|
|
Charles Darwin issuġġerixxa li l-ħajja setgħet bdiet f’xi għadira ċkejna u sħuna, meta l-kimiċi weħidhom ifformaw l-ewwel ħaġa ħajja. Għal aktar minn seklu, saru sforzi kbar u studji intensivi minn ħafna xjentisti biex tinkiseb evidenza li l-ħajja setgħet bdiet spontanjament. S’issa għadu ma rnexxilhomx. Saħansitra xjentisti eminenti, bħal Francis Crick (li skopra d-DNA), huma ta’ l-idea li xi ħadd tefa’ ż-żerriegħa tal-ħajja mill-ispazju. Nistgħu qatt inkunu żguri kif bdiet il-ħajja? Ħadd ma kien hemm fil-bidu josserva l-oriġni tagħha. Ħadd...ħlief wieħed, l-Etern. L-Evanġelju jgħallimna li “fil-bidu kienet il-Kelma (il-Mulej)...kollox permezz tiegħu sar, u mingħajru ma saret lanqas ħaġa waħda milli saret. Fih kienet il-ħajja.” Il-ħajja ssib l-oriġni tagħha f’dak li hu ħaj minn dejjem ta’ dejjem. Skond il-ktieb tal-Ġenesi, l-art kienet bla forma fl-ewwel jum tal-ħolqien. Fit-tielet jum Alla ħalaq il-ħaxix u s-siġar. Fil-ħames jum ħalaq il-ħut u l-ħlejjaq tal-baħar, ħlejjaq li jitkaxkru, u t-tjur ta’ l-ajru. Fis-sitt jum, l-annimali ta’ l-art, u fuq kollox il-bniedem. “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem bit-trab ta’ l-art, u nefaħ f’imnifsejh nifs il-ħajja: u l-bniedem sar ruħ ħajja.” Hekk mela, l-ewwel ħalaq it-tafal u mbagħad il-fuħħari tas-sengħa sawwar diversi kreaturi ħajjin. Il-bijoloġija turi għerf il-Ħallieq Il-ħlejjaq ħajjin juruna kemm hu għaref dak li għamilhom bħalma pittura sabiħa turina l-kapaċità tal-pittur. Mhux diffiċli wisq għalina nagħrfu jekk oġġett ifformax b’kumbinazzjoni bil-forzi naturali (bħax-xita, ir-riħ, il-baħar, eċċ.) jew jekk kienx maħdum bis-sengħa tal-bniedem. Biċċa tafal u vażun taċ-ċeramika jikkonsistu mill-istess sustanza. Madankollu, il-biċċa tafal m’għandhiex sura partikolari, filwaqt li s-sura artistika tal-vażun turi s-sengħa ta’ min ħadmu. Hekk ukoll, il-Mona Lisa u tiċpisa fuq tila, it-tnejn huma żebgħa. Madankollu huwa faċli nagħżlu liema waħda hi prodott tal-ġenju artistiku uman. Bl-istess mod, jekk inħarsu lejn il-ħlejjaq ħajjin, malajr nibdew napprezzaw l-għerf infinit ta’ min għamilhom. Ħu l-għajn umana bħala eżempju. L-għajn tixbaħ kamera tar-ritratti -- anzi hi ferm aktar komplessa. Il-lenti tiffoka fuq oġġetti l-bogħod jew fil-qrib. L-iris tikber jew tiċkien biex tikkontrolla kemm jidħol dawl. Ir-retina tibgħat sinjali elettriċi lejn il-moħħ li kapaċi jinterpreta u “jara” l-immaġini. Bħalma kamera kienet maħsuba u ddisinjata biex twettaq għan partikolari, hekk ukoll l-għajn turi l-ħsieb ta’ min għamilha. L-ebda proċess naturali, mingħajr informazzjoni, ma jista’ joħloq organu daqshekk kompless. Darwin jammetti: “To suppose that the eye with all its inimitable contrivances for adjusting the focus to different distances, for admitting different amounts of light, and for the correction of spherical and chromatic aberrations, could have been formed