homepage

Darwin
Charles Darwin

sponsuni
L-isponsuni fuq il-gzejjer Galapagos.


L-evoluzzjoni tiddomada zieda fl-informazzjoni genetika.


Il-Peppered Moth: ebda zieda ta' informazzjoni genetika wara aktar minn seklu.


L-evoluzzjoni tiddomanda forom intermedjarji bejn speci u ohra.

F’Diċembru 1831, il-bastiment navali Ingliż, il-Beagle, salpa mill-Ingilterra u beda vjaġġ destinat biex jieħu d-dinja f’era ġdida. Matul il-vjaġġ Charles Darwin ġabar informazzjoni u beda jifforma teorija li ġiet pubblikata fi ktieb intitolat The Origin of Species f’1859. Darwin argumenta li d-diversità tal-ħajja fid-dinja hija riżultat ta’ proċessi naturali u mhux ta’ l-attivita' krejattiva ta’ Alla.

It-teorija ta’ Darwin tikkontradixxi l-Iskrittura. Darwin isostni li fuq medda twila ta’ żmien speċi tinbidel fi speċi oħra. Għall-kuntrarju Ġenesi jirrakkonta l-ħolqien ta’ tipi differenti ta’ ħlejjaq ħajjin u jisħaq kemm-il darba li l-ħxejjex u l-bhejjem differenti kellhom inisslu skond ġenshom. It-teorija ta’ l-evoluzzjoni ta’ Darwin kkontribwiet mhux ftit biex jitwarrab Alla mis-soċjetà tal-Punent u postu jittieħed minn “natura” u l-bniedem innifsu. Il-Punent sar sekulari.

It-teorija ta’ Darwin

Fil-qosor, Darwin osserva li hemm varjazzjoni kbira f’popolazzjoni ta’ annimali (jew pjanti) ta’ speċi partikolari. Innota wkoll li hemm ġlieda u kompetizzjoni bejniethom biex jibqgħu ħajjin. L-individwi li jinzertaw għandhom kwalitajiet favorevoli jibqgħu ħajjin u jirriproduċu; l-oħrajn jintemmu qabel il-waqt. Darwin ikkonkluda li din l-għażla naturali twassal għall-bidla fil-karatteristiċi ta’ popolazzjoni minn ġenerazzjoni għall-oħra, u wara ħafna żmien l-ispeċi oriġinali tinbidel fi speċi differenti.

L-isponsuni fuq il-gżejjer Galapagos huma l-eżempju klassiku ta’ l-istudji ta’ Darwin. Fuq dan l-arċipielgu hemm speċi differenti ta’ sponsuni. Uħud minnhom għandhom munqar oħxon, oħrajn irqiq u twil, u lewn ta’ rix differenti minn xulxin. Fl-istess ħin, jidher ċar li l-isponsuni jiġu minn xulxin għax għandhom ħafna kwalitajiet komuni bejniethom. Darwin ma qisiex probabbli li Alla ħalaq speċi differenti ta’ sponsuni biex jgħammru fuq kull ġżira. Huwa aktar probabbli li l-ispeċi differenti oriġinaw minn antenat/i komuni fuq medda ta’ snin bi proċess ta’ għażla naturali.

Bla dubju s’hawnhekk Darwin kellu raġun. Iżda l-kwistjoni ewlenija hi din: tista’ ġġebbed l-idea tal-varjazzjonijiet fost l-isponsuni (u eżempji oħra) biex tispjega l-oriġni tal-kategoriji prinċipali ta’ l-annimali? Jista’ jkun li l-ħut inbiddlu f’rettili u r-rettili inbiddlu f’mammali? Jista’ jkun li l-bniedem oriġina minn annimal jixbaħ ix-xadini? L-għażla naturali tispjega tajjeb il-bidliet żgħar fost klassi partikolari speċjalment f’reġjuni ġeografiċi differenti. Imma tista’ tispjega l-varjazzjonijiet kbar bejn klassijiet differenti? Min jaqbeż erba’ piedi, jista’ forsi jaqbeż tmienja. Imma tista’ tgħid allura li kapaċi jaqbeż kilometru wkoll?

