|
|
“Il-Kristjaneżmu hu - u għandu jkun - impenjat bi sħiħ favur il-ħolqien kif deskritt fil-Ġenesi. Il-Kristjaneżmu messu jiġġieled b’saħħtu kollha kontra t-teorija ta’ l-evoluzzjoni. Jidher ċar li l-iskop għall-ħajja u l-mewt ta’ Ġesù tiddependi fuq l-eżistenza ta’ Adam u l-frotta projbita li hu u Eva kielu. Mingħajr id-dnub oriġinali, min għandu bżonn il-fidwa? Mingħajr il-Waqgħa t’Adam f’ħajja ta’ dnub li tintemm bil-mewt, x’għan jibqa’ għall-Kristjaneżmu? Xejn!” Dan il-kliem ma kitbux xi teologu Kristjan iżda ix-xjentist atew, Richard Bozarth. Għalkemm ma jemminx f’Alla, Bozarth jifhem tajjeb l-importanza tal-kwistjoni dwar l-oriġni. Il-Kristjani jemmnu, iżda sfortunatament mhux kollha japprezzaw li l-Ġenesi (“il-bidu”) hu l-pedament tal-fidi tagħna. X’inhi l-verità: l-univers, il-ħajja u l-bniedem huwa l-frott ta’ l-evoluzzjoni jew xogħol idejn il-Ħallieq? Il-mistoqsija dwar l-oriġni titfa’ dawl fuq it-tifsira u l-għan ta’ l-eżistenza umana. L-evoluzzjoni tagħti tweġiba mod; l-Iskrittura tagħti tweġiba mod ieħor. Tagħmel differenza kbira jekk l-antenati tagħna kinux xadini jew jekk kinux maħluqa fuq xbieħa t’Alla. Qiegħdin nogħlew u nitjiebu bi proċess evoluzzjonarju fuq medda ta’ miljuni ta’ snin, jew konna maħluqin perfetti u waqajna mill-istat tajjeb tal-bidu u allura neħtieġu l-ħelsien u l-fidwa mingġand Alla? X’nafu dwar il-bidu ta’ l-univers? Kif bdiet il-ħajja? Min fejn ġiet il-varjetà kbira ta’ annimali u pjanti li jgħixu fuq wiċċ id-dinja? Fuq kollox x’inhu l-oriġni tagħna l-bnedmin? Dawn l-artikli jservu ta’ introduzzjoni għall-argumenti xjentifiċi u bibliċi kontra l-evoluzzjoni u favur il-ħolqien minn Alla. Tagħmel sew jekk tiċċekkja l-pedament filosofiku li fuqu qed tibni ħajtek. Dak li temmen dwar l-oriġni jiddetermina sew imġiebtek fil-preżent kif ukoll id-destin tiegħek. Jekk tibni darek fuq il-blat tibqa’ wieqfa f’jum tal-prova; jekk tibni fuq ir-ramel, illum jew għada darek taqa’ u ssir ħerba. Fidi jew xjenza? Fid-dibattitu bejn l-evoluzzjoni u l-ħolqien m’aħniex inqabblu ix-xjenza mal-fidi; iżda twemmin ma’ twemmin ieħor. Meta tifliha, issib li t-teorija ta’ l-evoluzzjoni hi twemmin dwar il-passat li qatt ma jista’ jiġi provat xjentifikament. It-tagħrif tax-xjenza huwa limitat, speċjalment dwar avvenimenti li ġraw fil-passat u allura ma jistgħux ikunu osservati jew ripetuti fil-laboratorju. Ix-xjenza ma tistax tagħti prova xjentifika ta’ l-Assedju l-Kbir tal-1565. Nafu x’ġara, mhux mix-xjenza, iżda minn dokumentazzjoni ta’ xhieda li kienu preżenti dak iż-żmien. Kif mela jippretendu li f’isem ix-xjenza jagħtu prova ta’ avvenimenti storiċi u uniċi bħall-oriġni tal-univers, il-ħajja u l-bniedem? Għal din ir-raġuni, il-filosfu tax-xjenza, Sir Karl Popper, wera dubbju jekk it-teorija ta’ l-evoluzzjoni tistax tiġi klassifikata bħala teorija xjentifika. It-tieni, peress li x-xjenza hi limitata