkien f’molekuli, u l-molekuli fl-ewwel ċellola. Il-ħajja mbagħad evolviet fuq mijiet ta’ miljuni ta’ snin f’varjetà enormi ta’ pjanti u annimali -- is-siġra tal-ħajja. Fergħa minnhom inzerta kien hemm annimal jixbaħ ix-xadini, li evolva l-kapaċità li jimxi fuq riġlejh. Evolva idejn biex jaqbad u jagħmel l-għodod, u moħħ aktar intelliġenti minn annimali oħra, li bih setgħa jieħu vantaġġi għall-għixien tiegħu u jilħaq pożizzjoni ogħla mill-annimali l-oħra. Dan l-annimal huwa l-bniedem.

B’kuntrast, it-tagħlim tal-ħolqien fl-Iskrittura jibda b’Alla etern, li mix-xejn ħalaq is-sema u l-art. Ħalaq id-dinja u sawwarha biex tħaddan l-ħajja. Bil-Kelma tiegħu għamel il-pjanti u l-bhejjem, u fl-aħħar il-bniedem ukoll. Il-bniedem kien maħluq speċjali, fuq xbieha t’Alla, u ngħata s-setgħa fuq il-ħlejjaq l-oħra.

X’inhu mela l-bniedem? Skond l-evoluzzjoni, il-bniedem hu prodott tal-kosmos, ta’ forzi materjali u impersonali. Il-bniedem jeżisti b’kumbinazzjoni, u mingħajr ebda għan partikolari. Il-bniedem hu annimal, żviluppat aktar minn annimali oħra, iżda essenzjalment mhux differenti minnhom.

Skond it-tagħlim tal-Bibbja, il-bniedem u l-kosmos huma l-prodott krejattiv ta’ Alla etern u intelliġenti. Il-bniedem jeżisti skond ir-rieda t’Alla u maħluq għall-manifestazzjoni tal-glorja tiegħu. Bħall-annimali l-oħra l-bniedem għandu ġisem materjali, u bħalhom jiekol, jixrob u jirriproduċi. Iżda b’kuntrast ma’ l-annimali, il-bniedem huwa maħluq fuq ix-xbieha u s-sura t’Alla.

Implikazzjonijiet

It-teorija ta’ l-evoluzzjoni mhix sempliċi ipoteżi bijoloġika dwar l-isponsuni u d-dinosawri. Altru! L-evoluzzjoni taqbeż il-limiti tax-xjenza u tidħol fl-isfera filosofika u reliġjuża. Kif rajna, it-tweġiba li tagħti għan-natura u s-sinifikat tal-bniedem hi kontradittorja għar-risposta ta’ l-Iskrittura.

Ladarba hu prodott ta’ forzi impersonali, il-bniedem m’għandu għalfejn ikun grat lejn ħadd. Forsi jifraħ bil-fortuna bħalma jifraħ meta jirbaħ il-lotterija. Imma ma jħossux obbligat lejn ħadd. Jistagħġeb kif ix-xejn sar xi ħaġa; kif forzi impersonali evolvew lilu, personali; kif il-kimiċi ħolqu l-emozzjoni; kif forzi għomja tawh id-dawl u l-intelliġenza; kif minn univers inkonxju tnissel il-bniedem konxju ta’ l-univers u tiegħu nnifsu...

Iqis lilu nnifsu fortunat iżda mhu responsabbli lejn ħadd. Il-bniedem jinstab fil-quċċata, kburi, il-mexxej tiegħu nnifsu. Jekk l-evoluzzjoni hi vera, il-bniedem huwa awtonomu u indipendenti. Limitat biss bil-forzi fiżiċi tal-univers, iżda liberu biex jagħmel kulma jixtieq. Jisraq kliem l-ewwel kmandament minn fomm Alla u jiftaħar: ‘Jien, il-bniedem, hu Alla Sidi.’

X’kuntrast ma’ l-istampa li tpinġi l-Iskrittura! Ladarba l-bniedem hu l-ħlejqa t’Alla, il-bniedem huwa obbligat u responsabbli lejn Alla, il-Ħallieq tiegħu. Meta naqraw l-ewwel paġna tal-Ġenesi, mhux mal-bniedem niltaqgħu l-ewwel. Fil-bidu, mhux il-bniedem; fil-bidu Alla. Fil-bidu, mhux l-univers, li minnu evolva l-bniedem. Fil-bidu Alla, li ħalaq l-univers.