L-għażla naturali tixbaħ l-għażla artifiċjali mill-bniedem ta’ annimali bħall-fniek, il-ħamiem, il-klieb, il-baqar u l-qtates. Jekk nieħdu l-klieb, hemm differenzi sinifikanti bejn ir-razez: il-bulldog, tal-kaċċa, il-poodle, tal-but, il-German Shepherd, eċċ. Mill-esperjenza vasta li għandna mit-tnissil tal-klieb nafu li hemm limitu ta’ kemm varjazzjonijiet huma possibbli. Barra min hekk, minkejja l-varjazzjonijiet bejn ir-razez, ilkoll jibqgħu klieb, u ma jsirux kategorija differenti ta’ annimali.

Biżżejjed inħarsu lejn ir-razza umana. Bejnietna hemm differenzi sostanzjali, speċjalment bejn il-bojod, is-sofor, is-suwed u l-aboriġini. Madankollu lkoll kemm aħna membri indaqs tar-razza umana.

B’hekk nikkonkludu li l-għażla (sew naturali kif ukoll artifiċjali) tispjega l-varjazzjonijiet ġo kategorija ta’ annimali (eż. fost l-isponsuni); imma ma tispjegax il-varjazzjoni bejn kategoriji differenti (eż., l-isponsuni u l-ajkli).

F’Ottubru 1980 iltaqgħu f’Chicago l-evoluzzjonisti ewlenin tad-dinja. F’din il-konferenza qiesu jekk il-mezzi li jikkaġunaw bidliet żgħar (kif innota Darwin, li huma msejħa microevolution) jistgħux jispjegaw l-evoluzzjoni vera (macroevolution). Il-konkluzjoni tal-konferenza kienet ċara: Le, Impossibli!

The central question of the Chicago conference was whether the mechanisms underlying microevolution can be extrapolated to explain the phenomena of macroevolution. At the risk of doing violence to the positions of some of the people at the meeting, the answer can be given as a clear, No. (Lewin, Science, Nov. 21, 1980).

Minn jaqbeż tminn piedi mhux bilfors jista’ jaqbeż minn Malta sa Għawdex!

Ġenetika

Għalfejn l-għażla naturali ma twassalx għall-oriġni ta’ speċi aktar komplessa? Ir-raġuni tipprovdiha x-xjenza tal-ġenetika. Sabiex isseħħ il-bidla:

speċi A (eż. rettilu) >> speċi B (eż. għasfur),

hemm bżonn ta’ żieda fl-informazzjoni ġenetika. Biex rettilu jevolvi f’għasfur jeħtieġ, fost ħafna ħwejjeġ oħra, l-informazzjoni biex ikabbar ir-rix.

Issa l-kawżi ta’ varjazzjonijiet bijoloġiċi li jidhru minn ġenerazzjoni għall-oħra huwa ta’ żewġ tipi:

  1. taħlit ta’ informazzjoni ġenetika diġa’ preżenti fil-popolazzjoni;

  2. bidla diretta fl-informazzjoni ġenetika (mutations).

Nieħdu l-baħrija mtektka (peppered moth) bħala eżempju. Din il-baħrija teżisti f’żewġ forom: waħda sewda u l-oħra ċara u mtektka. Fis-seklu dsatax il-baħrija ta’ lewn aktar ċar kienet aktar komuni. Iżda, meta l-ambjent beda jitħammeġ bin-nugrufun industrijali, il-baħrija sewda saret predominanti. Naħsbu li l-isfond iswed jagħti vantaġġ lill-baħrija s-sewda għax tinħeba mill-vista ta’ l-għasafar, filwaqt li l-baħrija ċara tispikka u titnaqqar mill-predaturi. (Forsi din l-ispjegazzjoni hi sempliċi wisq, imma ejja nassuma li hi korretta).