għall-istudju ta’ fenomeni fiżiċi, inkunu preġudikati jekk nassumu mill-bidu li r-realtà kollha hi magħluqa fl-isfera fiżika. Ma nkunux onesti magġna nfusna jekk neskludu ‘l Alla minn moġġna. Jekk nagħmlu hekk żgur qatt ma nammettu li Alla ħalaq kollox. Per eżempju, x’nistgħu ngħidu fuq il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt? Jekk ninvestigaw ix-xhieda storika naslu għall żewġ konklużżjonijiet: a) Dan l-avveniment ta’ l-għageb ġara tassew; b) Dan l-avveniment m’għandux spjegazzjoni naturali. Issib nies li jinnegaw l-qawmien mill-mewt tal-Mulej. Mhux għax m’hemmx evidenza storika, iżda għax telqu minn preġudizzju ateista. Jekk m’hemmx Alla, m’hemm xejn ħlief in-natura, u jekk skond il-liġijiet naturali l-mejtin ma jqumux, mela impossibbli li Kristu rxoxta. Dan hu raġunament loġiku, iżda żbaljat, għax iserraħ fuq premessa falza. Bl-istess mod, jekk ix-xjenza tinbena fuq filosofija materjalista (jiġifieri r-realtà tikkonsisti biss minn sustanza u forzi materjali), ma tista’ tasal qatt għall-konklużjoni favur il-ħolqien minn Alla. Minħabba l-preġudizzju materjalista, bis-sewwa jew bid-dnewwa, ‘ix-xjenza’ jkollha tagħti tifsira naturali għall-oriġni ta’ l-univers, il-ħajja u l-bniedem, anke jekk fil-fatt kellhom kawża sopranaturali u jekk l-evidenza turi direzzjoni oħra. Fis-sensiela televiżiva “Cosmos,” Carl Sagan jistqarr: “The Cosmos is all that is or ever was or ever will be.” Carl Sagan hu xjentist, imma wieħed malajr jintebaħ li l-istqarrija tiegħu hi filosofika u mhux xjentifika. B’liema esperimentazzjoni wasal għal konklużjoni bħal din? Forsi dar kull rokna ta’ l-univers? Jew vjaġġa lura u ‘l quddiem fiż-żmien? Kif mela jista’ jiddikkjara li m’hemm xejn għajr l-univers materjali? Kultant tiltaqa’ ma kitbiet ta’ evoluzzjonisti aktar onesti. Il-professur L.T. More kiteb li aktar ma wieħed jistudja l-fossili, aktar jikkonvinċi ruhu li l-evoluzzjoni hi msejsa fuq il-fidi biss. Il-Professur D.M. Watson, li huwa wkoll evoluzzjonista famuż, darba stqarr li t-teorija ta’ l-evoluzzjoni hi aċċettata “not becase it has been observed to occur or can be proved by logically coherent evidence to be true, but because the only alternative -- special creation -- is clearly incredible.” Fi kliem ieħor, ladarba ma’ jemminx f’Alla l-Ħallieq, ma jibqa’ ebda alternattiva oħra ħlief li jemmen l-evoluzzjoni, avolja l-evoluzzjoni mhix provata mill-evidenza u l-osservazzjoni. L-evoluzzjoni u l-ħolqien huma żewġ sistemi ta’ twemmin dwar il-passat. Nistgħu biss nosservaw u nistudjaw in-natura madwarna u naraw il-fatti ma’ liema sistema jaqblu l-aħjar. Kif oriġina l-univers? Din hi mistoqsija fundamentali. Il-filosfu u tfajjel ċkejken it-tnejn jinteressahom il-bidu ta’ kollox. Il-fidi Kristjana tibda b’affermazzjoni li Alla huwa l-Awtur u l-Ħallieq ta’ kollox: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art” (Ġenesi 1:1).
