Fuqhom Zernaq id-Dawl

Ktieb kontroversjali, izda miktub b'imhabba. Jezamina taghlim ewlieni tal-Knisja Kattolika fid-dawl ta' l-Iskrittura. L-iskop mhux li jeqred, imma li jsaffi u jqawwi l-fidi!

Werrej

  1. X’jiswielu l-Bniedem?
  2. Kelmtek hi l-Verità
  3. Il-Knisja Mibnija fuq Kristu
  4. Quddiem it-Tribunal t’Alla
  5. Il-Maħfra tad-Dnubiet
  6. Ġustifikati bil-Fidi
  7. Il-Purgatorju
  8. Sagrifiċċju Darba għal Dejjem
  9. Agħmlu Dan b’Tifkira Tiegħi
  10. Is-Saċerdot
  11. Ruħi Tfaħħar il-Kobor tal-Mulej
  12. Medjatur Wieħed
  13. Is-Salvazzjoni
  14. Jien Hu it-Triq!

1. X’Jiswielu l-Bniedem?

“X’jiswielu l-bniedem,” jistaqsi l-Mulej Ġesù, “jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu?”

Il-maġġoranza tal-Maltin iffissaw fil-kumditajiet tad-dinja: id-dar, l-ikel, l-ilbies moda, il-karozza, id-divertiment u s-saħħa tal-ġisem. Il-ħajja donnha saret vjaġġ qasir minn tal-Pieta' sa Raħal Ġdid, minn Karen Grech sa l-Addolorata, u daqshekk. Qisu m’hemm xejn lil hinn mill-qabar. Qed ngħixu ħajja aktar diċenti minn qabel, nammettu. Imma x’jiswa l-ġid kollu tad-dinja ħdejn is-salvazzjoni tar-ruħ? Jew x’nieħdu magħna minn din id-dinja?

Trabbejt f’familja Kattolika. Ommi u missieri dejjem għallmuni li hemm Alla, Ġenna u Infern. Sa minn ċkuniti darrewni naħseb dwar il-ħwejjeġ li ma jintemmux: ir-relazzjoni mal-Ħallieq u l-ħajja eterna. Ta’ dan nirringrazzja ’l Alla. Ktibt dan il-ktieb lil ħbiebi Kattoliċi, li bħali ħadu bis-serjeta' t-twissija tal-Mulej Ġesù. Xejn ma jiswieli anke kieku kelli nakkwista d-dinja jekk fl-aħħar nitlef ruħi.

Bħala Kattoliku kont żgur li ninsab fit-triq it-tajba. Kont naf li hemm triq oħra li twassal għat-telfien. Ġesù stess iwissina: “Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!” Imma jien ma kellix għalfejn ninkwieta. Kont grat li jien membru fil-knisja Kattolika, il-knisja vera ta’ Kristu. Ridt noqgħod attent biss li ma nkunx imqarraq minn reliġjonijiet oħra u nsib ruħi fit-triq il-wiesa’ tat-telfien.

Kienet bħal sajjetta fil-bnazzi meta jum fost l-oħrajn ġie ħija fuqi u qalli, “Taf li aħna nsalvaw bil-fidi biss u mhux bl-opri tagħna?”

“Ma tarax,” weġibt jien fil-pront, “aħna salvati sew bil-fidi kif ukoll bl-opri li nagħmlu.” Iddefendejt bil-ħeġġa r-reliġjon Kattolika. Qrali xi siltiet mill-Iskrittura iżda baqa’ ma kkonvinċinix.

Sirt naf x’ġara. Ħija kien iltaqa’ ma’ xi turisti Irlandiżi l-Belt. Kienu Kristjani evanġeliċi. Tkellmu miegħu u mid-dehra rnexxielhom idawwruh. Inkwetani ferm. Iddispjaċieni li tbiegħed mit-tagħlim tal-knisja. Peress li kelli fiduċja sħiħa fid-dottrina tal-knisja Kattolika, qtajtha li nistudja l-Bibbja sabiex inġibu wiċċ imb’wiċċ ma’ l-iżball tiegħu. Għal ħafna xhur kont insus warajh biex inreġġgħu lura fi ħdan il-knisja.

Għaddew ħafna snin minn dik il-lejla xitwija. Illum jien ukoll Kristjan evanġeliku. Il-konvinzjoni tiegħi nbidlet. Sirt nemmen li mhux bil-merti ta’ l-opri tagħna nsalvaw iżda billi nafdaw fi Kristu biss. Iżda nassigurak li ma nbdiltx f’kollox. L-imħabba tiegħi lejn il-Kattoliċi Maltin ma naqsitx; anzi tqawwiet.

Il-verità u s-salvazzjoni

Minn qalbi nixtieq inxandar l-aħbar tajba dwar Ġesù Kristu lil ħbiebi Kattoliċi għax naf bil-ħeġġa tagħkom għal Alla. Madankollu ż-żelu reliġjuż mhux garanzija tal-verità jew tas-salvazzjoni. L-appostlu Pawlu jsemmi lil ġensu b’għafsa ta’ qalb. Jgħid:

Jien xhud għalihom li huma għandhom il-ħeġġa għal Alla, iżda din m’hijiex ħeġġa skond l-għerf veru.

Kienu mingħalihom mexjin fit-triq tal-ħajja. Wara kollox kellhom tradizzjoni qadima minn żmien il-patrijarki, Mosè u l-profeti. Kienu reliġjużi, isumu, jitolbu, jagħtu l-karità u jqimu ’l Alla. Forsi inti wkoll tirraġuna: “Jien membru fi knisja bi tradizzjoni minn żmien Kristu u l-appostli; immur il-quddies u nqerr regolarment, nipprova nobdi l-kmandamenti u xi opra ta’ karità nagħmel ukoll. Kif nista’ nkun żbaljat?”

Minkejja r-reliġjon u t-tradizzjoni tagħhom dawk il-Lhud devoti kienu mitlufa. Kienu mexjin għal għonq it-triq lejn l-Infern iżda traġikament kienu żguri li sejrin sewwa. L-appostlu Pawlu jixhed, “Ħuti, nixtieq tassew minn qalbi nitlob quddiem Alla li niesi jsalvaw.” Minkejja ċ-ċertezza tagħhom, fir-realta' kienu għadhom mitlufa u jeħtieġu s-salvazzjoni. Għaliex? Għax il-ħeġġa tagħhom ma kinitx “skond l-għerf veru.” Minn għalihom kienu qed jixorbu l-ilma safi tal-ħajja meta fil-fatt kienu qed jixorbu ilma ivvalenat. Allaħares kellek tiskopri l-iżball tiegħek f’Jum il-Ġudizzju. Dak in-nhar ikun tard wisq. Tħallatx il-ħeġġa reliġjuża tiegħek mal-verità. Hemm is-salvazzjoni ta’ ruħek fin-nofs.

Nistħajlek tgħidli, “Il-verità! X’inhi l-verità?” Tridx mela nibdew niddiskutu din il-mistoqsija?

fuq

2. Kelmtek hi l-Verità

Weħidna ma naslu qatt biex nagħrfu ’l Alla fis-sewwa. L-Iskrittura tisħaq li “d-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla.” Il-bniedem ivvinta ħafna allat u reliġjonijiet, imma waħdu qatt ma sab ’l Alla veru. Kien jum ta’ dwejjaq kbar għall-appostlu Pawlu meta daħal f’Ateni, iċ-ċentru taċ-ċivilta' u l-filosofija. Il-belt kollha kienet mogħtija għall-qima ta’ l-idoli. Saħansitra sab artal iddedikat “lil Alla mhux magħruf” -- xhieda ta’ l-injoranza tagħhom dwar Alla ħaj u veru.

Ir-Rivelazzjoni

Kif mela nistgħu qatt nagħrfu lill-Ħallieq? Nistgħu nagħrfuh biss permezz tar-rivelazzjoni, jiġifieri billi Alla juri lilu nnifsu lilna. Matul l-istorja Alla kellem lill-bnedmin permezz tal-profeti. Mosè, Isaija u l-profeti l-oħra ma tkellmux minn jeddhom, imma kienu strumenti magħżulin minn Alla biex iwasslu l-kelma tiegħu. It-tnedija tagħhom kienet sikwit tibda, “Hekk jgħid il-Mulej,” biex ifakkru lis-semmiegħa tagħhom mnejn kienu rċevew il-messaġġ. San Pietru jikteb:

Għax qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-rieda tal-bnedmin; imma, meta l-bnedmin tkellmu f’isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.

Hekk ukoll l-appostli xandru f’isem il-Mulej. L-appostlu Pawlu jirringrazzja ’l Alla li l-aħwa Nsara laqgħu x-xandir tiegħu “mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi.” Il-mirakli kbar li wettqu bil-ħila t’Alla kienu xhieda għalihom li tassew huma l-vuċi t’Alla fuq l-art.

Ir-rivelazzjoni t’Alla laħqet il-quċċata tagħha f’Ibnu Ġesù Kristu. Alla “kellimna permezz ta’ Ibnu.” Hu l-Kelma t’Alla, ix-xbieha perfetta tiegħu, il-verità, Alla magħna. Ir-rivelazzjoni t’Alla ngħatat sħiħa u perfetta, u l-Insara għandhom jissieltu għall-Fidi mogħtija lilhom darba għal dejjem (ara Ġuda 3). Sewwa jgħid il-Konċilju Vatikan II: “Ma għandniex nistennew ebda rivelazzjoni pubblika ġdida f’dan iż-żmien.”

Aħna qed ngħixu sekli twal wara l-profeti, Ġesù u l-appostli tiegħu. Kif nistgħu nagħrfu r-rivelazzjoni t’Alla fdata lilhom? Permezz tagħhom ingħatat il-Kelma t’Alla; kif nistgħu nkunu nafu x’qalu? Alla ħaseb li jniżżel il-Kelma tiegħu bl-iswed fuq l-abjad fil-paġni ta’ l-Iskrittura. Mosè u Pawlu huma mejtin, imma d-dottrina li pridkaw għadha magħna fil-kitbiet li ħallew warajhom. Għalkemm Ġesù tela’ s-sema, nistgħu nitgħallmu x’qal u x’għamel fil-paġni tal-Vanġelu.

Il-Bibbja għandha żewġ awturi. Miktuba mill-bniedem (Mosè, Isaija, Luqa, Mattew, Pawlu, eċċ.) u fl-istess ħin miktuba minn Alla. L-Ispirtu s-Santu gwidahom biex jiktbu dak li ried Alla. “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla.” Meta niftħu l-Bibbja għandna nżommu quddiem għajnejna li qed naqraw il-Ktieb t’Alla. M’għandniex għalfejn niddubitaw il-kliem ta’ l-Iskrittura għax Alla la jigdeb u lanqas jiżbalja. Ġesù talab lil Missier u qallu: “Il-Kelma tiegħek hi l-verità.”

It-Tradizzjoni

Naturalment fl-Iskrittura m’hemmx imniżżel kulma għallmu u għamlu l-profeti, l-appostli u l-Mulej Ġesù. Imma b’daqshekk nistgħu ngħidu li l-Iskrittura mhix biżżejjed biex twassalna għat-tagħrif tal-ħajja eterna? Jew li jeħtieġ b’xi mod niskopru xi tagħlim importanti tagħhom li mhux imniżżel fil-Bibbja? Sfortunatament il-Lhud għamlu dan l-iżball. Ma kinux kuntenti bil-kotba ta’ l-Iskrittura u żiedu “t-tradizzjoni,” it-tagħlim antik ta’ missirijiethom. Ir-riżultat kien traġiku.

Isma’ x’qal Ġesù dwar it-tradizzjoni:

Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: “Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li m’hijiex għajr preċetti tal-bnedmin.” Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin.” U qalilhom: “Ħelu ħelu ġġibu fix-xejn il-kmandamenti ta’ Alla biex tħarsu t-tradizzjoni tagħkom... hekk iġġibu fix-xejn il-kelma ta’ Alla bit-tradizzjoni li tgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra (Mark 7:6-13).

Alla ma jilqax ir-reliġjon tagħna jekk ma tkunx mibnija fuq ir-rivelazzjoni tiegħu mniżżla fl-Iskrittura. Lanqas jilqa’ qima mibnija fuq l-Iskrittura rrovinata bit-tradizzjoni.