X’nistgħu nikkonkludu minn din l-osservazzjoni? Kien hemm żieda fl-informazzjoni ġenetika? Naturalment ir-risposta hi negattiva. Le, ma kien hemm ebda żieda ta’ informazzjoni għax il-kulur iswed u l-kulur ċar kienu diġa’ preżenti fis-seklu li għadda. Inbidel biss in-numru relattiv tal-baħrija b’lewn ċar u lejn iswed. Bdejna bil-baħrija Biston betularia u spiċċajna bil-baħrija Biston betularia. Din mhix evoluzzjoni!

Tibqa’ tama waħda għall-evoluzzjonisti: il-mutations. Dawn huma żbalji aċċidentali fil-genes (ikkaġunati minn kimiċi, radjazzjoni, eċċ.). Issa żbalji aċċidentali fil-programm ta’ kompjuter qajla jtejbulu l-funzjoni! Bl-istess mod, il-mutations sikwit jikkaġunaw ħsara fil-funzjoni taċ-ċellola. Infatti l-mutations fil-genes umani jirriżultaw f’eluf ta’ mardiet ġenetiċi (bħat-Thalassaemia, Achondroplasia, Cystic Fibrosis, eċċ.).

Imma jista’ jkun li kultant il-mutations jirriżultaw f’bidliet favorevoli? Iva, possibbli. Ngħidu aħna l-mikrobu Staphylococcus żviluppa reżistenza għall-penicillin permezz ta’ mutation fil-gene li tikkontrolla l-produzzjoni ta’ penicillinase (sustanza li tkisser il-penicillin). Għalhekk dawn il-batterja jipproduċu bla kontroll kwantità kbira ta’ penicillinase li jipproteġihom mill-antibijotiku. F’pazjent li qed jiġi kkurat bil-penicillin, il-batterja b’din il-mutation għandhom vantaġġ fuq l-oħrajn u ma jinqerdux mill-penicillin. (Inċidentalment, fl-ambjent naturali, il-batterja bil-mutation huma fi żvantaġġ għax jaħlu r-riżorsi tagħhom biex jipproduċu sustanzi bla bżonn.)

Iżda b’daqshekk żidna l-informazzjoni ġenetika? Għal darb’ oħra, it-tweġiba hi negattiva. Il-mutation ħassret l-informazzjoni fil-gene li tikkontrolla l-produzzjoni tal-penicillinase. Fir-realtà kien hemm tnaqqis, mhux żieda, ta’ informazzjoni. Iżda biex isseħħ l-evoluzzjoni neħtiegu żieda mhux telf ta’ informazzjoni.

Nistgħu insemmu eżempji simili. Ħut li jgħix f’għerien mudlama jaqblilhom jitilfu għajnejhom għax ikunu inqas suġġetti għall-ħsara u infezzjonijiet fihom. Hekk ukoll, ħanfusa mingħajr ġwienaħ li tgħix fuq gżira ċkejkna anqas ikollha ċans tittajjar mir-riħ u tegħreq fil-baħar. Il-mutations jistgħu joffru xi forma ta’ vantaġġ. Anke jekk il-karozza tiġrilha l-ħsara fil-magna, nista’ ngawdi xi vantaġġi -- xejn xejn nimxi iżjed u niffranka ħafna flus fil-petrol. Iżda dan ma jfissirx li l-karożża ċkejkna tiegħi qed tevolvi f’mudell aħjar!

Jeħtieġ inżommu quddiem għajnejna l-kwistjoni kruċjali: l-evoluzzjoni teħtieġ iż-żieda ta’ informazzjoni. It-telf ta’ informazzjoni ġenetika biex tifforma l-għajn fil-ħuta jew il-ġwienaħ fil-ħanfusa (u ħafna eżempji oħra) huma preċiżament it-tip bil-maqlub tal-bidla neċċessarja għall-evoluzzjoni!