Il-Kristjan jemmen dawn il-fatti dwar l-oriġni għax jafda l-Kelma t’Alla miktuba, l-Iskrittura Mqaddsa. Imma forsi xi ħadd joġġezzjona: kif taf li l-Bibbja hi l-kelma t’Alla, u fuq kollox, kif taf li hemm Alla? Il-Bibbja ma tinħeliex fl-argumentazzjoni komplessa li l-ilma jxarrab, jew in-nar jaħraq, jew li l-bniedem jeżisti. Wisq anqas tintilef f’argumenti favur l-eżistenza t’Alla. Tista’ timmaġina l-awtur ta’ ktieb jikteb l-ewwel kapitlu biex jagħti prova li hu jeżisti? Jew li bennej ta’ dar jargumenta fit-tul li dar teħtieġ bennej? Kemm anqas l-Awtur tal-Bibbja, l-istess arkitett u bennej tal-ħolqien! Il-Bibbja ma tibdiex b’lista ta’ provi favur l-eżistenza t’Alla. Tibda b’dak li kien fil-bidu, “fil-bidu Alla,” il-kawża ta’ l-eżistenza tal-ħolqien kollu. X’irreverenza u bluha meta l-ħlejqa, minflok tistaqsi “Min ħalaqni?” tistaqsi jekk hemmx Ħallieq! Xejn ma nsibha bi kbira nemmen f’Alla. Infatti ma niftakarx żmien meta ma kontx nemmen fih. Il-ħolqien jagħti xhieda tiegħu: “Is-smewwiet ixandru l-glorja t’Alla; u l-firxa tas-sema turi għemil idejh.” Is-setgħa eterna t’Alla tidher ċar mill-ħwejjeġ maħluqa u għalhekk l-atew m’għandux skuża. Il-Big Bang! Ħafna għandhom l-impressjoni li x-xjenza tat tweġiba sodisfaċenti ta’ l-oriġni ta’ l-univers mingħajr il-ħtieġa ta’ Ħallieq. Ma ngħidux aktar, “Fil-bidu Alla.” Illum tgħallimna ngħidu, “Fil-bidu l-big bang.” Din t-teorija tipproponi li xi 12-il biljun sena ilu, il-materja kollha ta’ l-univers kienet miġbura f’reġjun iżgħar minn ċenteżmu. Beda jespandi u jibred, u fuq perjodu ta’ biljuni ta’ snin evolvew il-kwiekeb u l-galassji u saħansitra l-ħajja. Din it-teorija mhix l-unika teorija xjentifika dwar l-oriġni ta’ l-univers. Tajjeb li nżonnu żewġ punti quddiemna: 1. Il-Big Bang mhix teorija provata Fil-kotba u dokumentarji popolari, il-Big Bang hi preżentata bħala fatt stabbilit. Ngħidu aħna fir-revista Scientific American naqraw: ‘At present, there are no fundamental challenges to the big bang theory’ u jammetti biss li ‘there are certainly unresolved issues within the theory itself.’ (Scientific American, 9:1, Spring 98). Ironikament f’artiklu ieħor fl-istess revista, Anrei Linde isemmi sitt problemi fundamentali għat-teorija tal-big bang, u jistqarr: “...we may soon be saying good-bye to the idea that our universe was a single fireball created in the big bang.” 2. Il-Big Bang ma tweġibx il-mistoqsija fundamentali ta’ l-origini It-teorija tal-Big Bang twaddab lura l-mistoqsija ta’ l-oriġni ta’ l-univers għal diversi biljuni ta’ snin. Iżda tibqa’ ma tweġibx kif l-ewwel “oġġett” beda, jew jekk kienx jeżisti minn dejjem, jew jekk kienx hemm xi ħaġa qablu. Ix-xjentisti jammettu li dawn il-mistoqsijiet m’humiex suġġetti għall-prova xjentifika: “The first, and main, problem is the very existence of the big bang. One may wonder, What came before? If space-time did not exist then, how