|
Miktub minn Joe Mizzi L-għarfien t’Alla hu l-oħla esperjenza. Mingħajr Alla l-ħajja hi mewt, il-ġid faqar, il-ferħ illużżjoni. Min hu ħabib m’Alla jgħix tassew, iġarrab kull inkwiet bis-sabar, u jħares ‘l quddiem bit-tama ta’ hena bla tmiem. Il-fidi Kristjana tinkludi studju intellettwali ta’ veritajiet dwar Alla, il-bniedem u l-fidwa. Madankollu l-fidi Kristjana hi ferm aktar minn hekk. Twassal l-bniedem għal relazzjoni personali ta’ mħabba m’Alla permezz ta’ Kristu. “Din hi l-ħajja eterna, li jagħrfu lilek waħdek veru Alla, u ‘l Ġesù Kristu, li inti bgħatt” (Ġwanni 17:3). L-istudju teoloġiku (theos, Alla; logos, kelma, għerf) jumilja l-bniedem u jnissel fih sens ta’ adorazzjoni. Meta lemaħ is-siġra taqbad, Mosè ħaseb bejnu u bejn ruħu: “Ħa nersaq fil-ġenb u nara din id-dehra ta’ l-għaġeb.” Alla malajr waqqfu: “La toqrobx ‘il hawn; neħħi s-sandli tiegħek minn riġlejk għax il-post li qiegħed fuqu hu art imqaddsa” (Esodu 3:3, 5). Alla mhux sempliċiment dehra kurjuża. Fejn tidher il-glorja t’Alla hu lok qaddis. Għalhekk ma nistgħux nistudjaw ‘l Alla b’attitudni superjuri qisna qed nistudjaw xi fenomenu jew kunċett. Għandna nersqu lejh biss b’reverenza u umiltà. Il-biża’ t’Alla hu l-bidu ta’ l-għerf. Tkun teoloġija bla ruħ jekk ma twasslikx biex tistqarr ma’ Ġwanni, “Meta rajtu, waqajt f’riġlejh bħal mejjet” (Rivelazzjoni 1:17). Nista’ Nagħraf ‘l Alla? Alla huwa inkomprensibbli; ma jistax ikun mifhum. Mhux li ma nistgħux nkunu nafu xejn dwaru, iżda ma nistgħux nifhmuh kompletament u perfettament. Alla hu infinit; il-bniedem daqs naqra. “Kbir il-Mulej, u jistħoqqlu l-akbar tifħir, u l-kobor tiegħu ma jistax jitqies” (Salm 145:3). Ebda bniedem ma jista’ qatt jasal biex jifhem il-kobor t’Alla jew jilħaq mad-dehen tiegħu. “Kbir il-Mulej... id-dehen tiegħu m’għandux tarf” (Salm 147:5). “Għerf bħal dan hu ta’ l-għaġeb għalija; għoli wisq, ma nistax inlaħħaq miegħu” (Salm 139:6). Alla mifhum kompletament hu idolu vvintat minn moħħ il-bniedem; Alla merfugħ fl-ogħla smewwiet hu Alla ħaj u veru, li jnissel il-qima u l-adorazzjoni tal-ħlejjaq tiegħu. Fl-istess waqt irridu ngħidu wkoll li Alla jista’ jingħaraf. Għalkemm ma nistgħu qatt nifhmu lill-Infinit kompletament, nistgħu nagħrfu ‘l Alla ġenwinament. L-għarfien t’Alla huwa dejjem limitat iżda jista’ jkun għerf veru u biżżejjed biex jissodisfa ‘l għatx tar-ruħ umana. “Hekk jgħid il-Mulej, ħalli dak li jiftaħar, jiftaħar b’dan: li għandu d-dehen biex jagħrafni, li jien il-Mulej” (Ġeremija 9:23, 24). “O Alla, int Alla tiegħi; mis-sebħ infittxek jien, ruħi għatxana għalik... it-tjieba tiegħek hi aħjar mill ħajja” (Salm 63). Ma kienx ikun possibbli għalina nagħrfuh