by natural selection, seems, I freely confess, absurd in the highest degree.” Għandu elf raġun. Iċ-ċellola Fl-aħħar 25 sena, permezz ta’ l-electron microscope, u l-aktar il-biochemistry, skoprejna d-disinn fantastiku tal-ħajja. Ejja nagħtu titwila lejn ċellola ħajja. In-nucleus nxebbħuh ma’ librerija ta’ informazzjoni. Fih il-librara li jżommu l-kotba fl-ordni u jikkoreġu l-iżbalji fil-kitba. Fih ukoll stamperija biex jiġu stampati kopji ġodda tal-kotba. L-informazzjoni hi meħtieġa f’post ieħor msejjaħ cytoplasm. Biċċiet ta’ informazzjoni huma ikkopjati, u meħuda fis-cytoplasm minn messaġġiera fil-post eżatt fejn huma meħtieġa. Hemmhekk magni speċjali jaqraw u jittraduċu l-informazzjoni biex jinbeda makkinarju ġdid għaċ-ċellola jew biex tiġi prodotta xi sustanza partikolari. Iċ-ċellola għandha sistema komplessa biex tikkontrolla d-dħul u l-ħruġ ta’ sustanzi mill-ambjent madwara, ngħidu aħna l-ammont ta’ melħ jew żokkor. Pompi ta’ l-elettriku jitfgħu l-melħ ’il barra u jdaħħlu ż-żokkor ’il ġewwa. It-trasport fiċ-ċellola huwa kontrollat, bħal sistema komplessa tal-karozzi tal-linja, biex kull sustanza partikolari tiġi trasportata lejn postha. Hemm ukoll generators li jaħarqu l-fuel biex jipproduċu l-enerġija għal mijiet ta’ magni differenti. Il-generators huma effiċjenti ħafna, u jżidu jew inqassu l-produzzjoni ta’ l-enerġija skond il-bżonn. Iċ-ċellola għandha sistema ta’ komunikazzjoni ma’ ċelloli oħra. Meta tirċievi messaġġ, taqrah, u tirrispondi skond il-messaġġ, ngħidu aħna biex żżid jew tnaqqas il-produzzjoni. Dawn il-proċessi kollha joħolqu ħafna imbarazz u ħsara fil-magni. Għalhekk hemm sistemi biex jitneħħew magni difettużi u jinżamm il-post pulit. Meta iż-żmien jagħmel tiegħu u ċ-ċellola teqdiem u ma tibqax tiffunzjona tajjeb, iċ-ċellola tinduna, u tiddestruġġi lilha nnifisha awtomatikament. Jew jekk ikun il-bżonn iċ-ċellola tagħmel xi ħaġa li ebda makkinarju ivvintant mill-bniedem mhu kapaċi jagħmel: il-ċellola tagħmel kopja tal-librerija u tal-maġni u tinqasam fi tnejn. U dan kollu jseħħ f’ċellola ċkejkna daqs wieħed minn ħamsin ta’ millimetru! Dik hi ċ-ċellola ħajja. X’taħseb? Hemm evidenza ta’ disinn u intelliġenza? Ma tkunx konkużjoni loġika jekk tafferma li l-ħajja kienet maħsuba u maħluqa minn xi ħadd b’intelliġenza kbira? Iva, dak li niskopru fil-ħolqien jaqbel perfettament ma’ dak li tgħallimna l-Iskrittura: il-ħajja kienet maħluqa minn Ħallieq għaref u intelliġenti. L-istorja tax-xjenza B’dispjaċir inżid ngħid li mhux kulħadd jara l-ovvju. Steven Weinberg, xjentist prominenti, jesprimi l-opinjoni ta’ ħafna minn sħabu: “M’hemmx evidenza ta’ disinn fl-oriġni tal-ħajja.” Stqarrija bħal dik tissorprendini. X’evidenza aktar irid?! Storikament, il-bniedem spekula dwar l-oriġni tal-ħajja. Fil-qedem kienu jaħsbu li l-ħajja tiġġenera spontanjament minn ħwejjeġ bla ħajja. L-Eġizzjani kienu jaħsbu li s-sriep