Evidenza mix-xebħ

Il-ħlejjaq huma klassifikati skond ix-xebħ bejniethom li jiddistingwuhom minn gruppi oħra. Il-klassifikazzjoni tal-ħlejjaq fi gruppi distinti taqbel perfettament mar-rakkont tal-Ġenesi għax Alla ħalaq annimali u pjanti distinti minn xulxin u kellhom inisslu skond ġenshom.

Fil-kotba tal-bijoloġija dan ix-xebħ huwa interpretat bħala evidenza favur evoluzzjoni: “Mhux raġonevoli li żewġ tipi ta’ annimali li għandhom fatturi komuni huma dixxendenti ta’ antenat wieħed?”

Naturalment dan huwa possibbli. Imma malajr inżidu li din hi evidenza ċirkostanzjali u bl-ebda mod ma tagħti prova ta’ evoluzzjoni. L-istess evidenza tista’ tiġi spjegata mod ieħor. Ngħidu aħna, jekk rawni dieħel il-bank fid-disgħa ta’ filgħodu fil-ħin meta nsteraq il-bank, ma jfissirx bilfors li sraqtu jien. Wara kollox jien issoltu mmur il-bank biex insarraf iċ-ċekk, mhux biex nisraq!

Aħna wkoll nikklassifikaw l-għodod tal-kċina f’ċertu ordni. Madankollu ħadd ma jemmen li l-frieket evolvew mill-imgħaref, jew il-kazzola evolviet mill-kuċċarun. Ix-xebħ bejniethom jindika disinn intenzjonat għall-użu partikolari (ngħidu aħna, il-manku biex taqbad bih, sew il-furketta kif ukoll il-mgħarfa).

Ix-xebħ bejn annimali differenti (ngħidu aħna l-istruttura ta’ l-għadam ta’ dirgħajn il-mammali u l-għasafar) tista’ faċilment tiġi spjegata skond l-intenzjoni ta’ min ħalaqhom. Id-dirgħajn u l-ġwienaħ ta’ ħlejjaq differenti kienu ddisinjati fuq mudell bażiku biex jaqdu funzjonijiet differenti -- għall-kelb biex jiġri fuqhom, ix-xadina tixxabbat bihom, il-bumerin jaqdef, u l-pitiross biex itir. Hekk ukoll, ir-roti ta’ ġugarell huma bażikament l-istess bħar-roti ta’ trakk tal-ġebel -- forma tonda, bil-fus fiċ-ċentru. Filwaqt li għandhom disinn bażiku identiku, huma adatti biex iservu għanijiet differenti. F’dan il-każ partikolari, l-ispjegazzjoni alternattiva hija redikola. Ladarba għandom roti jixxiebħu, x’se ngħidu? Forsi it-trakkijiet evolvew mill-ġugarelli?

Aktar minn hekk, it-teorija ta’ l-evoluzzjoni ma tistax tispjega kif id-dirgħajn għandhom l-istess struttura ta’ l-għadam bħar-riġlejn. Jekk l-għasafar u l-klieb ġejjin minn antenat wieħed għax l-iskeletri ta’ dirgħajhom jixbħu ’l xulxin, id-dirgħajn ukoll evolvew mir-riġlejn (jew ir-riġlejn mid-dirgħajn)? L-idea hi assurda. Mill-banda l-oħra, huwa perfettament raġonevoli jekk tgħid li d-dirgħajn u r-riġlejn jixbħu ’l xulxin għax ħalaqhom Disinjatur wieħed, li addatta disinn bażiku għal skopijiet differenti.

L-appendix

Jgħidu li l-appendix hu evidenza favur l-evoluzzjoni. “Il-fniek għandhom appendix kbir meħtieġ biex jiddiġerixxu l-ħaxix. Iżda fil-bniedem l-appendix hu żgħir u bla skop. L-antenati tagħna kellhom użu għalih għax kienu jieklu l-ħaxix. Huwa biss fdal ta’ l-evoluzzjoni.”