kieku Alla ma rrivelax lilu nnifsu. B’ħiltu l-bniedem qatt ma sab ‘l Alla veru: “Id-dinja b’għerfha m’għarfitx ‘l Alla” (1 Korintin 1:21). Alla wera lilu nnifsu b’mod ġenerali fil-ħolqien, u għalhekk ħadd m’għandu skuża talli m’emminx fih (Rumani 1:19). Barra minn hekk Alla għoġbu wkoll jurina lilu nnifsu b’mod speċjali permezz tal-Kelma miktuba. Fl-Iskrittura Mqaddsa, Alla fetaħ qalbu mal-bniedem. L-għarfien personali t’Alla jista’ jseħħ biss permezz ta’ Kristu, il-medjatur u l-feddej, li fuqu titkellem l-Iskrittura. Kristu jħabbeb il-bniedem m’Alla billi jneħħi minn nofs id-dnub, il-kawża ta’ l-aljenazzjoni u l-firda, u jgħarrafna lill-Missier. “Ħadd ma jaf lill-Missier, ħlief l-Iben, u dak li l-Iben irid jgħarrafulu” (Mattew 11:27). Telqu ‘l Alla Mill-bidu tal-ħolqien il-bniedem kien jaf ‘l Alla, iżda ma mexiex skond dan l-għerf. Irribella u dineb kontrih. Id-dnub kellu effett traġiku fuq ir-relazzjoni mal-Ħallieq. Meta dinbu, Adam u Eva saru konxji mill-għera tagħhom, stħaw u staħbew mill-preżenza t’Alla. Uliedhom għadhom sal-lum jaħarbu minnu. “Kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u lanqas jiġi lejn id-dawl” (Ġwanni 3:20). Għalkemm permezz tal-ħolqien u l-kuxjenza l-bnedmin “għarfu ‘l Alla”, traġikament “ma gglorifikawhx bħala Alla, u lanqas ma raddew ħajr; iżda saru fiergħa fi ħsibijiethom, u qalbhom bla dehen iddallmet... biddlu s-sewwa t’Alla f’gidba, u qiemu u qdew il-ħlieqa iżjed mill-Ħallieq” (Rumani 1:18ff.). Matul l-istorja, ir-reliġjon ma evolvitx għall-aħjar, imma ddiġenerat f'kull forma ta’ idolatrija. Beda tajjeb il-bniedem, kompla ħażin, u mill-ħażin ikompli jmur għall-agħar. Il-bniedem jiċħad ‘l Alla veru b’diversi filosofiji. Il-panteiżmu (kollox hu alla; alla hu kollox) tar-reliġjonijiet orjentali iħallat il-Ħallieq mal-ħolqien bħallikieku huma ħaġa waħda. Alla veru huwa distint mill-ħolqien; kien qablu; hu l-kawża tiegħu, u jiggverna fuqu. Id-deiżmu jsostni li wara li ħalaq l-univers, Alla ħallih jiffunzjona waħdu skond il-liġijiet tan-natura u bl-ebda mod ma jindaħal fih. Alla huwa assenti u għalxejn infittxuh! Imma l-Iskrittura tgħallem li Alla għadu jieħu ħsieb il-ħolqien tant li lanqas għasfur ma’ jaqa’ jekk mhux bir-rieda tiegħu. Il-politeiżmu (twemmin f’ħafna allat) jikkontradixxi l-ewwel kmandament: “Ma jkollokx allat oħra quddiemi.” L-idea li kull reliġjon hi valida tista’ titqies bħala forma ta’ politeiżmu. Fl-aħħarnett, l-ateiżmu jiċħad l-istess eżistenza t’Alla. L-Ispirtu t’Alla biss jista’ jeħles il-bniedem mill-konfużjoni u d-dlam. L-ewwelnett il-Kristjan jemmen fl-eżistenza t’Alla -- “jemmen li Alla hu” (Lhud 11:6). Jiċħad l-allat taparsi -- “Nafu li l-idolu mhu xejn fid-dinja, u li m’hemmx ħlief Alla wieħed” (1 Korintin 8:4). Jagħraf ukoll li Alla hu distint mill-ħolqien u jaħkem fuqu: “Alla li għamel id-dinja u l-ħwejjeġ kollha li fiha... hu Sid is-sema u l-art.” Fl-istess ħin jaf li Alla “mhux bogħod minn kull wieħed minna” (Atti 17:24, 27) għax jesperjenza il-ħlewwa tal-komunjoni miegħu. Weħidna ma naslu qatt biex nagħrfu ‘l Alla fis-sewwa. Il-bniedem ivvinta ħafna allat u reliġjonijiet, imma waħdu qatt ma sab ‘l Alla veru. Rivelazzjoni Lil Alla nistgħu nagħrfuh biss għax hu għoġbu jgħarrafna lilu nnifsu. Il-kunċett li Alla wera lilu nnifsu lill-bniedem jissejjaħ “Rivelazzjoni.” Matul l-istorja, Alla kellem lill-bnedmin permezz tal-profeti u l-appostli. Mosè, Isaija u l-profeti l-oħra tkellmu f’isem Alla: “Hekk jgħid il-Mulej!” L-appostlu Pietru kiteb: “Qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-rieda tal-bnedmin; imma, meta l-bnedmin tkellmu f’isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu” (2 Pietru 1:21). Il-mirakli li wettqu jixhdu li huma tassew l-vuċi t’Alla fuq l-art. Ir-rivelazzjoni t’Alla laħqet il-quċċata tagħha f’Ibnu Ġesù Kristu. Alla “kellimna permezz ta’ Ibnu” (Lhud 1:2). Hu l-Kelma t’Alla, ix-xbieha perfetta tiegħu, il-verità! Ir-rivelazzjoni t’Alla ngħatat sħiħa u perfetta, għalhekk il-Kristjani għandhom jissieltu għall-fidi mogħtija lilhom darba għal dejjem (Ġuda 1:3), mingħajr ma jistennew rivelazzjonijiet ġodda. Ispirazzjoni Aħna qed ngħixu sekli twal wara l-profeti, Ġesù u l-appostli tiegħu. Kif mela nistgħu nkunu nafu x’qalu tant snin ilu? Alla ħaseb li jniżżel il-Kelma tiegħu bl-iswed fuq l-abjad fil-paġni ta’ l-Iskrittura (“skrittura” tfisser kitba). Għalkemm Mosè u Pawlu t-tnejn mejtin, it-tagħlim tagħhom għadu magħna fil-kitbiet li ħallew warajhom, u għalkemm Ġesù tela’ s-sema, nistgħu nitgħallmu x’qal u x’għamel fil-paġni tal-Vanġelu. Il-Bibbja għandha żewġ awturi. Miktuba mill-bnedmin (Mosè, Isaija, Luqa, Mattew u l-bqija); fl-istess ħin miktuba minn Alla, għax l-Ispirtu s-Santu gwidahom biex jiktbu dak li ried Hu. “L-Iskrittura kollha hi mogħtija bl-ispirazzjoni t’Alla” (2 Timotju 3:16). Il-Bibbja hi n-nifs ("spirazzjoni") t’Alla, il-kelma mitkellma minn fommu. Ladarba l-Bibbja hi l-Kelma ta’ Min jaf kollox, għandu jkollna fiduċja sħiħa fit-tagħlim tagħha, u ladarba hi l-Kelma ta’ Sidna, aħna obbligati nemmnuha u nobduha mill-qalb. Illuminazzjoni Alla kkomunika mal-bnedmin bil-lingwa umana. Il-Bibbja mhix ktieb misterjuż; lanqas mhi indirizzata lill-għorrief u t-teologi, imma lill-poplu kollu t’Alla. L-epistoli ta’ Pawlu, Pietru, Ġakbu u Ġwanni huma miktubin lill-Kristjani kollha. “Bil-qawwa