joriġinaw mit-tajn; il-Ġrieġi, li l-ġrieden jiġu miż-żibel. Sas-seklu tmintax ix-xjentisti kienu għadhom jemmnu li l-mikrobi jiġġeneraw ruħhom spontanjament. Louis Pasteur wera darba għal dejjem li l-mikrobi jiġu minn mikrobi oħra. L-idea ta’ ġenerazzjoni spontanja ntesiet. Huwa ovvju għal kull bijoloġista li l-ħajja dejjem tiġi mill-ħajja. Issa l-ħajja ma kinitx fid-dinja minn dejjem. Xi darba bdiet. Kuntrarju għal dak kollu li nosservaw, ħafna xjentisti jemmnu li l-ħajja bdiet spontanjament, weħidha. X’fidi għamja! Erġajna lura għall-mitoloġija ta’ żmien l-Eġizzjani u l-Griegi. Kemm hu aktar sensibbli temmen f’Alla ħaj u għaref li sawwar il-ħlejjaq ħajjin. Imma min ma jridx jemmen f’Alla ma tikkonvinċih b’xejn. Ix-xjenza llum hi dominata minn filosofija msejħa “naturaliżmu” - in-natura biss teżisti, m’hemmx skop, direzzjoni jew kawża ħlief il-forzi għomja tal-fiżika u l-kimika. Ladarba lanqas biss jikkonsidraw il-possibiltà li hemm Alla, ovvjament ma jistgħu jaslu qatt biex jaraw evidenza favur l-eżistenza tiegħu. Xi ħadd li jagħlaq għajnejh it-tnejn ma jarax id-dija tax-xemx, avolja jħares direttament lejha. “M’hemmx xemx!” jikkonkludi. X’kumbinazzjoni! Ix-xjentisti pagani għandhom problema kbira: jekk il-ħajja ma kinitx iddisinjata, kif ġiet weħidha? “Mill-ispazju!” xi wħud iwieġbu bis-serjetà kollha. Imma tweġiba bħal dik sempliċement twaddab il-problema fuq pjaneta oħra u fi żmien ieħor. Oħrajn jgħidu, “Permezz ta’ forzi naturali li għadna ma skoprejniex.” Imma jekk għadna ma skoprejnihomx, għaliex dawn l-ideat jidhru fil-kotba tax-xjenza mgħallma lill-istudenti tagħna? Ix-xjenza suppost tagħti spjegazzjoni skond il-liġijiet tan-natura li nafu, mhux li ma nafux. Fl-1953, Stanley Miller irnexxielu jipproduċi amino acids billi għaddha kurrent elettriku ġo taħlita ta’ gassijiet. X’ifisser dan? Meta kont l-iskola qalulna: “Nissoponu li dawk il-gassijiet jixbħu l-atmosfera tad-dinja miljuni ta’ snin ilu. Is-sajjetti u r-raġġi tax-xemx fformaw taħlita ta’ ingredjenti differenti, fosthom sustanzi bħal amino acids u nucleic acids li nsibu fi ħwejjeġ ħajjin. Jekk jgħaddi biżżejjed żmien, dawn l-ingredjenti differenti jistgħu jingħaqdu flimkien u jifformaw ċellola ħajja.” Idea bħal din tinstema’ fantastika u inkredibbli. Pittura teħtieġ xi ħaġa aktar minn żebgħa u tila; statwa teħtieġ xi ħaġa aktar minn irħama u skarpell; u dar teħtieġ xi ħaġa iżjed minn ġebel u konkos. M’hemmx pittura, skultura jew dar mingħajr artist, skultur jew bennej. Imma l-argument fil-ktieb tax-xjenza jkompli: “Immaġina borża mimlija boċċi, u fuq kull boċċa hemm ittra miktuba. Jekk intellgħu boċċa waħda wara l-oħra (bħat-tombla) nistennew li jitilgħu taħlita ta’ ittri bl-addoċċ, ngħidu aħna: jwkllzmio ssfeayou eieiozlqeqfafezc ejura Kif nistgħu nissoponu, l-ittri mqegħdin flimkien bl-addoċċ ma jagħmlux sens. Ninnotaw li kultant tinzerta kelma