Ftit għadhom jużaw argumenti bħal dawn. Forsi għax fil-passat kienu sikwit imriegħxa bl-iskoperti xjentifiċi. Fil-bidu tas-seklu għoxrin, l-evoluzzjonisti kellhom lista’ ta’ ’l fuq minn tmenin organu bla użu, suppost relikwi tal-passat evoluzzjonarju tagħna. Iżda ġara li wieħed wara l-ieħor bdew jinstabu funzjoni għalihom. Saħansitra l-appendix jidher li għandu funzjoni immunoloġika (biex jiġġieled l-infezzjoni) kmieni fil-ħajja.

Iżda anke kieku kien hemm organi li tassew m’għandhomx użu, dan ma jkunx argument favur l-evoluzzjoni. Għal kuntrarju, organi bla funzjoni huwa evidenza kontra l-evoluzzjoni. L-oriġni ta’ l-ispeċi teħtieġ il-ħolqien ta’ organi ġodda, mhux il-qerda tagħhom!

Il-bijoloġija hija konsistenti ma’ Ġenesi u mhux ma’ Darwin. “Alla għamel id-dbejjeb ta’ l-art skond ġenshom, u l-bhejjem skond ġenshom, u kull ħlieqa li titkaxkar fuq l-art skond ġensha” (Ġenesi 1:25).

Ix-Xhieda ta’ l-Iskeletri

Il-kotba tax-xjenza isostnu li l-fossili joffru evidenza favur it-teorija tal-evoluzzjoni. Meta kont nistudja l-bijoloġija għallmuni li: “Direct evidence (for evolution) comes from studying the animals and plants of the past as seen in the fossil record, a branch of biology known as palaeontology” (Biology, Roberts, P.580).

Ħafna jassumu li l-fossili huma s-sinsla ta’ l-evidenza favur l-evoluzzjoni. Jikteb palentoloġista ewlieni, David Raup:

“Darwin’s theory of natural selection has always been closely linked to evidence from fossils, and probably most people assume that fossils provide a very important part of the general argument that is made in favor of darwinian interpretations of the history of life...”

Imma fil-verità hekk hu? David Raup ikompli: “Unfortunately, this is not strictly true.” Ħalli naraw għaliex.

Il-fossili u l-evoluzzjoni

Skond it-teorija ta’ Darwin, tip ta’ annimal (A) jevolvi f’tip ta’ annimal ieħor (B) fuq perjodu ta’ miljuni ta’ snin. Issa din il-bidla ma ssirx b’qabża, iżda f’sensiela ta’ passi żgħar. Sabiex annimal “A” jevolvi f’annimal “B” jeħtieġ numru kbir ta’ annimali intermedjarji (1, 2, 3,...)

A > 1 > 2 > 3 > 4 > 5 > . . . . . > B

Dawn l-annimali intermedjarji huma assolutament neċċessarji għat-teorija ta’ Darwin, għax m’hemm l-ebda proċess immaġinarju li bih speċi tista’ tinbidel f’daqqa u ssir speċi totalment differenti. Darwin stess jistqarr bla tlaqliq: “innumerable transitional forms must have existed.”

Il-prova favur jew kontra t-teorija ta’ Darwin tinstab fil-preżenza jew in-nuqqas ta’ dawn il-forom intermedjarji fis-saffi tal-blat.

Fi żmien Darwin ma nstabux

Meta kien ippubblikat The Origins of Species, il-fossili tal-forom intermedjarji kienu għadhom ma nstabux. Laqqmuhom missing links. Darwin jammetti li dan in-nuqqas kien dgħufija prinċipali fit-teorija tiegħu. Iżda dak iż-żmien Darwin kellu skuża raġonevoli minħabba li x-xjenza tal-palentoloġija (l-istudju tal-fossili) kienet għadha fil-bidu tagħha.