Il-knisja Kattolika tilqa’ l-Iskrittura bħala l-Kelma t’Alla. Imma mal-Kelma miktuba żżid it-tradizzjoni, li suppost twassal b’mod ħaj it-tagħlim ta’ Sidna u l-appostli tiegħu. Il-Konċilju Vatikan II jistqarr li:

Il-knisja Kattolika “ma tiksibx iċ-ċertezza tagħha dwar kull ma ġie rivelat mill-Iskrittura Mqaddsa biss. Għalhekk, kemm it-Tradizzjoni, u kemm l-Iskrittura Mqaddsa għandhom jiġu milqugħin u meqjuma bl-istess sentimenti ta’ tjieba u qima.”

Skond il-knisja ta’ Ruma, l-Iskrittura mhix biżżejjed. Il-knisja iżżid it-tradizzjoni mal-Bibbja. L-istorja tirrepeti ruħha. Il-Lhud żiedu t-tradizzjoni tagħhom, il-knisja Kattolika żżid it-tradizzjoni tagħha. Dan ibeżżgħani u jinkwetani ħafna. Ftakar x’qal Alla: “Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li m’hix għajr preċetti tal-bnedmin.” Naturalment il-knisja tgħid li t-tradizzjoni hi l-Kelma t’Alla u mhux “preċetti tal-bnedmin.” Madankollu, jekk it-tradizzjoni Kattolika hi “preċetti tal-bnedmin” ħalli wkoll ma ninsewx li l-qima tal-Kattoliċi hi fierħa quddiem Alla.

Iżjed ’il quddiem se niltaqgħu ma’ diversi konflitti bejn l-Iskrittura u t-tagħlim tal-knisja Kattolika minħabba ż-żieda tat-tradizzjoni. Hawnhekk insemmu eżempju wieħed, l-użu ta’ l-istatwi fil-qima. Fl-Għaxar Kmandamenti nagħrfu x’irid minna l-Mulej:

La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha ta’ ebda ħaġa li hemm fil-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx quddiemhom: la tadurahomx għaliex jiena l-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur (Esodu 20:4,5).

Naħseb li l-kmandament hu ċar biżżejjed. Madankollu l-knisja Kattolika tippermetti l-qima ta’ l-istatwi t’Alla, il-Madonna u l-qaddisin. Hemm diversi argumenti favur din il-prattika. Iżda huma x’inhuma r-raġunijiet mogħtija, fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ l-fatt sempliċi li Alla kkmandana biex la nagħmluhom u lanqas inqimuhom. Jekk tinżel għarkupptejk quddiem xi statwa, tinsiex il-kmandament t’Alla, u l-kliem ta’ Kristu: “Ħelu ħelu ġġibu fix-xejn il-kmandamenti ta’ Alla biex tħarsu t-tradizzjoni tagħkom.”

Nista’ nifhem l-Iskrittura?

Alla kkomunika mal-bnedmin bil-lingwa tal-bnedmin. Il-Bibbja mhix xi ktieb misterjuż. Lanqas mhi indirizzata lill-għorrief u t-teologi, imma lill-poplu kollu t’Alla. Ngħidu aħna, l-epistoli ta’ Pawlu, Pietru, Ġakbu u Ġwanni huma miktubin lill-Insara kollha. “Bil-qawwa kollha nitlobkom f’ġieħ il-Mulej li taqraw din l-ittra lill-aħwa kollha,” ordna l-appostlu Pawlu fi tmiem l-ittra tiegħu. Ma kien ikun hemm l-ebda skop li l-ittra tinqara lil kulħadd jekk kienet tqila wisq biex jifhmuha. Imma Alla tkellem fl-Iskrittura biex ikun mifhum. L-Iskrittura “tgħallem lil min ma jafx” (Salmi 19:8).

M’aħniex niskużaw lil min jersaq lejn l-Iskrittura bi traskuraġni. L-appostlu Pietru jwissina li l-ittri ta’ Pawlu, u l-bqija ta’ l-Iskrittura, “fihom ħwejjeġ tqal biex wieħed jifhimhom.” U jkompli jwissina billi jgħid li “dawk li ma jifhmux u li m’humiex sħaħ biżżejjed ifissruhom ħażin għat-telfien tagħhom stess.” Naturalment Pietru mhux jiskoraġġina milli niftħu u nistudjaw l-Iskrittura. Iwissina biss kontra l-prużunzjoni u t-traskuraġni. L-istess Pietru jħeġġigna nfittxu l-Kelma t’Alla kif tarbija tat-twelid tixxenaq għall-ħalib safi.

L-Iskrittura ma tifhimhiex jekk tħalliha fuq l-ixkaffa. Lanqas tiggwadanja minnha jekk taqraha b’attitudni ta’ kburija, bħal donnok tifhem aktar mill-Awtur tagħha, jew bil-ħsieb li tgħawweġ it-tifsira tagħha biex tiġġustifika t-twemmin tiegħek. Tifhimha jekk taqraha u timmedita fuqha b’umilta', bil-fidi, b’ubbidjenza u bl-intenzjoni li dejjem issebbaħ lill-Mulej Ġesù Kristu. Tafdax fik innifsek u fl-intelliġenza tiegħek. Afda biss fl-Ispirtu s-Santu, l-Awtur tal-Bibbja. Hu biss jista’ jfornik bid-dehen biex tagħraf Kelmtu. “Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura” (Luqa 24:45).

L-għalliema suġġetti għall-Iskrittura

Il-Mulej ta lill-Knisja mexxejja u għalliema biex ixandru u jfissru Kelmtu. Għandna nsegwuhom kif huma jsegwu lil Kristu. Imma ma rridux ninsew li mhux kull min isejjaħ lilu nnifsu “ministru ta’ Kristu” huwa bilfors ġenwin. Il-Mulej Ġesù wissiena: “Iftħu għajnejkom mill-profeti foloz; għax dawn jiġu għandkom libsin ta’ nagħaġ, u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa!” Għalhekk ma jkollokx skuża fil-Ġudizzju jekk tkun segwejt għalliema foloz. Il-Mulej Ġesù vżana minn qabel. “Jekk għama jmexxi lil għama ieħor, it-tnejn jaqgħu ġol-ħofra.”

Imma x’test għandi napplika biex nagħraf jekk għalliem hux ministru ta’ Kristu jew le? Il-profeta jingħaraf mit-tagħlim tiegħu, hekk kif siġra tingħaraf mill-frott tagħha. Jekk wieħed jgħid li qed ixandar il-Kelma t’Alla, imma tagħlimu jikkontradixxi jew iżid ma’ l-Iskrittura, huwa giddieb u qarrieq. Kun ċert li tibni darek fuq il-blata soda tal-Kelma infallibbli t’Alla .

Nixhed quddiem Alla li jagħmel ħaqq minni fl-aħħar jum li ħriġt dan il-ktieb b’kuxjenza tajba. Irrid nispjega l-messaġġ tas-salvazzjoni kif inhu mniżżel fil-paġni tal-Kotba Mqaddsa, sew jekk jinstema’ sabiħ jew ikrah. M’inix infittex il-prosit mill-bnedmin, imma l-approvazzjoni t’Alla. Huwa biss l-evanġelju t’Alla rivelat fl-Iskrittura li kapaċi jsalva u jnissel il-ħajja eterna lill-għeżież ħuti Maltin.

Għalhekk nistiednek taqrah b’attenzjoni. Madankollu jibqa’ dejjem l-obbligu u l-privileġġ tiegħek li tittestja kollox bil-Kelma miktuba t’Alla. L-appostlu Pawlu u Silas xandru l-Kelma lin-nies ta’ belt jisimha Berea. Dawn laqgħu l-messaġġ b’entużjażmu. Iżda ma waqfux hemm. Fittxew l-Iskrittura privatament biex jiċċekkjaw kulma semgħu mingħand Pawlu u sieħbu. “Huma laqgħu l-kelma bil-ħeġġa kollha, u kuljum bdew iqallbu l-Iskrittura biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu” (Atti 17:11). Il-Bibbja ssejjħilhom “nies ta’ qalb kbira.” Jalla tingħata qalb bħal tagħhom.

L-Iskrittura biżżejjed

Qatt xtaqt kont tgħix fi żmien Ġesù biex tisma’ minn fommu l-kliem tal-ħajja eterna? Lilu tista’ tafdah f’kollox. Forsi kont tistaqsih: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja eterna?” X’taħseb li kien iwieġbek? M’hemmx għalfejn tipprova tbassar. Darba minnhom wieħed għaref staqsih din l-istess mistoqsija. Ġesù beda jwieġbu: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?” Il-Mulej Ġesù rreferih għall-Iskrittura. L-istess jgħid lilna. Fiha hemm it-tweġiba korretta u sħiħa għas-salvazzjoni tagħna. Fittex l-Iskrittura b’kunfidenza sħiha. M’għandekx bżonn il-filosofija, il-viżjonijiet, jew it-tradizzjoni. M’għandek bżonn xejn aktar għas-salvazzjoni ħlief it-tagħlim tagħha.

Il-Kotba Mqaddsa “jistgħu jagħtuk l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù” (2 Timotju 3:15). Fejn tista’ ssib il-verità? X’jista’ jagħtik l-għerf li jwassal għas-salvazzjoni? Tinsa’ qatt t-tweġiba: Il-Kotba Mqaddsa!

fuq

3. Il-Knisja Mibnija fuq Kristu

Fuq min hi mibnija l-Knisja? Min hu l-Kap tagħha? U min hu l-Vigarju ta’ Kristu fuq l-art?

L-Iskrittura tħeġġeġ lill-membri tal-Knisja: “Għixu mela fi Kristu Ġesù, Sidna, kif tgħallimtuh, b’għeruqkom fih u ħajjitkom mibnija fuqu, imwettqin bil-fidi bħalma tgħallimtu” (Kolossin 2:6,7). Il-Knisja hi mibnija fuq Kristu, kif imxandar mill-profeti u l-appostli. “Mibnija lkoll fuq is-sisien ta’ l-appostli u tal-profeti, fejn Kristu hu l-ġebla tax-xewka” (Efesin 2:20). Il-pedament tal-Knisja diġa' tqiegħed. Min hu dan il-pedament? Il-Mulej jew xi ħadd ieħor? L-appostlu Pawlu jwieġeb: “Pedament ieħor ħadd ma jista’ jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u dan hu Ġesù Kristu” (1 Korintin 3:11).

Min hu l-Kap tal-Knisja? “Kristu hu ras il-knisja, is-salvatur tal-Ġisem tiegħu” (Efesin 5:23). L-Iben il-maħbub t’Alla “hu r-Ras tal-Ġisem, li hu l-Knisja...sabiex ikun l-ewwel f’kollox” (Kolossin 1:18). Il-primat fil-Knisja huwa Kristu!

Lil min ħalla Kristu rappreżentant tiegħu fuq l-art? Fil-lejl qabel bata, il-Mulej Ġesù wiegħed lid-dixxipli: “Jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità” (Ġwanni 14:16,17). L-Ispirtu s-Santu ġie f’Pentekoste. Hu kien, għadu u jibqa’ l-Vigarju ta’ Kristu fuq l-art sa tmiem id-dinja.

Fuq din il-blata

Il-knisja Kattolika tagħti tweġibiet differenti. “Il-Mulej għamel biss lil Xmun il-blata tal-Knisja tiegħu u tah l-isem ta’ Pietru.” “L-isqof ta’ Ruma, bis-setgħa ta’ l-uffiċċju tiegħu bħala Vigarju ta’ Kristu u Ragħaj tal-Knisja kollha, għandu fil-Knisja setgħa sħiħa u suprema u universali” (K 881, 882).

Biex niżnu dawn l-istqarrijiet, tajjeb l-ewwel naqraw is-silta li skond il-knisja Kattolika tagħti prova ta’ l-awtorità tal-Papa.

Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” “Imma intom min tgħidu li jien?” staqsihom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jien ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta’ l-Infern ma jegħlbuhiex.” (Mattew 16:13-18).