ċkejkna bis-sens. Fl-eżempju t’hawn fuq inzertat il-kelma you. Wara ħafna żmien jinzertaw żewġ kelmiet, u jekk tagħti biżżejjed żmien, sentenza sħiħa. U tibqa’ sejjer hekk. Kulma hemm bżonn żmien twil biżżejjed.” Ma niddubitawx li kultant u b’kumbinazzjoni tifforma xi kelma bis-sens. Imma x’inhu ċ-ċans li tifforma sentenza sħiħa bla żball? X’inhu ċ-ċans li jifforma paragrafu sħiħ? Kaptitlu sħiħ? Ktieb sħih? Forsi twieġeb: “Imma, jekk tagħti biżżejjed ħin, kollox hu possibbli.” Le, ma naħsibx, għal diversi ragunijiet: Ħadd m’għandu kampjun ta’ l-atmosfera tad-dinja ta’ daqstant miljuni ta’ snin ilu. Stanley Miller ma rnexxilux jipproduċi l-ingedjenti kollha. Ma tistax tikteb dramm ta’ Shakespeare jekk għandek nofs tużżana ittri ta’ l-alfabet nieqsa. Lanqas jekk iddum għall-eternità! Mhux biss, minbarra l-kimiċi neċessarji jifformaw ukoll kimiċi valenużi. Jekk b’kumbinazzjoni tifforma kelma jew tnejn bis-sens, tinqered ħin bla waqt. Lanqas għandna żmien kemm irridu. Ix-xjentisti jammettu li ż-żmien hu limitat għal anqas minn 200 miljun sena. Ħalli nassumu li m’hemmx ittri neqsin. Nassumu wkoll li m’hemmx valeni li jeqirdu kull ittra tajba li tifforma. Kemm irid jgħaddi żmien biex b’kumbinazzjoni tinzerta l-ewwel sentenza ta’ Salm 23: THE LORD IS MY SHEPHERD, I SHALL NOT WANT Jekk wieħed jagħmel il-kalkoli jsib li hu meħtieġ bejn wieħed u ieħor 10 x 101016 sena (in-numru wieħed u aktar minn elf żero warajh)! B’kuntrast ix-xjentisti jemmnu li d-dinja ilha teżisti 5 biljun sena biss (in-numru ħamsa u disa’ żero warajh). Aħseb u ara biex jifforma mikrobu li fih informazzjoni biex timla mijiet ta’ paġni tal-Enċiklopedija Brittanica! Minkejja dan, ħafna xjentisti jkomplu jemmnu u jgħallmu li l-ħajja oriġinat weħidha u spontanjament. Jemmnu hekk b’fidi għamja, kontra l-fatti u r-riċerka xjentifika, kontra l-probabbiltà matematika u kontra s-sens komun. Sir Fred Hoyle ikkalkola ċ-ċans li l-ħajja tiżviluppa spontanjament mingħajr disinn u intelliġenza hu daqs kemm kieku jgħaddi riefnu minn miżbla u jibni Jumbo Jet! L-arluġġar għami Fl-1986 ħareġ ktieb intitolat “The Blind Watchmaker” miktub mill-evoluzzjonista Richard Dawkins. Dan il-ktieb hu tweġiba għal ktieb ieħor, “Natural Theology” miktub 150 sena qabel minn William Paley. Paley irraġuna li bħalma arloġġ jeħtieġ arluġġar biex jagħmlu, hekk ukoll id-disinn u l-iskop tal-ħlejjaq ħajjin juru l-eżistenza ta’ Ħallieq għaref. Dawkins jammetti li “l-arloġġ” (jiġifieri l-univers) jeħtieġ “arluġġar” imma jsostni li huwa għami, bla intelliġenza u bla skop. Dan l-arluġġar hu “l-għażla naturali” ta’ Darwin. “Natural selection, the blind, unconscious, automatic process which Darwin discovered...is the explanation for the existence and apparently purposeful form of all life . . . it has no mind.” Skond Dawkins arluġġar bla moħħ għamel lilna b’moħħ jaħseb u jirraġuna! Sadattant kittieb