kollha nitlobkom f’ġieħ il-Mulej li taqraw din l-ittra lill-aħwa kollha,” ordna l-appostlu Pawlu fi tmiem l-ittra tiegħu (1 Tessalonkin 5:27). Xi skop kien ikun hemm li l-ittra tinqara lil kulħadd jekk kienet tqila wisq biex jifhmuha? Alla tkellem fl-Iskrittura biex ikun mifhum. L-Iskrittura “tgħallem lil min ma jafx” (Salm 19:8). L-Iskrittura tiftiehem imma lanqas mhi faċli. L-appostlu Pietru jwissina li l-ittri ta’ Pawlu u l-bqija ta’ l-Iskrittura “fihom ħwejjeġ tqal biex wieħed jifhimhom.” Iwissina wkoll li “dawk li ma jifhmux u li m’humiex sħaħ biżżejjed ifissruhom ħażin għat-telfien tagħhom stess” (2 Pietru 3:16). Pietru mhux jiskoraġġina milli niftħu u nistudjaw l-Iskrittura; iwissina biss kontra l-prużunzjoni u t-traskuraġni. L-istess Pietru jħeġġigna nfittxu l-Kelma t’Alla kif tarbija tat-twelid tixxenaq għall-ħalib safi (1 Pietru 1:22, 23). L-Iskrittura ma tifhimhiex jekk tħalliha fuq l-ixkaffa. Lanqas tiggwadanja minnha jekk taqraha b’attitudni ta’ kburija, bħal donnok tifhem aktar mill-Awtur tagħha, jew bil-ħsieb li tgħawweġ it-tifsira tagħha biex tiġġustifika t-twemmin tiegħek. Tifhimha jekk taqraha u timmedita fuqha b’umiltà, bil-fidi, b’ubbidjenza u bl-intenzjoni li dejjem issebbaħ lill-Mulej Ġesù Kristu. L-Ispirtu s-Santu, l-Awtur tal-Bibbja, jagħtik id-dawl (illuminazzjoni) biex tagħraf Kelmtu. “Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura” (Luqa 24:45; ara wkoll 1 Korintin 2:12, 14). Kristu u l-Bibbja Ġesù kellu stima għolja ħafna ta’ l-Iskrittura. Wara l-magħmudija, meta kien mġarrab minn Satana, id-difiża tiegħu kienet: “Hu miktub... terġa’ hu miktub... għax hu miktub” (Mattew 3:3; 4:4, 7, 10). Fid-diskors fuq il-muntanja, Ġesù ma biddel xejn mit-tagħlim tat-Testment il-Qadim, biss saffih mit-tifsira żbaljata u ż-żieda tar-rabbin. “La taħsbux li ġejt biex neqred il-liġi, jew il-profeti: jien ma ġejtx biex neqred iżda biex inwettaq. Għax tassew ngħidilkom: sakemm jgħaddu s-sema u l-art, jota waħda jew nitfa waħda ma titneħħiex mil-liġi, sama jseħħ kollox” (Mattew 5:17, 18). Meta staqsewh fuq id-divorżju, weġibhom: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara.” Meta ried jgħallimhom fuqu nnifsu, ikkwota mis-Salmi u qalilhom: “David, imnebbaħ mill-Ispirtu, isejjaħlu Sidu...” Meta ried jikkoreġi lis-Sudduċej qalilhom; “Kemm sejrin żball għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa t’Alla,” u rreferihom għall-ktieb ta’ l-Esodu. Lil-Lhud li akkużawh b’dagħwa għax saħaq li hu Bin Alla, Ġesù weġibhom mill-Iskrittura: “Fil-liġi tagħkom ma hemmx miktub? L-Iskrittura ma tistax titħassar.” Biex jgħallem lid-dixxipli t-tifsira tal-mewt tiegħu, “beda