Meta kont għadni tfajjel fuq il-bank tad-dottrina, l-għalliema qaltilna li l-Knisja hija mibnija fuq Pietru, għaliex ‘Pietru’ tfisser ‘blata.’ Kont pjuttost sorpriż meta tgħallimt li ‘Pietru’ (petros) u ‘blata’ (petra) huma żewġ kelmiet b’tifsira differenti. It-tifsira Kattolika tassumi li ‘Pietru’ u ‘blata’ huma pariġġ, meta fil-fatt mhumiex.

Kristu jibni l-Knisja fuq il-blata. Imma, x’inhi din il-blata soda li fuqha sserraħ id-dar t’Alla? Is-suġġett tal-pass f’Mattew 16 mhux Pietru, imma l-identità ta’ Ġesù. Għalhekk naħseb li ‘l-blata’ hi l-istqarrija tal-fidi fuq fomm l-appostlu Pietru, jiġifieri, “Int l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” Wara kollox kemm l-appostlu Pawlu kif ukoll l-appostlu Pietru nnifsu jsejħu lil Ġesù Kristu ‘il-blata’ (petra). L-Iskrittura tistaqsi, “Min hu Alla ħlief il-Mulej, u min hu Blata ħlief Alla tagħna?” (Salmi 18:32).

Taħsibx li din hi xi interpretazzjoni ġdida ta’ dan il-pass kruċjali. Għalkemm xi wħud mill-kittieba patristiċi jfissru ‘l-blata’ bħala Pietru jew l-appostli, il-maġġoranza tagħhom ifissruha bħala Kristu stess jew l-istqarrija ta’ Pietru dwaru, “Int il-Messija, Bin Alla l-ħaj.” Ngħidu aħna, Sant’ Wistin kiteb: “Għalhekk, qal Ġesù, ‘Int Pietru, u fuq din l-Blata’ li inti stqarrejt u għaraft, meta għidt ‘Inti l-Kristu, Bin Alla l-ħaj’ jien nibni l-knisja tiegħi; jiġifieri fuqi, fuq l-Iben t’Alla l-ħaj, ‘nibni l-knisja tiegħi.’”

Interessanti li l-knisja Kattolika tammetti li din hi tifsira korretta. Fil-Katekiżmu, paragrafu 424, insibu miktub: “Imbuttati mill-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu u miġbudin mill-Missier, aħna nemmnu u nistqarru dwar Ġesù: ‘Inti Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj’ (Mt 16,16). Hu fuq il-blata ta’ din il-fidi, li stqarr San Pietru, li Kristu bena l-Knisja tiegħu (ara Mt 16,18).” Tassew, il-blata hija l-fidi mistqarra minn Pietru, “Inti Kristu, l-Iben ta’ Alla l-ħaj.” Kif mela l-knisja Kattolika tinsisti li “l-Mulej għamel biss lil Xmun il-blata tal-Knisja”?

L-appostlu Pietru

Pietru u l-appostli l-oħra qatt ma fehmu li l-Mulej ħatar lil Pietru l-ewwel fosthom jew il-kap tagħhom. Saħansitra fil-lejl tal-passjoni “nqalgħet ukoll kwistjoni bejniethom dwar min minnhom kellu jinżamm bħala l-akbar wieħed” (Luqa 22:24). Il-Mulej ma fakkarhomx x’kien qal aktar kmieni lil Pietru f’Ċesarija. Qalilhom biss li ma kellhomx jaħkmu fuq in-nies bħas-slaten tal-pagani, imma kellhom ikunu l-qaddejja tal-Knisja.

Pietru fehmha sew il-lezzjoni. Għalkemm kien prominenti fost sħabu, fetaħ il-bieb tas-saltna għal-Lhud u l-Ġentili, u ħadem kemm felaħ għall-Knisja, Pietru sejjaħ lilu nnifsu appostlu u qaddej ta’ Ġesù Kristu u “presbiteru jien ukoll” bħall-presbiteri l-oħra. Iżda qatt ma ftaħar b’xi titlu bħal Papa, kap ta’ l-appostli, vigarju ta’ Kristu jew isqof universali. Il-knisja Kattolika ssejjaħ lil Pietru “r-ragħaj il-kbir tal-knisja.” Pietru ma jaqbilx; mhux lilu nnifsu imma lil Kristu jsejjaħ “ir-Ragħaj il-kbir.”

Skond ix-xhieda tat-Testment il-Ġdid, Pietru ma kellux setgħa fuq il-Knisja kollha. Għalhekk avolju kieku l-isqof ta’ Ruma kien is-suċċessur tiegħu, ma kien ikollu ebda dritt jissejjaħ isqof universali. Mhux biss, l-isqof ta’ Ruma m’għandux dritt għall-awtorità appostolika ta’ Pietru. L-Iskrittura mkien ma tagħti ħjiel li Pietru kien isqof fil-belt kapitali ta’ l-Imperu. Huwa fatt storiku li fl-ewwel sekli anqas l-isqfijiet ta’ Ruma m’affermaw li huma suċċessuri ta’ Pietru.

Ħdejn il-bieb tat-tempju, Pietru u Ġwanni ltaqgħu ma’ raġel magħtub. Stennihom jagħtuh karità. Minflok Pietru qallu: “Fidda u deheb m’għandix, imma dak li għandi nagħtihulek: f’isem Ġesù Kristu ta’ Nażaret, imxi!” Il-magħtub b’qabża waħda waqaf u beda jimxi, jaqbeż u jfaħħar ’l Alla. L-isqof ta’ Ruma jgħid li hu s-suċċessur ta’ Pietru, imma qajla jista’ jgħid “fidda u deheb m’għandix.” Wisq anqas għandu l-qawwa mirakoluża li kellu Pietru. Ma ngħidx dan b’disprezz, imma ladarba l-Papa jippretendi titli hekk għolja, m’għandniex nistennew provi bil-fatti ukoll?

Il-ġlieda għall-poter

Il-Mulej ma tax awtorità lill-isqof ta’ Ruma jew xi bniedem ieħor fuq il-Knisja universali. Is-setgħa li jgawdi l-Papa llum inkisbet bil-mod il-mod matul l-istorja. Skond l-Iskrittura, il-presbiteri għandhom id-dmir jieħdu ħsieb il-knisja tal-post. Madankollu matul it-tieni seklu wieħed mill-presbiteri beda jissejjaħ isqof u sar il-mexxej ewlieni. Fir-raba’ seklu, l-Imperatur Kostantinu, u oħrajn warajh, eżaltaw l-isqfijiet b’ħafna unuri. L-ogħla unur kisbuh l-isqfijiet ta’ Ruma, Kostantinopli, Lixandra, Antjokja u Ġerusalemm.

Diversi isqfijiet ta’ Ruma, fosthom Ljun I u Girgor il-Kbir stinkaw kemm felħu biex ikabbru l-prestiġju tagħhom u tal-knisja ta’ Ruma. It-taqtigħa ewlenija kienet bejn l-isqfijiet taż-żewġ bliet ewlenin ta’ l-imperu, Ruma u Kostantinopli. Il-firda u l-pika bejniethom baqgħu jiżdiedu sakemm il-Kristjanità sofriet xiżma li għadha tinħass sal-lum: il-Knisja Kattolika Rumana u l-Knisja Ortodossa Griega.

Il-patrijarka ta’ Kostantinopli Ġwanni IV assuma t-titlu ta’ “Isqof Universali”. Il-Papa Girgor IX (590-604) ċanfru għall-kburija tiegħu. Ironikament, il-Papa ta’ wara Girgor, Bonafizju III, ingħata t-titlu “Isqof Universali” mill-imperatur kiefer Phocas. Dan it-titlu għadu jintiret mill-mexxej tal-knisja ta’ Ruma.

Min hu l-blata tiegħek?

Konna nkunu obbligati nissottomettu ruħna għall-Papa, kieku t-titlu “Isqof Univerali” ngħatalu minn Kristu u mhux minn imperatur Ruman. Madankollu, il-Papa jiddikjara li għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha, huwa assolutament neċessarju li jkunu suġġetti għalih. Il-Papa jinsisti wkoll li “biss permezz tal-Knisja kattolika ta’ Kristu (jiġifierii l-knisja ta’ Ruma)... jistgħu jiksbu l-mezzi kollha għas-salvazzjoni.” Mhux hekk għallem l-appostlu Pietru. Ma għolliex lilu nnifsu jew lill-knisja ta’ Ruma għax is-salvazzjoni mhix il-monopolju ta’ xi mexxej jew knisja partikolari. L-appostlu Pietru xandar lil Ġesù Kristu, għax, kif qal: “F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih aħna għandna nkunu salvi” (Atti 4:12).

Lil min se temmen? Fuq min se sserraħ is-salvazzjoni ta’ ruħek? Il-Mulej Ġesù bierek lil Xmun Pietru għax stqarru, “Int il-Kristu, Bin Alla l-ħaj.” Int wkoll, jekk bħal Pietru temmen li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, titbierek minn Alla u jkollok il-ħajja f’isem Ġesù. Jalla dan is-Salm isir l-għanja tiegħek:

F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi:
mingħandu tiġini s-salvazzjoni.
Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,
hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni.

fuq

4. Quddiem it-Tribunal t’Alla

Alla hu l-Ħallieq u s-Sultan ta’ l-univers. Ħalaqna u qiegħed jieħu ħsiebna. Għalhekk jonqos minna nigglorifikawh f’kollox u nobduh bi gratitudni. Nafu mill-kuxjenza t-tajjeb mill-ħażin, u tgħallimna l-Għaxar Kmandamenti minn tfulitna. Id-dmir ewlieni tagħna hu li nħobbu ’l Alla b’qalbna kollha, u nħobbu l-proxxmu tagħna.

Fil-bidu, meta ħalaq l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, il-Mulej qegħdhom fil-ġnien ta’ Għeden u berikhom. Ħajjithom kienet tiddependi fuq l-ubbidjenza tagħhom lejh. ‘Il-Mulej Alla ordna lill-bniedem u qallu: “Mis-siġar kollha tal-ġnien tista’ tiekol, imma mis-siġra ta’ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, la tikolx minnha, għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.”’ Ubbidjenza perfetta twassal għall-ħajja u xirka m’Alla, diżubbidjenza ġġib il-mewt u firda minnu.

Adam kiel mill-frotta projbita. Kiser il-kmand t’Alla u għalhekk sar midneb u ħati quddiemu. Id-dnub t’Adam ġab saħta fuq il-ħolqien kollu. Mhux biss, peress li Adam hu r-rappreżentant ta’ l-umanità kollha, id-dnub tiegħu hu magħdud lill-bnedmin kollha, kif tgħallem l-Iskrittura.

Bi bniedem wieħed daħal id-dnub fid-dinja; u bid-dnub il-mewt, u hekk laħqet il-mewt il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu (Rumani 5:12).

Qabel waqa’ Adam seta’ jagħmel it-tajjeb u jgħix. Imma issa kulma jagħmel kien imtebba’ bid-dnub. Bħalma ż-żerriegħa ta’ siġra ħażina tnibbet siġar ħżiena, hekk ukoll aħna, ulied Adam, tnissilna midinbin bħal missierna. Il-bniedem jieħu deċiżjonijiet skond ir-rieda tiegħu mingħajr ħadd ma jisforzah. Iżda, peress li huwa midneb, kulma jagħmel huwa mħassar bid-dnub. Bħal fiż-żmien ta’ qabel id-dulluvju, f’qalb il-bniedem m’hemmx “għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu.” Xi għemejjel tal-bniedem jidhru tajbin u ġusti, imma Alla ma jħarisx fuq barra biss. Alla jħares lejn il-qalb midinba u l-kburija tiegħu.

Il-bniedem għandu opinjoni minfuħa tiegħu nnifsu. Minkejja ‘d-dgħufijiet’ u ‘l-iżbalji’ jaħseb li għandu qalb tajba. Iżda l-Kelma t’Alla tisħaq bil-kontra: “Qarrieqa l-qalb aktar minn kollox, u mħassra wkoll.” Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn qalb qarrieqa? Tista’ tiġbor tin mix-xewk, jew għeneb mill-għollieq? Daqshekk ieħor jista’ l-bniedem mwieled midneb jipproduċi għemejjel ġusti quddiem Alla.