could everything appear from nothing?...explaining this initial singularity -- where and when it all begun - still remains the most intractable problem of modern cosmology” (Scientific American, 9:1, Spring 98). Where and when it all begun? Ix-xjenza tħallina mingħajr risposta; il-Kelma t’Alla twieġeb, “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art.” Żewġ liġijiet ewlenin Ġenesi jaqbel perfettament mal-prinċipji ewlenin tal-fiżika, magħrufa bħala l-Ewwel u t-Tieni Liġi tat-Termodinamika. L-istess liġijiet iħabbtu sew it-teorija ta’ l-evoluzzjoni. L-Ewwel Liġi. L-enerġija (u l-materja) fl-univers la qiegħda tiżdied u lanqas tonqos. Ma nafu bl-ebda proċess li joħloq jew jeqred l-enerġija jew il-materja (fil-fiżika l-enerġija u l-materja huma ekwivalenti). Jiġri biss trasformazzjoni ta’ tip ta’ enerġija f’tip oħra. Ngħidu aħna, meta tqabbdad l-cooker, l-enerġija kimika tal-butane tinbidel f’enerġija ta’ sħana u dawl. L-enerġija tieħu forma oħra, iżda l-ammont totali jibqa’ daqs kemm kien fil-bidu. Bl-istess mod, meta jaqbad, il-butane ma jispiċċax iżda sempliċement jinbidel f’gassijiet oħra. Mela, ix-xjenza tgħallem li:
Kif mela jeżisti l-univers? Jista’ x-xejn joħloq kollox? Ix-xjenza m’għandiex spjegazzjoni naturali għall-oriġni ta’ l-enerġija/materja. Ma nafu b’ebda proċess naturali ta’ ħolqien ta’ enerġija jew materja. Iżda ladarba l-univers jeżisti, u m’hemm l-ebda proċess naturali ta’ holqien, ikollna nikkonkludu li l-univers beda b’xi kawża mhix naturali. Fi kliem ieħor, l-univers beda b’qawwa sopranaturali. “Fil-bidu Alla ħalaq” hi tweġiba konsistenti max-xjenza. Barra minn hekk l-Iskrittura żżid li Alla waqaf mix-xogħol tal-ħolqien. “Fis-seba’ jum Alla temm xogħlu li kien għamel” (Ġenesi 2:2).Għalhekk illum ma nosservawx il-ħolqien ta’ materja u enerġija ġdida. Meta naqraw l-ewwel kapitli tal-Ġenesi jiġuna salt mistoqsijiet f’moħħna: Kif jista’ jkun li d-dinja, x-xemx u l-kwiekeb inħalqu fi ftit ġranet? Kif jistgħu l-pjanti jikbru f’jum wieħed ladarba s-siġar jieħdu snin sħaħ biex jikbru? Kif jista’ jkun li l-art infirdet mill-baħar f’jum wieħed? L-annimali kif inħolqu f’jum wieħed meta s-soltu jdumu snin biex jimmaturaw? Irridu nżommu quddiem għajnejna li Alla ma ħalaqx bl-istess proċessi kif nosservaw illum. Alla ma ħalaqx il-pjanti u l-annimali bit-tnissil kif iseħħ illum. Alla ħalaqhom direttament bil-qawwa tiegħu bi proċess għalkollox differenti u li issa m’għadux jopera iżjed. Il-Mulej Ġesù jagħtina ħjiel tal-qawwa t’Alla fil-ħolqien bil-mirakli li wettaq. Bil-kelma setgħana tiegħu l-Mulej biddel l-ilma f’inbid (mingħajr il-proċess ta’ tkabbir ta’ għeneb, għasir u fermentazzjoni); immultiplika il-ħobż (mingħajr tkabbir ta’ qamħ, għaġna ta’ dqiq jew tisjir) u l-ħut (mingħajr ma għamu fil-baħar jew kibru). It-Tieni Liġi. Din il-liġi hi problema enormi għat-teorija ta’ l-evoluzzjoni. Ilkoll nafu li l-ħwejjeġ weħidhom ma jmorrux għall-aħjar. Kollox jiqdiem, jissaddad, jinkiser, jixjieħ jew jitħassar. Kull min għandu karozza jaf sew xi tfisser is-Second Law of Thermodynamics! Madankollu l-evoluzzjoni tipproponi li l-affarijiet imorru għall-aħjar weħidhom, li d-diżordni jinbidel f’ordni, mingħajr il-ħidma intelliġenti tal-Ħallieq. Meta nitlaq tazza tal-ħġieġ fl-art, taqa’ u titfarrak. Jekk naqbad il-biċċiet u nerġa’ nitfagħhom fl-art ma jerġgħux jifformaw it-tazza kif kienet! Kif jista’ mela jiżdied l-ordni waħdu (evoluzzjoni) meta kull osservazzjoni xjentifika turi l-kontra? It-tagħlim tal-Bibbja jaqbel mat-Tieni Liġi. Fil-bidu “l-art kienet bla forma” u l-Imgħallem ħadem sakemm ra li kulma għamel kien “tajjeb wisq.” Imma issa kollox qed jeqdiem. “Int Mulej, fil-bidu qegħidt is-sisien ta’ l-art, u xogħol idejk huma s-smewwiet. Huma jintemmu imma inti tibqa’, kollhom jiqdiemu...u jitbiddlu, iżda int tibqa’ l-istess” (Lhud 1:10,11). Jeffrey Dahmer Avolja jinjora ’l Alla, il-bniedem ikollu jibqa’ jgħix fil-preżenza kontinwa ta’ żewġ xhieda: il-ħolqien u l-kuxjenza, il-kwiekeb minn fuq u l-vuċi minn ġew. It-tnejn jixhdu favur il-glorja t’Alla, il-Ħallieq u s-Sid ta’ kollox. Jekk ifittex rifuġju fix-xjenza, xorta waħda ma jsibx mistrieħ. “The big bang cosmology implies that life is possible only for a bounded span of time: the universe was too hot in the distant past, and it has limited resources for the future...Thirty billion years from now, galaxies will be much darker and filled with dead and dying stars” (Scientific American; 9,1; Spring 1998). Ix-xjenza tgħallimna li l-univers jixbaħ xemgħa tixgħel. Qiegħed jinħela u ma jistax jibqa’ għal dejjem. Għall-atew, il-kelma “għan” ma tagħmilx sens. Kollox jispiċċa. Hu wkoll jintemm. Meta l-bniedem jelimina ’l Alla minn ħsibijietu, jelimina għalih nnifsu kull tama u kull skop għall-ħajja. Il-Kristjan japrezza l-grazzja mogħtija lilu biex jagħraf il-Ħallieq. Ma jixba’ qatt jirringrazzjah u jqimu. “Int jistħoqqlok, o Mulej, li tilqa’ glorja u ġieħ u setgħa: għax int ħlaqt kollox, u bir-rieda tiegħek saru u nħolqu” (Rivelazzjoni 4:11). Jeffrey Dahmer qatel diversi persuni. Ftit qabel ingħata l-forka, Jeffrey stqarr publikament: “Jekk wieħed ma jaħsibx li hemm Alla li trid tagħtih kont, xi skop hemm tibdel l-imġieba tiegħek biex taqbel ma’ ċerti normi? Ta’ l-anqas hekk kont naħseb. Dejjem emmint it-teorija ta’ l-evoluzzjoni bħala verità, li lkoll ġejna miż-żlieġ. Meta mmutu, taf int, dak kollox, mhemm xejn iżjed. Issa sirt nemmen li l-Mulej Ġesù Kristu hu Alla veru, u nemmen li jien, u kull bniedem ieħor, għad jagħtih kont tiegħu nnifsu.” Inżid kelma waħda mill-Iskrittura: Il-Mulej Ġesù Kristu “kien fid-dinja, u d-dinja saret bih, u d-dinja m’għarfitux. Ġie fi ħwejġu, u niesu ma’ laqgħuhx. Iżda lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, lil dawk li jemmnu f’ismu” (Ġwanni 1:10-12). |