minn Mosè u l-profeti kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu” (Mattew 19:4; 22: 41ff; 22:29ff; Ġwanni10:34, 35; Luqa 24:27). Lil-Lhud ta’ żmienu Ġesù qalilhom, “Ma qrajtux dak li qalilkom Alla” (Mattew 22:31) u kkwotalhom silta mill-Iskrittura, preċiżament mill-ktieb ta’ l-Esodu. Għalkemm miktuba mijiet ta’ snin qabel, dik l-iskrittura kienet relevanti għalihom u attwali għal żmienhom. Ġesù ma qalilhomx, “Dak li qal Alla lil Mosè” imma “Dak li qalikom Alla”! Alla jkellem lil poplu tiegħu fil-preżent permezz tal-Kelma miktuba. Fl-Iskrittura ma naqrawx l-opinjoni ta’ bniedem; imma nisimgħu l-vuċi t’Alla għalina illum. Li tgħid l-Iskrittura u li jgħid Alla huma l-istess ħaġa. Għalhekk awtorità ogħla mill-Iskrittura ma jistax ikun hemm, daqskemm ma jistax ikun hemm awtorità ogħla minn Alla. Il-Mulej Ġesù kien iqis l-Iskrittura bħala l-Kelma żgura, awtentika u awtorevoli t’Alla. Id-dixxipli ta’ Kristu għandu jkollhom l-istess attitudni ta’ rispett lejn l-Bibbja Mqaddsa biex jitgħallmu minnha u jimxu fid-dawl tagħha; fi kliem ieħor, biex jitgħallmu minn Alla u jgħixu skond ir-rieda tiegħu. Bil-frażi Latina Sola Scriptura (l-Iskrittura Biss) irridu nfissru li l-Bibbja hi l-unika regola infallibbli għall-Kristjani. L-Iskrittura hi r-regola, jew il-gwida, li tgħallimna x’għandna nemmnu u kif għandna ngħixu f’relazzjoni sewwa m’Alla. Infallibbli (ma tistax tiżbalja) għax l-Iskrittura hi mogħtija b’ispirazzjoni minn Alla; il-Kelma ħierġa minn fomm il-Mulej. Ta’ min joqgħod fuqha għax l-Awtur tagħha, Alla għaref u fidil, la jiżbalja u lanqas jigdeb. Hi l-unika regola għax it-tagħlim ta’ l-Iskrittura hu biżżejjed nagħrfu kif insalvaw u ngħixu ħajja li togħġob ‘l Alla. M’hemmx informazzjoni oħra neċessarja għas-salvazzjoni nieqsa mill-Bibbja u li għandna nfittxu band’ oħra. “L-Iskrittura Mqaddsa tista’ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi, li hi fi Kristu Ġesù. L-Iskrittura kollha hi mogħtija b’ispirazzjoni minn Alla, u tiswa’ għat-tagħlim, għaċ-ċanfir, għat-twiddib, għat-taħriġ fil-ħaqq, biex il-bniedem t’Alla jkun perfett, imrawwem għal kull għemil tajjeb” (2 Timotju 3:15-17). Irridu ngħidu wkoll x’ma rridux infissru b’Sola Scriptura, għax din id-duttrina hi sikwit mifhuma u mfissra ħażin. Il-Bibbja ma tinkludix dak kollu li għamel u għallem Ġesù. Fi tmiem l-evanġelju, Ġwanni jammetti li hemm ħafna ħwejjeġ li ma kitibx (Ġwanni 21:25). Madankollu l-kwistjoni mhix jekk għandniex kull informazzjoni fuq Kristu (wara kollox lanqas it-tradizzjoni ma twasslilna tagħrif sħiħ!), imma jekk dak li hemm miktub hux suffiċjenti biex nagħrfu r-rieda t’Alla. Ġwanni jassigurana li hu biżżejjed