Kemm hu serju d-dnub?

Il-vilta' u l-gravità tad-dnub jidhru mill-kastig ġust t’Alla kontra l-midneb. “Il-ħlas tad-dnub hu l-mewt” (Rumani 6:23) - mhux biss tal-ġisem, imma tar-ruħ ukoll, il-firda tal-bniedem minn Alla fit-tbatija ta’ dejjem fl-Infern. Il-ħlas tad-dnub, hu x’inhu d-dnub, huwa l-mewt.

B’daqshekk ma jfissirx li d-dnubiet kollha għandhom l-istess konsegwenzi. Xi dnubiet huma agħar minn oħrajn. U l-Mulej Ġesù jgħallem li se jkun hemm gradi differenti ta’ kastig fl-Infern. Madankollu, il-Mulej ma jagħmilx distinzjoni bħallikieku xi dnubiet ħaqqhom il-mewt u oħrajn le. Kull dnub ħaqqu l-kastig ta’ dejjem fl-Infern. Id-dnub tal-korla jġib l-istess kastig bħad-dnub tal-qtil (Mattew 5:21,22); u d-dnub tal-ħars żieni ħaqqu l-istess kastig bħad-dnub ta’ l-adulterju (Mattew 5:27,28).

George għadu kemm għalaq tmien snin. Il-Mużew tgħallem fuq id-dnubiet ‘mejta’ u dnubiet ‘venjali’. L-iskola, waqt il-break, fajjar daqqa ta’ sieq lil sieħbu. Kien jaf li għamel ħażin għax il-kuxjenza niggżitu. Meta mar iqerr il-konfessur tah il-penitenza, qallu: “Il-lejla għid sliema u qaddisa għarkopptejk biex tpatti għad-dnub.” George hekk għamel.

L-għada reġa’ tlewwem ma’ sieħbu u fajjarlu daqqa oħra. Is-surmast bagħat għal ommu u qalilha x’ġara. “George, taf li meta sawwatt lit-tifel għamilt dnub?” widdbitu ommu. “Naf ma,” weġibha George, “imma ma jimportax. Il-lejla nerġa’ ngħid sliema u qaddisa għarkopptejja.”

Kemm hu qarrieq dan it-tagħlim dwar id-dnub venjali! Min qal li d-dnub hu ħaġa ħafifa jew jista’ jinħafer bi ftit penitenzi? George jeħtieġ jitgħallem li meta ta daqqa ta’ sieq ma weġġgħax biss lil sieħbu, imma kiser il-Liġi qaddisa t’Alla, il-Ħallieq tiegħu.

Jeħtieġ nitgħallmu l-istess lezzjoni. Huwa kontra Alla sovran u qaddis li nidinbu. Qiegħed fuq it-tron tat-Tempju tiegħu, imdawwar bis-serafini, u għalkemm qaddisa u bla tebgħa, ma jifilħux iħarsu lejn id-dija tal-glorja majestuża tiegħu, iżda jgħattu wiċċhom u jgħidu bla hedu, “Qaddis, qaddis, qaddis, hu l-Mulej ta’ l-eżerċti!” Nistgħu nibdew nifhmu l-ħażen tar-ribelljoni u l-isfida kontra l-Liġi u r-rieda ta’ dan Alla? Bla ebda dubju, ġust u rett huwa Alla meta jikkastiga d-dnub (kull dnub!) bil-piena tal-mewt.

“X’hemm daqshekk ħażin billi tiekol frotta mill-ġnien?” jirraġuna l-bniedem. “Wara kollox kienet tidher tajba. Possibbli Alla kien verament se jikkastigah bil-mewt talli jduq frotta?”

Alla wissa lill-bniedem, “Żgur tmut”. Satana ma jaqbilx -- “Le, żgur ma tmutx” (Ġenesi 2:17; 3:4). Fil-professjoni tiegħi bħala tabib sikwit niltaqa’ mal-mewt. Rajt xjuħ, adulti u saħansitra trabi jmutu. Il-kesħa tal-mewt u d-dmugħ tal-qraba dejjem ifakkruni fil-qerq ta’ Satana u l-kruha tad-dnub.

Lil min se temmen, lil Alla jew lill-giddieb? La titqarraqx: kull ksur tal-Liġi t’Alla hu dnub mejjet.

Dan kollu ħaristu!

Jasal jum meta tidher quddiem Alla għall-ħaqq. “Hu għażel jum li fih għandu jagħmel ħaqq ġust mid-dinja.” “Aħna lkoll għad nidhru quddiem it-tribunal ta’ Alla...kull wieħed minna għad jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.” Dawn huma ħsibijiet serji u solenni.

X’taħseb li jkun il-verdett? Meta Alla jiflik sa ġewwa nett fuq kulma għamilt, taħseb li jiddikjarak ġust jew ħati? Id-dnub ta’ kull bniedem huwa ovvju. Kemm-il darba ħassejt il-kuxjenza takkużak. Madankollu, il-midneb għandu ħabta jiskuża ħżunitu (“hi ġegħlitni nidgħi,” “gidba għal bżonn ma jimportax,” “mhux kulħadd hekk jagħmel?” u skużi banali oħra). Il-bniedem reliġjuż għandu problema doppja. Jgħix ħajja aktar morali minn nies oħra u jastjeni minn dnubiet goffi. Ir-reliġjuż jitqies ‘raġel tar-ruħ’ jew ‘mara tajba’, speċjalment meta tqabblu ma’ oħrajn ittimbrati bħala ‘marmalja’ jew ‘ħamalli.’ L-istess ‘tjieba’ tagħmih għall-ħażen u l-korruzzjoni ta’ qalbu.

Darba waħda, żagħżugħ għani ġie jiġri lejn Ġesù. Niżel għarkopptejh quddiemu u staqsieh: “Mgħallem, x’għandi nagħmel tajjeb biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Naħseb li inti wkoll tixtieq teħles mill-kastig ta’ l-Infern u tidħol fil-ħajja eterna. Isma’ sewwa, nitolbok, it-tweġiba tal-Mulej.

Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti... la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, weġġaħ lil missierek u ‘l ommok, u ħobb lil għajrek bħalek innifsek.

Tweġiba tal-biża’! Kif qatt nistgħu nidħlu fil-ħajja? Għax min minna ħares il-kmandamenti? L-Iskrittura stess tiddikjara fuqna lkoll, “Ħadd, ebda wieħed, ma hu ġust; ħadd ma għandu moħħ biex jifhem; ħadd ma hemm li jfittex lil Alla. Ilkoll ħarġu minn triqathom; ilkoll kemm huma tħassru; ħadd ma hemm li jagħmel is-sewwa; m’hemm lanqas wieħed.”

Daqskemm hu tal-biża’ l-kliem ta’ Ġesù, daqshekk ieħor hi redikola t-tweġiba taż-żagħżugħ. Stqarr: “Jiena dan kollu ħaristu.” Possibbli? Ċertament jekk qatt ma gideb f’għomru, gideb dak in-nhar! Kristu ġabu wiċċ imb’ wiċċ mal-Liġi t’Alla iżda xorta ma rax il-ħmieġ ta’ dnubietu. Għalhekk Ġesù qiegħed subgħajh fuq il-ferita. Ladarba kien jippretendi li obda t-tieni tavla tal-Liġi, żgur li qatt m’għaddielu minn moħħu li kiser l-ewwel tavla, li tibda bil-kmandament “Ma jkollokx allat oħra għajri.” Kien iqim ’l Alla ta’ Abraham, Iżakk u Ġakobb, u kien jistkerraħ ’ll-allat tal-pagani.

Imma f’qalbu ż-żagħżugħ kellu ‘alla’ ieħor. Qallu Ġesù: “Mur, biegħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja.” Emanwel, ‘Alla magħna,’ sejjaħlu personalment biex jobdi l-ewwel kmandament u jkun fidil lejh, imma ż-żagħżugħ ma setgħax għax kien il-qaddej ta’ ‘alla’ ieħor, mammona. Telaq ’l hemm. La għaraf dnubu u lanqas lil Kristu, il-Ħellies u s-Salvatur.

Il-Mulej Ġesù jridek teżamina lilek innfsek fid-dawl tal-Liġi qaddisa t’Alla. Tgħidx, “Jien ta’ l-affari tiegħi, l-iżbalji tiegħi żgħar u ftit.” Kull dnub, żgħir jew kbir, huwa l-ksur tal-Liġi t’Alla, ribelljoni kontra l-ħakma tiegħu. Tibqgħax taħseb li int tajjeb. Alla jiddisprezza l-kburija u l-ipokrezija. Sakemm tqis lilek innifsek ġust, Kristu ma jsalvakx. Jekk tibqa’ taħseb li dnubietek huma bħal naqra flissjoni u kulma teħtieġ tibla’ żewġ aspirini u tidħol taħt il-friex, ma tmur qatt għand it-Tabib tar-ruħ. Ġesù qal: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin.”

Fi ftit kliem, kieku Adam ma dinibx u kieku kellna nobdu l-Liġi perfettament minn twelidna sakemm nieħdu l-aħħar nifs, konna niksbu l-ħajja. Kif jgħid l-appostlu Pawlu: “Min jagħmel dawn il-ħwejjeġ jgħix bihom.” Imma, fir-realta', kulħadd jitwieled midneb u ħadd ma jobdi l-Liġi bla nuqqas. Għalhekk l-istess appostlu jikteb: “Li ħadd permezz tal-Liġi ma hu ġġustifikat quddiem Alla jidher ċar.” Kieku l-Liġi kienet l-uniku dħul għall-ħajja, ma kien ikollok ebda ċans tidħol il-Ġenna għax dnubietek huma staneg tal-ħadid li jimbarrawlek bieb is-sema.

Il-Liġi teħodna għand Kristu

Għalxiex mela sservi l-Liġi, ladarba ma tistax tagħtina l-ħajja? Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Liġi jispjegah l-appostlu Pawlu.

Nafu li kull ma tgħid il-Liġi, tgħidu lil dawk li huma taħt il-Liġi, sabiex kulħadd jagħlaq ħalqu u d-dinja kollha tidher ħatja quddiem Alla. Għalhekk quddiem Alla ħadd ma hu ġġustifikat bl-opri tal-Liġi; għax il-Liġi sservi biex tgħarrafna d-dnub.

Il-Liġi hi mera. Meta tħares fiha tintebaħ kemm int spiritwalment maħmuġ. Iżda l-Liġi ma tistax tnaddfek. Jew, il-Liġi tixbaħ X-ray, li jiżvela qalbek marida għall-mewt. Imma l-Liġi ma tistax tfejqek. Mhux il-Ligi, imma l-Mulej Ġesù Kristu, li jnaddfek minn dnubietek u jagħtik qalb ġdida.

Niftakarni f”żgħożiti naqra d-Diskors ta’ Ġesù fuq il-Muntanja. Kont impressjonat għall-aħħar u qtajtha li nagħmlu r-regola ta’ ħajti. Provajt b’ħilti kollha, iżda aktar ma stinkajt, aktar deher ċar il-falliment u l-frustrazzjoni tiegħi. Kif qatt nista’ nkun perfett bħal Alla l-Missier kif jiddomanda l-Mulej Ġesù!?

Alla kien qed jgħallimni lezzjoni sempliċi. Sempliċi, imma tant diffiċli għal ġuvni ‘tajjeb’ biex jifhimha. Il-ġuvni ‘tajjeb’ huwa midneb! Imbagħad bdejt nifhem xi tfisser il-fidi fi Kristu, il-grazzja t’Alla u s-salib tal-Kalvarju.

Alla jiltaqa’ mal-bniedem l-ewwel fuq il-muntanja Sinaj, u jnissel biża’ u konvinzjoni ta’ dnub. Alla jerġa’ jiltaqa’ mal-midneb fuq l-għolja tal-Kalvarju. Hemm jagħtih il-maħfra, il-ħelsien u l-ħajja. Il-Liġi tkun laħqet skop ewlieni tagħha:

Il-Liġi, mela, kienet tmexxina qisna tfal lejn Kristu, biex inkunu ġġustifikati permezz tal-fidi (Galatin 3:24).

fuq

5. Il-Maħfra tad-Dnubiet

Id-dnub huwa l-ksur tal-Liġi t’Alla, u spiss joffendi u jweġġa’ lill-proxxmu tagħna. Alla jikkmandana nistqarru dnubietna ma’ xulxin u naħfru wieħed lill-ieħor. Jekk toffendini obbligat naħfirlek. Imma sa hemm biss nista’ nasal. Ma nistax naħfirlek il-ħtija u neħilsek mill-kundanna tal-Liġi t’Alla. Hu tana l-Liġi; hu biss jista’ jaħfer jew jikkundanna.

David offenda ħafna nies meta kkommetta adulterju ma’ Batseba u qatel lil żewġha. Iżda ħadd ma seta’ jnaddfu mid-dnub. David stqarr quddiem Alla, “Kontrik biss jiena dnibt, u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt.” Għalhekk David talab lill-istess Wieħed li tiegħu kiser il-Liġi: “Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.” Alla ħafirlu. Hekk ukoll jagħmel lilna jekk nirrikorru direttament għandu. Imbagħad flimkien ma’ David ngħidu b’ferħ ‘l Alla:

Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,
u l-ħażen tiegħi ma ħbejtulekx.
Jien għidt: “Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti.”
U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi (Salm 32:5).

Jien naħfirlek dnubietek

Fi tfuliti kont mgħallem differenti. Għallmuni mmur inqerr għand il-qassis, għax kif qaluli, il-qassis għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet. Il-qassis mhux biss jgħarrafni bil-maħfra t’Alla, iżda hu nnifsu jaħfirli. Niftakar il-kliem ta’ l-assoluzzjoni, “U jien naħfirlek dnubietek...” Naturalment, il-knisja ssostni li din is-setgħa kienet mogħtija lilu mill-Mulej. Il-Konċilju ta’ Trento jisħet lil min jgħid li “l-assoluzzjoni sagramentali tas-saċerdot mhix att ġudizzjarju,” jiġifieri att ta’ mħallef. Skond il-Katekiżmu, is-saċerdot jaqdi l-ministeru ta’ “l-Imħallef ġust li ma jħarisx lejn wiċċ in-nies u jagħmel il-ħaqq skond il-ġustizzja u l-ħniena” (K 1465).

Dan it-tagħlim jikkontradixxi l-Iskrittura.

Wieħed biss huwa dak li jagħmel il-Liġi, wieħed biss l-Imħallef: dak li għandu s-setgħa jeħles u jeqred. Int min int biex tiġġudika ’l ħaddieħor? (Ġakbu 4:12).

Jekk il-qarrej huwa saċerdot Kattoliku, ħalli jwieġeb din il-mistoqsija quddiem Alla. Barra minn hekk, is-sultan Salamun talab ’l Alla, “Isma’ int mis-smewwiet fejn tgħammar, u aħfer, u agħmel u agħti lil kulħadd skond imġibtu; int tagħraf qalbu, għax int waħdek tagħraf il-qalb ta’ kull bniedem” (1 Slaten 8:39). Is-saċerdot Kattoliku kapaċi jagħraf il-qalb? U jekk le, kif jista’ jagħmel il-ħaqq skond il-ġustizzja?

Darba l-Lhud akkużaw lil Ġesù b’dagħwa għax qal lil wieħed paralitiku, “Ibni, dnubietek maħfura.” Qalu, “Dan kif qiegħed jitkellem hekk? Dan qiegħed jidgħi! Min jista’ jaħfer id-dnubiet ħlief Alla biss?” Kien ikollhom raġun kieku Ġesù kien sempliċament bniedem. Iżda huma ma ridux jemmnu li kien Emanwel, Alla magħna.

Il-maħfra tad-dnub hi opra ferm ikbar mill-fejqan tal-mard. Iżda quddiem il-bnedmin huwa eħfef tgħid “Dnubietek maħfura” milli tgħid lill-paralitiku, “Qum u imxi.” Għaliex jekk il-marid jibqa’ ma jiċċaqlaqx kulħadd jintebaħ jekk għandikx setgħa jew paroli biss. Ġesù laqa’ l-isfida tal-Lhud. ‘“Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art,” qal lill-mifluġ, “Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek, u mur lejn darek.”’ Il-mifluġ qam u telaq ’il barra quddiem kulħadd. Dan il-miraklu huwa evidenza tas-setgħa ġudizzjara ta’ Kristu, u allura tad-Divinità tiegħu. Imma s-saċerdot Kattoliku, li jippretendi li għandu l-istess setgħa, iwettaq mirakli bħal dawn? U jekk ma jfejjaqx il-ġisem mill-mard, kif nistgħu nemmnu li jfejjaq ir-ruħ mid-dnub?

Dawk li taħfrulhom dnubiethom

Kif jista’ midneb jikseb il-maħfra t’Alla? Fil-pjan etern tiegħu Alla ried iwassal il-proklama tal-maħfra lill-ġnus kollha. Kien Ħadd il-Għid; il-Mulej Ġesù deher lid-dixxipli miġmugħin flimkien u qalilhom:

“Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma” (Ġwannni 20:21-23).

X’kienet il-missjoni fdata mill-Mulej lid-dixxipli tiegħu? Skond il-knisja Kattolika, b’dan il-kliem Kristu waqqaf is-sagrament tal-qrar, u ta setgħa gudizzjarja lis-saċerdoti biex jaħfru d-dnubiet. L-Insara evanġeliċi jifhmu dan il-kliem mod ieħor. Kristu kien mibgħut minn Alla biex, fost ħwejjeġ oħra, ixandar l-aħbar it-tajba. Qabel tela’ s-sema ħalla f’idejn id-dixxipli tiegħu (l-appostli u l-aħwa l-oħra kollha) il-missjoni li jxandru l-evanġelju. Min jemmen isalva u jinħafru dnubietu. Dawk kollha li jibqgħu ma jemmnux ma jinħafrux.

Imħallfin jew xandara?

X’għamilhom Ġesù lid-dixxipli, imħallfin jew xandara? Il-Katekiżmu jgħallem: “Is-saċerdoti rċevew setgħa minn għand Alla... Alla jwettaq hemm fuq fis-sema dak li s-saċerdoti jagħmlu hawn fuq l-art” (K 983). Is-saċerdot hu mħallef: jekk jaħfer fuq l-art, Alla jikkonferma dik il-maħfra fis-sema. Iżda, il-Mulej Ġesù ma qalx hekk. Ma qalx, “Dawk li taħfrulhom dnubiethom jiġu maħfura.” Kristu uża t-temp perfett, “Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu (diġa') maħfura.” Il-missjoni tad-dixxipli tixbaħ ix-xogħol ta’ messaġġier mibgħut għand wieħed ħabsi ħati ta’ delitt. Il-President ħafirlu u tah il-ħelsien. Il-messaġġier jidħol fiċ-ċella u jħabbarlu: “Int maħfur!” Ma jfissirx li l-messaġġier għandu s-setgħa ta’ mħallef iżda semplicement ħabbarlu l-maħfra diġa' mogħtija lilu minn ħaddieħor. Hekk ukoll id-dixxiplu ta’ Ġesu Kristu hu xandar ta’ l-evanġelju tal-maħfra b’xejn t’Alla, mhux imħallef.

It-tifsira korretta tal-kummissjoni tal-Mulej imniżżla fi Ġwanni 20 għandha taqbel mat-tagħlim tal-bqija ta’ l-Iskrittura, għaliex Alla ma jikkontradixxix lilu nnifsu. Nistaqsu, l-appostli u l-Insara kif wasslu l-maħfra t’Alla lid-dinja? Permezz tal-konfessjonarju jew bix-xandir tal-Kelma?

L-evanġelista Luqa, bħal Ġwanni, jinkludi l-kummissjoni tal-Mulej lid-dixxipli biex jaħfru d-dnubiet. Ġwanni ma jsemmix direttament kif kellhom iwasslu l-maħfra t’Alla, imma Luqa jmur pass ’il quddiem. Luqa ma jħallix għall-opinjoni tagħna biex niddeċiedu kif napplikaw il-kliem ta’ Ġesù. Jikkwota lill-Mulej Ġesù ftit qabel tela’ s-sema:

Hekk hu miktub li kellu l-Messija jbati u jqum fit-tielet jum, u tixxandar f’ismu ndiema u maħfra tad-dnubiet għall-ġnus kollha (Luqa 24:46,47).

Hekk mela kellhom jaħfru d-dnubiet: bix-xandir ta’ l-Evanġelju. Kristu ma kkmandax il-qrar sagramentali. Dak in-nhar id-dixxipli ma fehmux il-kliem tal-Mulej kif tfissru llum il-knisja ta’ Ruma. Naqraw l-Atti ta’ l-appostli u l-epistoli tagħhom biex naraw x’kienu jgħallmu u jagħmlu. Imkien ma nsibu eżempju ta’ l-appostli jqaraw lill-Insara jew jagħtu l-assoluzzjoni. Imkien ma nsibu l-appostli jgħallmu l-Insara jmorru jqerru għand saċerdot.

Storikament, il-qrar privat beda dieħel bil-mod matul is-sekli u twaqqaf uffiċjalment fl-1215 fi żmien il-Papa Innoċenzju III. Il-Katekiżmu tal-knisja Kattolika jammetti li kien mis-seklu sebgħa wara Kristu li “s-sagrament baqa’ jiġi ċelebrat b’manjiera aktar sigrieta bejn il-penitent u s-saċerdot” u jsejjaħlu “drawwa ġdida” (K 1447).

L-appostli wasslu l-maħfra bix-xandir; pridkaw lill-bnedmin kollha jindmu u jemmnu fil-Mulej Ġesù Kristu biex jiksbu l-maħfra tad-dnubiet. Eluf kisbu l-maħfra permezz tal-fidi tagħhom f’Ġesù Kristu. L-appostlu Pietru kien ixandar, “Lilu l-profeti kollha jixhdu, li dawk kollha li jemmnu fih jaqilgħu l-maħfra ta’ dnubiethom b’ismu” (Atti 10:43). L-appostlu Pawlu jispjega l-ministeru tiegħu: “Kunu afu dan: li permezz ta’ Ġesù qiegħda tixxandrilkom il-maħfra tad-dnubiet; permezz tiegħu” (Atti 13:38). Lil dawk kollha li jemmnu fil-Mulej Ġesù, l-appostlu Ġwanni jassigurahom: “dnubietkom maħfura bis-saħħa ta’ ismu” (1 Ġwanni 2:12).

Jien hu li nħassar dnubietek

Għand min irrikorrejt għall-maħfra ta’ dnubietek? Għand saċerdot uman, midneb bħalek, li jippretendi li hu mħallef? Jew għand Alla, l-Imħallef tad-dinja? Ftakar it-twissija ta’ l-Iskrittura: “Wieħed biss l-Imħallef: dak li għandu s-setgħa jeħles u jeqred.” Agħti widen għall-evanġelju mħabbar mill-appostli u isma’ is-sejħa tal-Mulej li tiegħu ksirt il-Liġi qaddisa:

Jien, jien hu, li nħassar dnubietek minħabba fija, u li ħtijietek iżjed ma niftakarhomx...

Duru lejja mill-ġdid, truf kollha ta’ l-art, u intom tkunu salvi! Għax jien hu Alla, u ma hemm ħadd ħliefi!

Alla ma ordnalekx tmur għand konfessur iżda qiegħed jistiednek iddur lejh. Hu jaf dnubietek u jaf qalbek ukoll. Ċertament jaħfirlek jekk iddur lejn Alla b’indiema sinċiera u bil-fidi fil-Mulej Ġesù Kristu.

Missierna li inti fis-smewwiet...aħfrilna dnubietna

Il-grazzja t’Alla hi tassew ta’ l-għaġeb. Permezz ta’ Ibnu Ġesù Kristu, Alla jsawwab fuq il-magħżulin tiegħu kull barka spiritwali. Mhux biss jaħfrilhom għalkollox dnubiethom, iżda wkoll jaħtarhom uliedu adottivi. Qabel kienu ’l bogħod u għedewwa minħabba dnubiethom; issa ħbieb u wliedu minħabba l-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. Qabel la kellhom biża’ t’Alla u lanqas kienu jfittxuh; issa minn qalbhom iridu jsebbħu ’l Ismu, u jobduh f’kollox. Qabel ma kinux jafu ’l Alla, issa Alla jgħammar fihom bl-Ispirtu s-Santu.