Uħud mill-aqwa bijoloġisti ta’ żmienu ma kinux jaqblu miegħu. Kien minħabba d-distinzjoni ċara bejn klassijiet differenti ta’ l-annimali (sew ħajjin kif ukoll estinti) illi Louis Agassiz ikkritika t-teorija ta’ Darwin. Kiteb b’konvinzjoni li fit-tfittxija għall-forom intermedjarji, il-bioloġisti kienu qed jiġru wara fantażma.

Imma forsi sa dak iż-żmien il-kawża kienet għadha miftuħa; il-verdett kellu jistenna x-xhieda tal-palentoloġisti tas-seklu għoxrin. Darwin kien konvint li biż-żmien jinstabu il-missing links. Stqarr ċar u tond li jekk dawn il-fossili intermedjarji jibqgħu ma jinstabux, it-teorija tiegħu tkun f’periklu kbir.

Għadda aktar minn seklu ta’ studju tal-fossili. Illum ħadd ma jista’ jgħid li m’għandniex informazzjoni biżżejjed biex ikollna idea ċara tat-tipi differenti ta’ annimali li kienu jeżistu fil-passat. Qrib 90% tal-vertebrati instabu bħala fossili. “We are now 120 years after Darwin and the knowledge of the fossil record has been greatly expanded. We now have a quarter of a million fossil species” (David M. Raup).

Imma il-messing links instabu? Din hi l-mistoqsija li fuqha sserraħ jew titkisser it-teorija ta’ l-evoluzzjoni.

Il-missing links għadhom missing!

Fis-saffi tal-blat instabu fossili ta’ l-annimali li għadhom jeżistu llum u numru kbir ta’ annimali oħra estinti (l-aktar famużi huma d-dinosawri). Imma hemm fossilli intermedjarji? Hawn hu l-bużillis! Ir-risposta ċara u tonda hi: Le, ma nstabux!

Evidence from fossils now points overwhelmingly away from the classical Darwinism. (Newsweek, Nov.3, 1980).

Jekk tħares sew lejn stampa ta’ siġra ta’ l-evoluzzjoni, tara annimali u pjanti fit-truf tal-friegħi. Iz-zokk ewlieni u l-friegħi suppost huma mimlija bil-forom intermedjarji. Fil-fatt, m’hemm xejn! Għax il-forom intermedjarji baqgħu ma nstabux. Anke il-ftit eżempji ta’ qabel, bħall-evoluzzjoni taż-żiemel, kellhom jiġu esklużi: “Some of the classic cases of darwinian change in the fossil record, such as the evolution of the horse in North America, have had to be discarded” (David Raup).

Isma’ x’jgħidu tnejn mill-aqwa palentoloġisti:

“Despite the bright promise that paleontology provides a means of ‘seeing’ evolution, it has presented some nasty difficulties for evolutionists the most notorious of which is the presence of ‘gaps’ in the fossil record. Evolution requires intermediate forms between species and paleontology does not provide them” (Kitts, D. Evolution, vol.28; Sept.74).

“The known fossil record fails to document a single example of gradual evolution...and hence offers no evidence that (Darwinian evolution) can be valid” (Stanley, S. Macroevolution, Freeman and Co., p.39).

Min jaf jekk it-teorija ta’ Darwin kinitx taqbad art kieku kellhom l-informazzjoni tal-fossili li għandna llum?

Preġudizzju

Għaliex mela, ħafna xjentisti jibqgħu jemmnu fit-teorija ta’ l-evoluzzjoni avolja m’hemmx prova xjentifika? Jekk jammettu li t-teorija ta’ l-evoluzzjoni mhix valida jkollhom jammettu wkoll li m’għandhomx tweġiba naturali għall-oriġni ta’ l-ispeċi differenti ta’ l-annimali. Mill-banda l-oħra, ix-xjentist b’filosofija materjalista (jiġifieri li l-univers materjali hu l-unika realtà) ma jridx u ma jistax jammetti li hemm Alla li ħalaq il-ħlejjaq skond ġenshom sakemm ma jwarrabx il-preġudizzju tiegħu.

< HOME | NEXT >