L-Iskrittura tqiegħed il-bniedem f’post għoli, imma f’riġlejn it-tron tas-Sid. “Aħna fih ngħixu, u nitħarrku, u għandna l-eżistenza tagħna.” Fil-Ġenesi naqraw li ħalaqna Alla u mhux xi “forza naturali.” Għoġbu jagħmilna speċjali, fuq sura tiegħu, u tana setgħa fuq il-bqija tal-ħolqien. Madankollu Alla hu qabilna fl-unur, fiż-żmien u qabilna fis-setgħa. Hu għamel il-bniedem u qallu biex isaltan fuq l-art. Min jaħtar mexxej bilfors hu akbar. Mhix sorpriża għalhekk naqraw li “l-Mulej Alla ta dal-kmandament lill-bniedem” (Ġenesi 2:16). Tah kmandament għax Alla huwa l-Ħallieq u s-Sid tal-bniedem. Il-bniedem huwa l-ħlejqa dipendenti fuq Alla.

Il-bniedem skond l-Iskrittura

Biex nifhmu sew min aħna, jeħtieġ niskopru l-għan oriġinali tal-bniedem fil-ħolqien.

1. Il-bniedem hu kompost minn żewġ elementi -- ġisem u ruħ. Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab ta’ l-art (il-ġisem, il-parti materjali), u nefaħ f’imnifsejh nifs il-ħajja (l-ispirtu, il-parti mhix materjali); u l-bniedem sar ruħ ħajja (Ġenesi 2:7). It-teorija ta’ l-evoluzzjoni tqis il-bniedem bħala annimal materjali biss. Minħabba dan l-iżball fundamentali, il-bniedem sekulari jgħejja jfittex il-milja tiegħu fi ħwejjeġ materjali biss. Neħtieġu l-ħobż biex ngħixu iżda “l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.”

2. Il-bniedem huwa l-aġent t’Alla fuq il-ħolqien. Alla ta ’l Adam u ’l Eva ħakma fuq l-annimali kollha u qegħdhom fil-ġnien ta’ Għeden biex iħarsuh u jieħdu ħsiebu. Alla jafda il-ħolqien f’idejna biex nieħdu ħsiebu. L-Insara għandhom ikunu l-aqwa ambjentalisti.

3. Il-bniedem kien maħluq ħaddiem. Bħalma Alla ħadem għal sitt ijiem u strieħ fis-seba’ jum, hekk ukoll irid lilna naħdmu sitt ijiem u nistrieħu jum wieħed fil-ġimgħa. Alla qiegħed lil Adam fil-ġnien biex jikkoltivah. Ix-xogħol mhux riżultat tad-dnub u m’għandniex nagħmluh ta’ bil-fors biex sempliċement indaħħlu l-paga. Sfortunatament ħafna jieħdu din l-attitudni żbaljata. Il-bniedem huwa ħaddiem minnu nnifsu. It-tfal jibdew jaħdmu minn ċkunithom, it-tifel jibni d-dar bil-blocks u t-tifla tieħu ħsieb il-pupa. Ħaddiem bla xogħol jibqa’ ħaddiem -- u għax hu ħaddiem m’għandux jitgħażżen iżda jagħmel dak li jista’ u jaħdem biex jfittex impjieg. Il-penzjonant huwa ħaddiem ukoll -- m’għandux jintefa bil-qiegħda f’rokna jistenna l-ħin għaddej, imma għandu jokkupa ruħu f’ħidma li tgħodd għalih.

4. Il-bniedem hu esseru soċjali. Ma kienx maħluq biex jgħix waħdu. “Mhux tajjeb li l-bniedem ikun waħdu,” qal Alla. Ingħata qalb biex tħobb, u kapaċi jirċievi imħabba. L-ewwel żewġ kmandamenti -- l-imħabba lejn Alla u l-proxxmu -- jirriflettu n-natura soċjali tal-bniedem. L-ewwel imħabba nesperjenzawha fi ċkunitna fil-familja. L-aqwa relazzjoni umana huwa ż-żwieġ; il-mara kienet maħluqa għar-raġel u r-raġel isib il-milja tiegħu f’martu. M’hemm l-ebda virtù li tkun eremita iżda sfortunament ħafna jgħixu f’iżolament ta’ egoiżmu. Ironikament, aktar ma tfissex l-interssi personali, anqas issibhom. Mhux tajjeb għall-bniedem li jkun waħdu, għax il-bniedem kien maħluq biex jgħix ma’ l-oħrajn.

Il-Waqgħa

L-ordni oriġinali tal-ħolqien m’għadhiex iżjed. Ġenesi kapitlu 3 jifred il-ħolqien tajjeb t’Alla mill-bqija ta’ l-Iskrittura u l-istorja traġika tal-bniedem. Meta nħarsu madwarna nosservaw elementi sbieħ fin-natura u għal mument nifirħu bil-ħajja. Iżda mhux għal ħin twil; inħarsu madwarna u naraw għaraq, dmugħ, tbatija u mewt.