ieħor, il-professur tal-biokimika Michael Behe, ippubblika ktieb ieħor: “Darwin’s Black Box.” Fih jispjega il-funżjoni fenomenali taċ-ċellola u juri b’mod konvinċenti li l-għażla naturali ma tistax tipproduċi makkinarju daqshekk kompless. Il-ħajja kienet iddisinjata minn intelliġenza. Aqra’ lil Dawkins u lil Behe flimkien. Aħseb, iżen sew, u ara min għandu raġun! Ħajja fil-laboratorju S’issa x-xjentisti ma rnexxilhomx jipproduċi xi ħaġa ħajja. Bit-teknoloġija u l-għerf tax-xjenza moderna ma jidhirx li dan hu possibbli għalissa. Imma ejja ngħidu li grupp ta’ xjentisti għorrief, wara li jqattgħu ħafna snin jaħdmu f’laboratorji mgħammra bl-aktar apparat sofistikat jirnexxilhom jibnu ċellola ħajja. Ma jkunux taw prova li m’hemmx bżonn Ħallieq intelliġenti biex tinħoloq il-ħajja? Pjuttost il-kontra. L-għażla hi bejn oriġni spontanja, mingħajr disinn jew intelliġenza u oriġni minn Ħallieq intelliġenti. L-istess għerf u ħidma sfiqa tax-xjentisti bravi jagħtu xhieda favur il-ħtieġa ta’ disinn u intelliġenza biex tinħoloq il-ħajja. S.E.T.I. L-aġenżija spazjali Amerikana nefqet miljuni ta’ dollari biex tiskopri evidenza ta’ intelliġenza fl-ispazju. Il-proġett jismu SETI: Search for Extra-Terrestrial Intelligence. Jemmnu li l-ħajja tevolvi kulfejn hemm pjaneti b’kundizzjonijiet favorevoli. Peress li hemm biljuni ta’ biljuni ta’ stilel huwa probabbli li hemm ukoll ħafna pjaneti b’kundizzjonijiet jixbħu lid-dinja tagħna. Naturalment mhux possibbli nilħqu l-istilel ta’ madwarna imma hemm mezz ieħor biex nagħrfu jekk hemmx ħajja f’partijiet oħra ta’ l-univers. Nistgħu niskopru sinjali ta’ intelliġenza minn kwiekeb ‘il bogħod bħalma nirċievu informazzjoni d-dar f’forma ta’ radio waves. Jekk jeżistu l-ET’s għandu mnejn naqbdu messaġġi bir-radio waves (jew radjazzjoni oħra). Is-SETI mmiraw il-widnejn elettroniċi tagħhom lejn is-sema, u qegħdin jisimgħu... Iżda kif inkunu nafu jekk ir-radio waves oriġinawx minn xi ċiviltà jew inkella minn proċessi naturali? Hemm kwiekeb li jipproduċu ħafna raġġi tar-radju bħalma x-xemx tipproduċI r-raġġi tad-dawl. Kif nistgħu nagħrfu messaġġi intelliġenti? Proċessi naturali jipproduċu ċertu pattern ta’ ħsejjes, storbju bla sens. Imma jekk il-messaġġ ikun regolari u f’forma ta’ code nistgħu nibqgħu żguri li qed nikkomunikaw ma’ intelliġenza oħra! S’issa ma semgħux messaġġi bħal dawn. Imma jidher ċar li SETI jaħdem fuq prinċipju sempliċi: informazzjoni f’forma ta’ code hi prova ta’ sors intelliġenti. Bl-istess prinċipju, x’nikkonkludu jekk inħarsu lejna nfusna? Kull ċellola fiha informazzjoni f’forma ta’ code ġenetiku biżżejjed biex timla elf kopja ta’ ktieb ta’ ħames mitt paġna l-wieħed! X’evidenza aktar neħtieġu biex nemmnu f’Ħallieq intelliġenti?! “Infaħħrek; għax tal-biża’ u ta’ l-għaġeb jien magħmul; ta’ l-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek; u dan ruħi tafu tajjeb” (Salm 139). |