Madankollu, sakemm jibqgħu fil-ġisem, jibqa’ jgħammar fihom id-dnub. Hemm battalja kontinwa matul il-ħajja ta’ wlied Alla f’din l-art. Jgħixu ħajja tassew qaddisa, iżda kull Kristjan ġenwin jagħraf ukoll id-dnubiet li jwettaq kuljum.

Imma Alla l-Missier ma jitfagħhomx ’il barra mill-familja għax jaqgħu. Jibqgħu għal dejjem uliedu, hu jibqa’ għal dejjem Missierhom. Għalhekk meta jidinbu, ma jersqux quddiem Imħallef, iżda flimkien ma’ Kristu jmorru fi ħdan Missierhom. “Jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust.” Jersqu lejh b’kunfidenza, għaliex Alla fl-Iskrittura jwegħdhom: “Jekk nistqarru dnubietna, hu (Alla l-Missier) fidil u ġust, hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħazen.” Jistqarru dnubiethom direttament lil Alla, u mhux lil bniedem ieħor, għaliex il-Mulej Ġesù stess għallimhom jitolbuh: “Missierna li inti fis-smewwiet... aħfrilna dnubietna” (aqra Mattew 6:9-13).

fuq

6. Ġustifikati bil-Fidi

 Kif jista’ l-bniedem mgħobbi bil-ħtija ta’ dnubietu jikseb il-paċi mal-Ħallieq? Skond l-Iskrittura hemm mezz wieħed biss: billi jkun iġġustifikat permezz tal-fidi fi Kristu. “Issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Rumani 5:1).

Xi tfisser eżatt il-kelma ‘ġustifikazzjoni’? Hi kelma użata fil-qrati tal-ġustizzja. Min jobdi l-liġi huwa ġust, min jikser il-liġi huwa inġust u ħati. L-imħallef jikkundanna lill-ħati u jiġġustifika l-ġust. Mela ‘ġustifikazzjoni’ tfisser is-sentenza ta’ l-imħallef li jiddikjara lill-akkużat ‘ġust,’ u jagħtih il-ħelsien minn kull piena tal-liġi.

Hawn hu l-inkwiet tagħna! Il-Mulej jistmell “kemm min jeħles (jiġġustifika) il-ħażin u kemm min jikkundanna l-ġust.” Mingħajr dubju, il-ħaqq t’Alla huwa rett. Ma jistax jinjora d-dnub jew jikkontradixxi l-qdusija u l-ġustizzja tiegħu. Kien jiġġustifikana kieku konna ġusti. Imma fil-verità lkoll dnibna. Ilkoll ħatja. Għalhekk is-sentenza ġusta t’Alla hija l-kundanna tagħna. Ġob lissen id-dilemma tagħna eluf ta’ snin ilu: “Kif jista’ l-bniedem ikun ġust quddiem Alla?” L-hena jew il-kastig etern tagħna jiddependu fuq it-tweġiba għal din il-mistoqsija kruċjali.

Jiġġustifika l-ħażin

Kieku l-midneb ipatti għal ħtijietu stess u jgħix ħajja għalkollox ġusta, Alla jkun obbligat jiġġustifikah (għaliex imbagħad il-bniedem ikun tassew ġust). Il-knisja Kattolika tgħallem li l-ġustifikazzjoni “tagħmilna xebħ mal-ġustizzja ta’ Alla, li jagħmilna ġusti fina nfusna bil-qawwa tal-ħniena tiegħu” (K 1992). Skond it-tagħlim Kattoliku, Alla jiġġustifika l-bniedem meta l-midneb isir ġust fih innifsu.

Tassew, Alla jaħdem fil-qalb u l-ħajja ta’ wliedu biex isiru jixbħu lil Ibnu fil-karattru u l-imġieba tagħhom. Madankollu sakemm għadhom fil-ġisem l-Insara jibqgħu dejjem midinba. L-appostlu Ġwanni jwissina: “Jekk ngħidu li m’għandniex dnub, inkunu qegħdin inqarrqu bina nfusna u l-verità ma tkunx fina” (1 Ġwanni 1:8). Kif mela tippretendi t-teoloġija Kattolika li bniedem jista’ qatt ikun iġġustifikat f’din l-art, ladarba jibqa’ fih id-dnub?

“Alla jiġġustifika l-ġust” mhix aħbar tajba għall-midneb! Imma ħa jkun imfaħħar Alla għall-ħniena tiegħu: l-Iskrittura xxandar messaġġ ieħor!

Il-ħlas lil min jaħdem ma jingħaddlux bi pjaċir, imma b’dejn; iżda min bla ma jagħmel opri, jemmen lil Alla li jiġġustifika lil min hu ħażin, din il-fidi tiegħu tingħaddlu b’ġustizzja (Rumani 4:4,5).

Alla jiġġustifika lill-ħażin li jemmen fih! Mhux lill-ġust jiġġustifika, imma lill-ħażin. Mhux għax il-ħażin jaħdem biex jikkonverti u jsir tajjeb. Anzi, Alla jiġġustifika lil min ma jagħmilx opri. Dan hu l-evanġelju tassew, il-balzmu għall-midneb!

Kif jista’ Alla jiġġustifika lill-bniedem li jemmen fih ladarba hu midneb? L-ewwelnett, Alla ma jgħoddlux iżjed ħtijietu kontrih.

Hienja dawk li dnubiethom maħfura, u li ħtijiethom mgħottija. Hieni l-bniedem li l-Mulej ma jgħoddlu ebda dnub.

Aktar minn hekk, Alla jgħodd favur dak li jemmen ġustizzja li ma ħadimx għalija hu.

David jgħid kemm hu hieni l-bniedem li Alla jqisu b’ġust mingħajr l-opri.

Fi ftit kliem, Alla jiġġustifikani (jeħlisni mill-kundanna) mhux għaliex jien bla dnub jew għax għamilt xi opri. Alla jiġġustifikani biss bil-grazzja u l-ħniena tiegħu.

Alla ġust u jiġġustifika

Jeħtieġ nenfasizzaw li Alla huwa perfettament ġust meta jiġġustifika lil min jemmen fih. Mhux biżżejjed ngħidu, “Alla jagħmel li jrid.” Alla mhux kapriċċjuż, u ma jistax iwarrab il-ġustizzja u l-qdusija tiegħu biex juri ħniena mal-midneb. Il-ġustizzja u l-grazzja t’Alla ltaqgħu fuq il-Kalvarju. Kristu, il-ħaruf t’Alla, daħal responsabbli għad-dnubiet ta’ niesu, u patta għad-dejn tagħhom b’demmu stess. Hekk kien ħabbar il-profeta: “Il-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.”

L-appostlu Pawlu jispjega:

Huma jkunu ġġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtihom minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù. Lilu Alla kkostitwieh vittma ta’ espjazzjoni b’demmu permezz tal-fidi (Rumani 3:24,25).

Alla jiġġustifika lill-kredent (min jemmen fih) permezz tal-fidwa, jiġifieri, il-ħelsien mill-kundanna tal-liġi li Kristu kiseb fuq is-salib. Alla jqisu ġust għax Kristu ħallas għalih il-piena ta’ dnubietu. Kristu huwa l-vittma ta’ espjazzjoni. Id-demm li Kristu xerred fuq is-salib bi tpattija għal dnubiet il-poplu tiegħu, berred l-għadab ġust t’Alla minn fuqhom. Hekk mela, “Alla hu ġust, u jiġġustifika lil min jemmen f’Ġesù” (Rumani 3:26).

Ġenna, Infern, Ġenna, Infern...

Meta konna żgħar konna nilagħbu logħba bil-lellux. Konna nieħdu fjura f’idejna u naqtgħu l-petali waħda wara l-oħra. Ma’ l-ewwel petala ngħidu “Genna,” imbagħad naqtgħu oħra u ngħidu “Infern,” u nibqgħu sejrin hekk. L-aħħar petala tista’ tinzerta “Ġenna” jew “Infern.”

Il-logħba tixbaħ id-dottrina dwar is-salvazzjoni li tgħallimt fi ħdan il-knisja Kattolika. Kont ġustifikat bil-magħmudija. Imma din il-ġustifikazzjoni tliftha bl-ewwel ‘dnub mejjet’ li għamilt. Imbagħad inqerr, nagħmel penitenza, u nerġa’ nikseb il-ġustifikazzjoni. Imma jgħaddi ftit żmien u nerġa’ nitlef kollox bid-dnub. Dan iċ-ċirku huwa mtenni mijiet ta’ drabi matul il-ħajja tal-Kattoliku. Imma fl-aħħar mill-aħħar jgħodd biss l-istat li tinzerta fih meta tmut.

Iżda llum, bil-grazzja t’Alla, m’għadnix nafda fija nnifsi jew fil-merti tal-ġustizzja tiegħi għas-salvazzjoni. Issa nafda biss fil-Mulej Ġesù Kristu, is-Sid u s-Salvatur tiegħi. B’kuxjenza tajba nista’ nirrepeti l-istqarrija ta’ l-appostlu Pawlu:

Ninsab fih (fi Kristu) mhux bil-ġustizzja tiegħi li tiġi mil-Liġi, imma bil-ġustizzja li tiġi mill-fidi fi Kristu, li tiġi minn Alla u hi msejsa fuq il-fidi (Filippin 3:9).

Jien mistoħbi fi Kristu, il-kenn u r-rifuġju tiegħi. Kristu hu l-ġustizzja tiegħi. Alla jgħodd favur tiegħi l-ġustizzja u t-tjieba ta’ Ibnu, li fih nemmen u nafda s-salvazzjoni ta’ ruħi. Jien imlibbes mhux bil-ġustizzja li ħdimt għaliha jien, imma bil-ġustizzja perfetta ta’ Kristu. Għalhekk jien żgur li mhu se nkun ikkundannat qatt, u meta nagħlaq għajnejja għall-aħħar darba mmur dak in-nhar stess mal-Mulej.

Ħenn għalija, midneb

Il-Mulej Ġesù jridna nintelqu fl-idejn ħanina t’Alla. Iridna nafdaw f’Alla, mhux fina nfusna jew fit-tjieba taparsi tagħna.

Ġesù qal din il-parabbola lil xi wħud li “kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti.”

Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu, “O Alla, niżżik ħajr li m’inix bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kull ma ndaħħal.” Iżda l-pubblikan, bil-wieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: “O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!” Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat (Luqa 18:9-14).

Aħseb ftit fuq dawn iż-żewġt irġiel. Wieħed ippreżenta l-ġustizzja u l-opri tajba tiegħu lil Alla. L-ieħor mar idu f’idu. Wieħed kien iqis lilu nnifsu ġust u resaq ’il quddiem. L-ieħor għaraf li hu midneb u qagħad ’il bogħod. It-tnejn telgħu t-tempju jitolbu; wieħed ma talbu xejn, l-ieħor talbu ħniena. It-tnejn niżlu lejn darhom. Wieħed kien jafda fih innifsu li hu ġust, imma infatti f’għajnejn Alla ma kienx. L-ieħor fada biss fil-ħniena t’Alla u f’xejn iżjed. Dan niżel lejn daru ġġustifikat, jiġifieri, meqjus ġust quddiem l-Imħallef tas-sema u l-art.

Int lil min tixbaħ? Fuq min qed tafda l-ġustifikazzjoni tiegħek, fuqek innifsek jew biss fuq il-ħniena t’Alla? Qed tfittex li tkun milqugħ minn Alla minħabba l-għemil tiegħek, jew qed isserraħ bil-fidi fuq il-ħniena t’Alla fi Kristu?

Hemm bżonn tagħżel bejn dawn iż-żewġ alternattivi: fiduċja fil-ħniena t’Alla biss, jew iżżid il-koperazzjoni u l-għemejjel tiegħek. Fuq banda, il-knisja Kattolika tisħet lil min jgħid li “l-fidi li tiġġustifika mhi xejn għajr fiduċja fil-ħniena divina, li jaħfer id-dnubiet minħabba Kristu.” Fuq il-banda l-oħra, għandek it-tagħlim infallibbli ta’ Kristu. Il-pubblikan ma kellu xejn għajr “fiduċja fil-ħniena divina,” u skond il-Mulej Ġesù Kristu, niżel daru ġġustifikat.