Alla qiegħed l-ewwel ġenituri tagħna fil-ġnien ta’ Għeden. Kellhom kulma tixtieq qalbhom u l-ħolqien kollu kien jitbissmilhom. Alla nnifsu kien jixxierek, jitkellem u jimxi magħhom. Il-bniedem ried iżomm f’moħħu ħsieb ewlieni: ladarba Alla hu l-Ħallieq, il-bniedem għandu jobdih mill-qalb. Il-kmandament biex ma jikolx mis-siġra tat-tagħrif il-ġid u d-deni kien il-prova tas-sottomissjoni tal-bniedem lejn il-Ħallieq.

Il-bniedem m’għaddiex mit-test. Bil-qerq u l-ingann tas-serp (Satana), Eva kielet mill-frotta u tat ukoll lil żewġha. Id-dnub hu diżubbidjenza għal-liġi t’Alla u ribelljoni kontra l-ħakma tiegħu. Taħt forma jew oħra, dak li beda f’Għeden għadu sejjer sa llum.

L-effett tad-dnub fuq il-bniedem

Kull aspett tal-ħajja umana ġie affettwat bid-dnub.

Il-bniedem hu magħmul minn ġisem u ruħ. Il-ġisem issa hu suġġett għall-mard, it-tbatija u l-mewt meta “jarġa’ t-trab lejn l-art bħalma kien; u l-ispirtu jerġa’ lejn Alla, li tah.”

Il-bniedem kien magħmul l-aġent t’Alla fuq il-ħolqien. Illum il-bniedem sikwit isib il-ħolqien jiġġieled kontrih (terremoti, urugani, nirien, għargħar, eċċ.). Mill-banda l-oħra, il-bniedem minflok jieħu ħsieb il-ħolqien, qiegħed jeqirdu (bit-tniġġis ta’ l-arja, l-art u l-baħar, qerda ta’ foresti u sfruttament irresponsabbli tar-riżorsi).

Il-bniedem huwa ħaddiem, imma issa x-xogħol sar toqol fuqu: “misħuta tkun l-art minħabba fik; b’taħbit tiekol minnha l-jiem kollha ta’ ħajtek; xewk u għollieq tnibbitlek; u int tiekol il-ħaxix tar-raba’; b’għaraq wiċċek tiekol il-ħobż” (Ġenesi 3:17-18).

Il-bniedem hu esseru soċjali iżda mad-dnub daħlu l-firdiet, ir-razziżmu, il-ġlied, il-gwerer u l-aljenazzjoni. Minflok imħabba, daħlet l-għira, il-mibegħda, il-gideb, it-tgħajjir u qtil. Il-problemi fiż-żwieġ għandhom għeruqhom fid-dnub. Iż-żwieġ kien maħsub biex jagħti lill-bniedem komunjoni u ferħ, issa sikwit jispiċċa fi ġdied, separazzjoni, divorzju u qsim il-qalb.

Imma l-agħar effett tad-dnub narawh fuq ir-relazzjoni tal-bniedem mal-Ħallieq. Il-bniedem sar midneb u infired minn Alla qaddis. Alla keċċa lil Adam u lil Eva minn Għeden. Uliedhom jitwieldu barra il-ġnien, ’il bogħod u mifrudin minn Alla.

Is-soluzzjoni

Il-bniedem għamel għażla fundamentali żbaljata: l-indipendenza minflok sottomissjoni. Qatt ma ċaħad l-għażla tiegħu u minkejja l-effett diżastruż ta’ dnubietu, il-bniedem jibqa’ jippersisti fir-ribelljoni tiegħu. Jipprova minn kollox biex isolvi l-problemi u l-miżerji li jdawwruh. Is-suċċess hu biss illużjoni. Minkejja l-proġress fit-teknoloġija u l-kultura, qalb il-bniedem għadha ħażina daqs qatt qabel. Il-mewt għadha l-għadu invinċibbli.

Ironikament il-bniedem ifittex is-soluzzjoni fl-istess kawża tal-problema: l-indipendenza minn Alla. Ivvinta reliġjonijiet, filosofiji, ideoloġiji, politka, xjenza u arti. Qed ifittex is-salvazzjoni bis-saħħa tiegħu nnifsu, b’għerfu u b’ħiltu.

Alla biss jista’ jsalva lill-bniedem. Alla, li fil-bidu ħalaq kollox bil-kelma setgħana tiegħu, jista’ u fil-fatt jindaħal biex isalva l-bniedem mis-saħta ta’ dnubietu, u jagħtih qalb ġdida sottomessa lejh. Il-Mulej Alla qed iwettaq xogħol akbar mill-ħolqien -- il-fidwa tal-bniedem permezz ta’ Ibnu Ġesù Kristu.