avolja ma kitibx kull ħaġa (Ġwanni 20:30, 31). L-Iskrittura Mqaddsa “tista’ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni.” Biex nissodisfa l-għatx m’għandix bżonn l-ilma kollu; biżżejjed għalija tazza jew tnejn. Alla ma għarrafniex kollox, għarrafna biżżejjed biex jissodisfa ruħna. Lanqas irridu ngħidu li Alla kellem lill-bniedem bil-Kelma miktuba biss. Waqt li kien qed jirrivela l-pjan tas-salvazzjoni, Alla tkellem b’ħafna mezzi bil-profeti u l-appostli, u b’fomm Ibnu stess. Fl-istess waqt l-Ispirtu t’Alla mexxa nies qaddisa biex jiktbu preċiż l-messaġġ li Hu ried jibqa’ għall-ġenerazzjonijiet ta’ wara. Illum m’hawnx aktar appostli u profeti, u Kristu tela’ lura s-sema; jibqagħlna biss il-Kelma miktuba. Sola Scriptura ma tiċħadx l-awtorità tal-knisja li tgħallem ir-rivelazzjoni t’Alla. Il-mexxejja fil-knisja huma l-għotja t’Alla għalina biex jgħinuna nifhmu u napplikaw il-Kelma. Iblah u fqir minn iwarrab l-għotjiet t’Alla u jiżola ruħu mill-bqija tal-knisja preżenti u ta’ l-imgħoddi. Inżidu ngħidu li l-mexxejja għandhom ikunu suġġetti għall-Kelma. Xogħolhom iżżommu safja l-Kelma t’Alla, mhux jivvintaw regoli u duttrini ġodda. Lanqas niċħdu kull tradizzjoni. Il-knisja ta’ Kristu ma tistax tikber u tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra mingħajr it-tradizzjoni. Il-kelma “tradizzjoni” sempliċiment tfisser tagħlim mgħoddi minn persuna għal oħra. Għalhekk l-appostlu jgħid lill-Kristjani, “Ħuti, żommu sħiħ, u żommu t-tagħlim (it-tradizzjonijiet) li tgħallimtu, sew bil-kliem, u kemm bl-ittri tagħna” (2 Tessalonkin 2:15). Il-fidi Kristjana tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra bit-tagħlim ta’ nies fidili għall-messaġġ appostoliku (2 Timotju 2:2). Nemmnu fit-tradizzjoni, jiġifieri li l-messaġġ ta’ Kristu għandu jkun mxandar bil-fomm u bil-kitba; imma ma nemmnux f’kull tradizzjoni, għax mhux kull tagħlim jaqbel jew joriġina fil-Kelma t’Alla. Fl-aħħarnett, b’Sola Scriptura m’aħniex ngħidu li l-Bibbja se tkun mifhuma dejjem tajjeb, u allura awtomatikament se jkun hawn unità sħiħa bejn l-Kristjani. Kristu tkellem ċar u xorta ma fehmuhx. L-Iskrittura hi ċara biżżejjed iżda minħabba l-għażż, l-injoranza, l-preġudizzji u d-dnub tagħna jinbtu fost l-aħwa ħafna ideat żbaljati. It-tort tagħna, mhux tal-Bibbja. l-Ogħla Awtorità Il-Kristjani jimxu wara r-Ragħaj tagħhom, u wara rgħajja oħra ma jmorrux. Jemmnu li l-Bibbja hi l-Kelma tal-Mulej, u għalhekk iqisuha bħala l-ogħla awtorità għalihom. Imma għalfejn ninsistu fuq l-Iskrittura biss? Jista’ jkun li r-rivelazzjoni t’Alla tasal għandna b’mezzi oħra? Le, għax l-Iskrittura tgħallimna li fiż-żmien t’issa m’hemm xejn ħlief