Sola fide

Flimkien ma’ l-appostlu Pawlu, l-Insara evanġeliċi jistqarru: “Aħna għandna fehma sħiħa li l-bniedem ikun iġġustifikat permezz tal-fidi mingħajr l-opri tal-Liġi” (Rumani 3:28). Sola fide, bil-fidi biss, jiġifieri bil-fidi mingħajr l-opri.

Il-knisja Kattolika tammetti biss li “l-fidi hi l-bidu tas-salvazzjoni umana, l-għajn u l-għerq ta’ kull ġustifikazzjoni.” Skond Ruma l-fidi hi neċessarja iżda mhix biżżejjed. Magħha teħtieġ l-opri tajba. “Min jgħid li l-ġustizzja milqugħa mhix priżervata u anke miżjuda quddiem Alla permezz ta’ għemejjel tajba...ikun misħut.”

Il-messaġġ Kattoliku hu: fidi u opri jwasslu għall-ġustifikazzjoni. L-evanġelju ta’ l-Iskrittura huwa għalkollox differenti. ‘L-evanġelju hu qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu... u fih tidher il-ġustizzja ta’ Alla minn fidi għal fidi, skond ma hemm miktub: “Il-ġust jgħix bil-fidi”’ (Rumani 1:16,17).

“Minn fidi għal fidi” għax il-Kristjan ma jserraħx is-salvazzjoni tiegħu fuq Kristu flimkien ma’ l-għemejjel personali. “Minn fidi għal fidi” għax il-Kristjan iserraħ kompletament fuq Kristu biss.

Nista’ nibki bla waqfien,
U naqdik ma kullimkien,
Dan għal dnubi ma jpattix --
Inti ssalva w inti biss:
F’dawn l-idejn xejn m’int se ssib,
Ħlief li naqbad mas-salib.

fuq

7. Il-Purgatorju

Il-purgatorju mhux invenzjoni tal-knisja Kattolika. Sa mill-qedem, diversi ġnus kienu jemmnu f’xi forma ta’ purgatorju (tindif jew tisfija) wara l-mewt. Il-filosfu Grieg, Platun, għallem li wara din il-ħajja l-bniedem jeħtieġ ibati għal ħtijietu qabel jidħol fil-hena. Anke fost xi Lhud daħlet l-idea ta’ tpattija għad-dnub wara l-mewt. Ġuda Makkabew ordna li jsiru sagrifiċċji għal ċerti suldati li mietu bid-dnub ta’ l-idolatrija, avolja fil-liġi ta’ Mosè m’hemm l-ebda proviżjoni għal sagrifiċċji bħal dawn. Fil-knisja, it-tagħlim dwar il-purgatorju beda dieħel kmieni ħafna fl-istorja. Infatti, Tertulljan jagħti ħjiel tiegħu fit-tieni seklu.

Il-purgatorju hu popolari għax hu tagħlim bis-sens. Il-bniedem, imtaqqal bil-kuxjenza tad-dnub, iħoss il-bżonn ta’ tindif mit-tniġġis u tpattija għall-ħażen tiegħu. Imniġġes ma jistax jidħol fil-preżenza glorjuża t’Alla. Anke l-Bibbja twissi li fil-Ġenna ma jidħol xejn li jħammeġ.

Il-knisja Kattolika tafferma l-eżistenza tal-purgatorju. Fil-fehma tagħha, l-assoluzzjoni tal-qassis “tneħħi d-dnub.” Madankollu, il-penitent “irid jagħmel xi ħaġa aktar, biex ipatti għal dnubietu: Irid “ipatti” b’mod adatt, jew “iħallas” id-dejn ta’ dnubietu” (K 1459). Din it-tpattija tissejjaħ ‘penitenza,’ u tista’ tkun talb, offerta, għemil ta’ ħniena, ċaħdiet volontarji u ħwejjeġ oħra. Barra minn hekk, l-ewkaristija hija wkoll “offerta ta’ tpattija għad-dnubiet tal-ħajjin u l-mejtin” (K 1414). Madankollu, ħafna Kattoliċi jistennew li “wara mewthom iġarrbu purifikazzjoni, biex jiksbu l-qdusija meħtieġa ħa jidħlu fl-hena tas-sema.” Il-knisja Kattolika ssejjaħ din il-purifikazzjoni ‘Purgatorju’ (K 1030, 1031).

Il-maħfra t’Alla

It-tagħlim Kattoliku jqanqal dubji u mistoqsijiet dwar Alla l-Missier. Alla jaħfer tabilħaqq? Jekk jaħfer tassew, għaliex jitlob mill-bniedem “tpattija”? Tassew id-dnub iġib miegħu konsegwenzi koroh f’din il-ħajja. Veru wkoll li Alla l-Missier iwiddeb lil uliedu. Imma t-tpattija hi ħaġa għalkollox differenti mit-twiddib. Imma jekk jiddomanda tpattija, kif tinsisti l-knisja Kattolika, il-maħfra tiegħu mhi maħfra xejn. Fir-reliġjon Kattolika Alla jaħfer b’nofs kedda.

Mhux hekk fil-Fidi msejsa fuq l-Iskrittura. Tiftakarha l-parabbola ta’ l-Iben il-Ħali. Meta l-ġuvni nidem u qatagħha li jirritorna d-dar, ħass li ma kienx jixraqlu jissejjaħ iben aktar. Dnubietu kienu kbar wisq, kien irribella kontra missieru, telaq mid-dar, nesih u berbaq flusu fit-tbaħrid. Min jaf kif kien se jilqgħu meta jmur lura? Forsi jilqgħu b’nofs qalb jew bir-rabja?

Meta kien għadu ’l bogħod, missieru ġera lejh, għannqu miegħu u biesu. Iż-żagħżugħ qallu: “Ma jistħoqqlix nissejjaħ ibnek.” Tassew, ma kien jixraqlu xejn ħlief li jitkeċċa ’l barra. Imma missieru kien iħobbu! Minflok kastig biex ipatti għal dnubietu, xeddlu l-aħjar libsa, libbsu ċurkett u organizzalu festa li nisslet l-għira f’qalb ħuh. Hekk hi l-imħabba u l-maħfra tal-Missier għal dawk li jirrikorru lejh.

Imma, forsi tistaqsi, x’jagħmel tajjeb għad-dejn ta’ dnubieti? Il-Bibbja ma tweġibx ‘penitenzi u purgatorju.’ Ġesù Kristu huwa l-mezz tal-maħfra tad-dnubiet (aqra Rumani 3:25; 1 Ġwanni 2:2).

Kristu “kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu” (Isaija 53:5).

Kristu għamel tajjeb għad-dejn tad-dnubiet ta’ niesu b’mewtu fuq is-salib. Il-Kristjani jiftaħru f’Alla li “ħafrilna dnubietna kollha. Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieh min-nofs u sammru mas-salib” (Kolossin 2:13,14). Il-midneb salvat ma jpattix hu għal dnubietu, għax Kristu patta għalihom minfloku. Alla ma jitlobx il-kastig għad-dnub darbtejn.

Għalhekk meta Alla jaħfer, jaħfer tassew! Isma’ l-wegħda stupenda t’Alla għal uliedu:

Jien, jien hu, li nħassar dnubietek minħabba fija, u li ħtijietek iżjed ma niftakarhomx (Isaija 43:25).

Alla żgur ma jmurx lura minn kelmtu. Lil min wiegħed li ma jiftakarx aktar fi dnubietu, mhux se jfakkarhomlu u jġiegħlu jħallas għalihom wara mewtu.

Il-Mulej Ġesù u l-appostli sikwit isemmu l-Ġenna u l-Infern. Iżda lanqas darba waħda ma jsemmu l-purgatorju, jew it-talb għall-mejtin. Il-kittieba Kattoliċi jużaw ftit referenzi mill-Bibbja f’attentat biex iressqu evidenza favur il-purgatorju. Madankollu, jekk wieħed jistudja sew dawn il-passi, ebda wieħed minnhom ma jagħti prova ta’ tpattija għall-piena tad-dnub wara l-mewt. Ngħidu aħna, fl-ittra lill-Korintin, l-appostlu Pawlu qed jitkellem fuq Jum il-Ħaqq li jittestja x-xogħol ta’ l-Insara. Il-Mulej jippremja lil kull wieħed skond il-kwalità ta’ ħidmietu - il-Kristjan jieħu ħlas tax-xogħol tajjeb, u jitlef il-ħlas tax-xogħol imwettaq ħażin. Ikun jgħawweġ l-Iskrittura min ideffes il-purgtorju fid-diskors ta’ l-appostlu Pawlu.

Ħasilna minn dnubietna

L-Iskrittura sserraħ qalb l-Kristjani: “Issa tnaddaftu, tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu ta’ Alla tagħna” (1 Korintin 6:11). Mhux in-nar tal-purgatorju jsaffi lill-midneb mill-ħażen. Il-Kelma t’Alla tgħallimna: “id-demm ta’ Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub” (1 Ġwanni 1:7). Mhux minn xi dnubiet biss, iżda minn kull dnub. Ċerti tbajja jibqgħu mmarkati għalkemm togħrokhom sew bis-sapun. Mhux hekk id-demm ta’ Kristu. Demmu jnaddaf tassew, “minn kull dnub.” Kulma jagħmel l-Mulej jagħmlu perfett: “Mqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ.”

Fil-Ġenna ħadd ma jinstema’ jgħid li wasal hemm bil-penitenzi u s-sofferenzi tiegħu. Fil-Ġenna jkun hemm biss dawk li afdaw kompletament fl-Iben t’Alla u minn qalbhom jgħannulu: “Lilu li jħobbna u ħelisna minn dnubietna b’demmu u għamilna saltna, qassisin għal Alla u Missierna, sebħ u qawwa għal dejjem ta’ dejjem. Amen” (Apokalissi 1:6).

Jibqa’ piena x’titħallas?

Il-knisja Kattolika ssostni li għalkemm Alla jaħfirlek, xorta jonqos minnek tpatti għal ħtijietek. Il-knisja twissi solennament: “Jekk xi ħadd jgħid li meta l-grazzja tal-ġustifikazzjoni tkun milqugħa, il-ħtija hi hekk maħfura u d-dejn tal-piena ta’ dejjem hekk imħassar għal midneb li jindem, illi ma jibqa’ ebda dejn ta’ piena taż-żmien x’jitħallas, f’din id-dinja jew f’li jmiss, fil-purgatorju, qabel id-dħul fis-Saltna tas-smewwiet, ħa jkun misħut.” Skond il-knisja Kattolika, misħut min jgħid lill-midneb niedem li ma fadallux dejn xi jħallas qabel jidħol il-Ġenna.

Imsallab ħdejn Ġesù kien hemm ħalliel. Bil-grazzja t’Alla rrealizza ħżunitu, nidem u dar lejn Kristu bil-fidi: “Ġesù ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.” Tiftakar x’wieġbu Ġesù? Qallu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.” Lanqas qatta’ jum wieħed biss il-purgatorju biex iħallas “il-piena taż-żmien”!

Temmen fil-purgatorju?

Il-Kristjani jistqarru hekk dwar Sidhom Ġesù: “wara li naddafna minn dnubietna, qagħad fuq il-lemin tal-kobor ta’ Alla fl-għoli tas-smewwiet” (Lhud 1:3). Ġesù Kristu huwa it-tindif, il-purgatorju, tagħhom.

Forsi s’issa ttamajt li tmur f’post ta’ tbatija biex tissaffa minn dnubietek. Dan il-post ma jeżistix. L-opportunità biex titnaddaf u tinħafer kompletament hi issa, waqt li għadek ħaj. Il-Mulej Alla li dnibt kontrih hu Alla ħanin u jaħfer tassew lil dawk kollha li jduru lejh. Ħares lejn Kristu l-Ħellies, li miet bi tpattija sħiħa għad-dnubiet ta’ dawk li jafdaw fih. Demmu jnaddaf tassew.