X’differenza tagħmel?

Għal min jemmen fl-evoluzzjoni, il-krettu għall-ħolqien jingħata lin-natura (il-ħolqien stess!). Din hi forma ta’ idolatrija (‘taw il-ġieħ u l-qima tagħhom lill-ħlejjaq flok ma tawhom lill-Ħallieq’). Imma n-Nisrani jagħraf ’l Alla, l-arkitett u l-bennej tal-kosmos. “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqa’ l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-rieda tiegħek.”

L-evoluzzjoni hi l-pedament tas-soċjetà sekulari moderna li warrbet lil Alla fil-ġenb. L-evoluzzjoni effettivament tinnega d-dnub. Jekk m’hemmx Sid, m’hemmx awtorità jew liġi assoluta; jekk m’hemmx liġi lanqas hemm ksur tal-liġi. Hekk jixtieq il-bniedem midneb iżda mhux hekk ir-realtà! Il-kuxjenza mhix tilgħab ċajta goffa meta takkużana bil-ħtija. Il-kuxjenza hi riflessjoni tal-liġi morali t’Alla. Id-dnub hu l-kawża vera tal-frugħa fil-ħolqien u tal-mewt. Ladarba l-bniedem sekulari lanqas biss jirrikonoxxi d-dnub, ma jista’ qatt jasal għas-soluzzjoni tat-tiġrib, l-inkwiet u l-mewt.

L-Iskrittura tisħaq li l-kaġun tal-miżerja u l-mewt huwa d-dnub. Iżda l-Iskrittura ma tiqafx hemm. Tkompli biex twasslilna aħbar tajba ta’ salvazzjoni permezz ta’ Ġesù Kristu. Hu l-Iben t’Alla, li bih sar kollox. Ġie fid-dinja biex iwettaq dak li Adam m’għamilx. L-ewwel bniedem m’obdiex; Kristu obda perfettament sal-mewt tas-salib. Kristu bata u miet biex ipatti għad-dnubiet tal-poplu tiegħu u jeħlishom mill-kundanna li ħaqqhom. Għall-evoluzzjonista s-salib ta’ Kristu ma jagħmilx sens. Ma jemminx fid-dnub (il-ksur tal-liġi tal-Ħallieq) u wisq anqas li ħlas id-dnub hu l-mewt. Għalhekk ma jifhimx li b’mewtu, Kristu patta d-dejn legali ta’ niesu. Id-dottrina ta’ l-evoluzzjoni żżommu ’il bogħod mill-Kalvarju.

Destin

X’toffri l-evoluzzjoni għall-futur tal-bniedem? Mhux wisq! Il-bniedem hu prodott ta’ aċċident kosmiku. Mhux intenzjonat għal xi għan partikolari. Eluf ta’ speċi differenti intemmu. Il-bniedem hu sempliċement annimal ieħor, li wara li jissielet għal xi żmien, hu ukoll jitlef il-battalja u jiġi estint. Jekk b’xi mod itawwal l-eżistenza tiegħu għall-miljuni ta’ snin, xorta waħda hu destinat li jintemm meta x-xemx taħli l-enerġija tagħha jew tespandi u tibla d-dinja f’ballun tan-nar. Jekk b’xi mod jaħrab mis-sistema solari u jsib dar oħra x’imkien, hemm ukoll jiġi għat-tmiem tiegħu meta l-kwiekeb jintfew u jiksħu.

L-evoluzzjoni ma toffrix futur għar-razza umana u wisq anqas għall-individwu. Min jien? U x’inhu l-iskop ta’ ħajti? jistaqsi l-bniedem modern. Jekk irid ikun konsistenti mal-filosofija evoluzzjonarja, ikollu jwieġeb: “Jien annimal. Ġejt b’kumbinazzjoni, u meta ngħix għal ftit snin, immut, nitħassar u ma nibqax iżjed. Il-ħajja m’għandhiex valur personali dejjiem. Il-ħajja hi frugħa. Għalhekk ħalli ngawdi u niddeverti sakemm għandi ċans.”

Kemm hu differenti l-messaġġ ta’ l-Iskrittura! Il-bniedem kien maħluq fuq xbieha t’Alla, biex jagħraf u jgawdi l-Ħallieq tiegħu. Il-Kristjan jistqarr, “Fl-aħħar mill-aħħar se mmut, iżda ma nintemmx. Bħalma għext fid-dinja dipendenti fuq Alla, is-Sid tiegħi, inħares lil hinn mill-qabar b’fiduċja fih. Il-wegħda tiegħu hi l-ħajja eterna.”

< HOME