Temmen fil-purgatorju? Nispera li twieġeb, “Iva, nemmen fil-purgatorju t’Alla. Il-purgatorju tiegħi huwa l-Mulej Ġesù Kristu!”

fuq

8. Is-Sagrifiċċju tas-Salib

L-Iben t’Alla ġie fid-dinja biex imut. Is-salib huwa l-kapolavur tiegħu. Ftit japprezzaw il-glorja tas-salib; ħafna jqisuh bluha jew skandlu. Imma l-Kristjan ma jehdiex jiftaħar bis-salib tal-Mulej Ġesù Kristu.

Sabiex nifhmu aħjar is-sinifikat tal-mewt ta’ Ġesù fuq is-salib jixraq nagħtu titwila lejn iċ-ċerimonji matul it-Testment il-Qadim. Permezz ta’ Mosè, Alla ta struzzjonijiet lill-poplu tiegħu Iżrael dwar it-tabernaklu, is-saċerdozju u diversi sagrifiċċji.

It-tabernaklu kien jikkonsisti f’żewġ partijiet: il-post qaddis, u l-Qaddis tal-Qaddisin fuq ġewwa nett. Fil-Qaddis tal-Qaddisin kien hemm l-arka u fuqha l-glorja tal-preżenza t’Alla. Iżda ħadd ma seta’ jidħol f’dan il-lok. Kien hemm velu fid-daħla tiegħu u ħadd ma seta’ jgħaddi ‘l ġewwa minnu. Id-dnub jifred lill-bniedem minn Alla l-Qaddis.

Minn fost il-poplu kien hemm irġiel maħtura minn Alla biex iservu ta’ qassisin, li kienu jirrapreżentaw lill-poplu quddiem Alla. Hekk Alla jgħallimna li ma nistgħux nersqu quddiemu weħidna.

Il-qassisin kienu ta’ kuljum joffru diversi saġrifiċċji ta’ bhejjem fuq l-artal. Darba fis-sena l-qassis il-kbir kien joqtol il-bhima, jieħu ftit minn demmha f’bieqja u jidħol ‘il ġewwa mill-velu fil-Qaddis tal-Qaddisin u jċappas l-arka bid-demm. Il-Mulej ried jgħallem lill-poplu fuq l-għadab tiegħu għal dnubiethom. Alla hu ġust u l-ħaqq jiddomanda kastig għall-ksur tal-liġi. Il-mewt ta’ bhejjem bla għadd tfakkarna x’inhi l-piena tad-dnub. Il-ħlas tad-dnub huwa l-mewt, kif Alla kien wissa mill-bidu nett lill-bniedem.

Is-sagrifiċċji tat-Testment il-Qadim jgħallmuna wkoll kif nistgħu neħilsu mill-piena ta’ dnubietna. Il-Mulej qal lil Iżrael: “Il-ħajja tal-laħam hi fid-demm: u jien tajtulkom fuq l-altar biex tagħmlu offerta ħa tgħattu dnubkom għalikom infuskom; għax hu d-demm, li hu l-ħajja, li jgħatti dnubietkom.” L-Iskrittura tiddikjara li “bla tixrid tad-demm ma hemmx maħfra.”

Ara kemm hi meraviljuża l-grazzja t’Alla. Il-ġustizzja tiegħu titlob il-kastig tal-mewt għad-dnub. Iżda biex jeħles lill-midneb mill-kastig li ħaqqu, Alla provdielu sostitut biex imut minfloku. Il-vittma tas-sagrifiċċju jixxerred demmha u ħajjitha tittieħed bi tpattija għad-dnubiet tal-midneb.

Dawn il-ħwejjeġ kollha kienu biss stampa ta’ Kristu. L-Iskrittura ssejjħilhom “xbieha u dell” u “dell tal-ġid li għandu jiġi.” Naturalment “ma jistax ikun li d-demm tal-gniedes u tal-bdabad ineħħi d-dnubiet.” Kristu hu l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.

Kristu, is-saċerdot u s-sagrifiċċju

Id-dnub jifridna minn Alla Qaddis, u jnissel l-korla u l-għadab tiegħu. Imma Alla, li hu kbir fil-ħniena, għoġbu jeħles lill-poplu tiegħu minn dnubiethom. Il-Missier ħatar lil Ibnu l-Qassis sabiex jidħol għalihom. L-Iben etern t’Alla sar bniedem biex ikun jista’ jirrappreżenta lilna l-bnedmin. Il-Qassis Ġesù offra lilu nnifsu bħala sagrifiċċju għad-dnub. “Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa (ħelsien mid-dnub) għall-kotra.” Kristu huwa s-saċerdot u l-vittma tas-saġrifiċċju. Aħseb sewwa, nitolbok, fuq it-tifsira tas-salib ta’ Kristu.

L-appostlu Pietru jispjega lill-fidili: “Hu tgħabba bi dnubietna fuq is-salib... Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla.” Id-dixxipli ta’ Ġesù m’għadhomx iġorru dnubiethom huma, għaliex Kristu ħa dnubiethom u tgħabba bihom hu fuq is-salib. Kristu huwa s-sostitut ta’ niesu: il-kastig tagħhom sofrieh huwa stess bil-passjoni u l-mewt.

L-appostlu Pawlu jfakkarna fil-miżerja u l-periklu tagħna minħabba dnubietna. “Misħut kull min ma joqgħodx għall-ħwejjeġ kollha li hemm imniżżla fil-ktieb tal-Liġi u ma jagħmilhomx.” Il-Liġi tikkundannana u m’għandhiex setgħa teħlisna. Hemm mezz wieħed ta’ ħelsien mill-korla t’Alla. L-appostlu jfakkar l-aħwa Kristjani kif kisbu l-ħelsien. ‘Kristu fdiena mis-saħta tal-Liġi billi sar hu nnifsu saħta għalina, għax hu miktub: “Misħut min ikun imdendel ma’ l-għuda.”’

Mhux ta’ b’xejn beża’ u tnikket fil-ġnien tal-Ġetsemani! Dak li m’għaraf ebda dnub qabad f’idejh il-kalċi tal-korla divina għad-dnubiet tal-poplu tiegħu u xorbu sa l-aħħar qatra. Mhux ta’ b’xejn għajjat f’dik is-siegħa tad-dlam, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” Fuq is-salib, Kristu sofra u ġarrab it-tbatija ta’ l-Infern minflok dawk li l-Missier tah biex ikunu salvati permezz tiegħu! Imberkin dawk li minn qalbhom jgħidulu: “B’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.”

Jien hu l-ħobż tal-ħajja

Kristu huwa s-Salvatur tad-dinja. Madankollu mhux kull bniedem fid-dinja jsalva. Hafna jisimgħu l-kundanna terribbli f’Jum il-Ħaqq: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu.” Min mela għandu l-jedd jgħid lill-Mulej Ġesù: “Int kont maqtul, u fdejtna għal Alla b’demmek minn kull tribu’, u lsien, u poplu, u ġens”?

Fl-evanġelju ta’ Ġwanni għandna spjegazzjoni ċara. Ġesù jqabbel lilu nnifsu mal-ħobż. “Jien hu l-ħobż tal-ħajja... il-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.” Ġesù offra ġismu fuq is-salib u xerred demmu bħala saġrifiċċju għad-dnub. Imma kif jista’ midneb jibbenifika mis-saġrifiċċju ta’ Kristu? Il-ħobż ma jissodisfakx jekk ma tiklux. Hekk ukoll il-ġisem ta’ Kristu mogħti fuq is-salib, u d-demm li xerred ma jservuk xejn jekk ma tipparteċipax mill-merti infiniti tiegħu. Ġesù jispjeġa: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem, u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem” (6:53,54).

Dan hu assolutament neċessarju biex tikseb il-ħajja eterna. Imma kif tista’ tiekol minn dal-ħobż divin, u kif tista’ tixrob demmu? Il-Lhud gergru bejniethom u qalu, “Kif jista’ jagħtina ġismu?” Kien diġa' spjegalhom kif, imma webbsu qalbhom u ma ridux jisimgħu. Lill-istinat il-Mulej ikompli jwebbislu qalbu. Għalhekk kellimhom b’tixbiħa. Imma lid-dixxipli qalilhom ċar li mhux se jagħtihom jieklu ġismu litteralment, imma spiritwalment. “Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja; il-ġisem ma jiswa xejn, il-kliem li ngħidilkom hu spirtu u ħajja” (v.69).

Ma rridux ninsew li meta qal “Jien hu l-ħobż tal-ħajja,” Ġesù kien qed juża tixbiħa kif kienet id-drawwa tiegħu. Fl-istess evanġelju, Ġesù qal ukoll:

  • “Jiena d-dawl tad-dinja” -- id-dixxipli tiegħu jimxu warajh.
  • “Jien hu l-bieb” -- min isalva jeħtieġ jidħol minnu.
  • “Jiena r-ragħaj it-tajjeb” -- in-nagħaġ tiegħu jisimgħu leħnu.
  • “Jien d-dielja vera” -- l-Insara huma ż-żraġen mlaqqmin fih.

Ħadd ma jissuġġerixxi li Kristu hu litteralment dawl, bieb, ragħaj jew dielja. Jew li l-Insara huma nagħaġ jew żraġen. Lanqas jimxu warajh jew jidħlu minnu litteralment. Daqshekk ieħor jiżbalja min jgħallem li għandna nieklu ġismu u nixorbu demmu litteralment. Dawn kollha tixbiħat, jew aħjar, metafori.

Kif mela nieklu ġismu u nixorbu demmu biex ikollna l-ħajja eterna? Il-Mulej Ġesù jagħtina t-tweġiba diretta fl-istess diskors. “Jiena l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu ġuħ qatt, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.” “Kull min jara l-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem.” “Min jemmen fija għandu l-ħajja ta’ dejjem” (6:35,40,47). Il-mezz kif niksbu l-fidwa u l-ħajja eterna huwa ċar kristall għal min għandu għajnejn jaraw, u widnejn jisimgħu.

Il-Lhud xtaqu l-ħajja eterna. Kienu jemmnu fil-liġi, fl-opri tajba tagħhom, fiċ-ċerimonja taċ-ċirkonċiżjoni, f’Mosè u fil-fatt li kienu dixxendenti tal-patrijarki. Mhux hekk ried minnhom Alla. Lanqas riedhom iżidu lil Kristu ma’ dawk il-ħwejjeġ l-oħra. Min jemmen fi Kristu għandu l-ħajja eterna. Nitolbok taħseb sew: f’min qed temmen biex tikseb il-ħajja? Fil-kmandamenti, fl-opri tajba tiegħek, fiċ-ċerimonja tal-magħmudija, f’Marija u l-qaddisin? Mhux dan irid minna il-Mulej. “Dan hu l-għemil t’Alla: illi temmnu f’min bagħat” (v.29).

Darba għal dejjem

Kien biżżejjed is-saġrifiċċju ta’ Ġesù fuq il-Kalvarju biex isalva lil dawk kollha li jemmnu fih? Kien biżżejjed biex jikseb fidwa għal dejjem? Kien biżżejjed biex ineħħi d-dnub? Kien biżżejjed biex iqaddes u jagħmel perfetti lil niesu? Dawn is-siltiet mill-epistola lil-Lhud ma jħalluniex bejn ħaltejn:

  • Hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju... bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem (9:12).

  • Deher darba għal dejjem... biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu (9:26).

  • Aħna konna mqaddsin, permezz ta’ l-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu magħmula darba għal dejjem (10:10).

  • Hu b’offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes (10:14).

Is-sagrifiċċju ta’ Kristu seħħ darba għal dejjem għax wettaq l-għan tiegħu: il-fidwa, it-tneħħija tad-dnub, il-qdusija u l-perfezzjoni ta’ niesu. Għalhekk m’hemmx ħtieġa jkun ripetut. Is-sagrifiċċju ta’ Kristu huwa perfett.

Il-knisja Kattolika Rumana tafferma li Ġesù offra sagrifiċċju wieħed darba għal dejjem. Iżda b’dispjaċir ninnotaw li d-dottrina Rumana dwar il-quddiesa tikkontradixxi din il-verità mbierka. Forsi tweġibni: “G