l-Iskrittura li tista’ titqies bħala l-Kelma ispirata t’Alla, waqt li tiċħad it-tradizzjoni u l-maġisteru bħala regoli infallibbli tal-fidi. Nibdew bit-tradizzjoni. Alla kellem lil poplu tiegħu Iżrael b’Mosè u l-profeti. Il-ġenerazzjonijiet ta’ wara kellhom il-Liġi u l-profeti fl-Iskrittura; ma kienx hemm xi tagħlim divin ieħor li kellu jgħaddi bit-tradizzjoni. Dan nafuh minn Kristu, li ċanfar bis-sħiħ lil-Lhud għax żiedu t-tagħlim tat-tradizzjoni mal-Kelma miktuba (Mark 7:1-13). Alla ma jilqax ir-reliġjon msejjsa fuq t-tagħlim tal-Bibbja u t-tradizzjoni, għax ta’ l-aħħar iġġib fix-xejn il-Kelma t’Alla. L-iżball tal-Lhud qed jiġi ripetut fil-knisja Kattolika, li tagħti l-istess valur lit-tradizzjoni daqs l-Iskrittura. B’hekk tiġġustifika l-qima ta’ l-istatwi, sawm u festi obbligatorji, iċ-ċelibat, it-tkomplija tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, il-qrar ma’ saċerdot, id-dommi ta’ l-Immakulata u l-Assunzjoni, il-penitenzi bi tpattija għad-dnub, il-purgatorju, il-primat ta’ l-isqof ta’ Ruma, u l-bqija -- li mhux biss huma neqsin mill-Bibbja, imma sikwit jikkontradixxuha. Xi ngħidu għall-maġisteru (l-għalliema)? Huma infallibbli? L-isqfijiet, li xogħolhom huwa li jgħallmu l-Kelma t’Alla, jistgħu jiżbaljaw. “Ħuti, la tkunux ħafna għalliema, meta tafu li aħna jkollna kundanna akbar. Għax f’ħafna ħwejjeġ noqsu lkoll” (Ġakbu 3:1, 2). Il-Bibbja twissi d-dixxipli ordinarji biex inġarrbu kollox u nżommu sħiħ dak li hu tajjeb (1 Tessalonkin 5:21). Nagħmlu sew nimxu fuq il-passi tad-dixxipli f’Berea. Huma mhux biss laqgħu l-kelma mxandra lilhom, imma fittxew kuljum l-Iskrittura biex jikkonfermaw dak li semgħu (Atti 17:11). It-tagħlim tal-knisja huwa awtorevoli sakemm jaqbel mal-Kelma t’Alla, u għalhekk l-awtorità tal-maġisteru taqa’ taħt l-awtorità ta’ l-Iskrittura. Il-Kristjani m’għandhomx jissottomettu ruħhom b’għajnejhom magħluqa għal xi mexxej jew grupp ta’ mexxejja li jesiġu awtorità assoluta. Il-Kristjani fi dmir iqisu kull tagħlim u kull għalliem, kif qalilna Kristu. L-għalliem jingħaraf minn tagħlimu bħalma siġra tingħaraf mill-frott tagħha. Jekk wieħed jgħid li hu ministru ta’ Kristu, filwaqt li tagħlimu jikkontradixxi jew iżid ma’ l-Iskrittura, huwa giddieb u qarrieq (Dewteronomju 13:1-4; Isaija 8:20; Proverbji 30:5, 6). Fil-qosor, il-Bibbja hi l-Kelma t’Alla, ir-regola infallibbli u l-ogħla awtorità. Kristu kien iqis l-Iskrittura l-Kelma infallibbli u awtorevoli t’Alla. Ċaħad it-tradizzjoni bħala għajn oħra ta’ rivelazzjoni; hu wera wkoll li l-għalliema reliġjużi jistgħu jiżbaljaw. Id-dixxipli tiegħu għandu jkollhom l-istess attitudni. Nemmnu fis-suffiċjenza tal-Bibbja għax il-messaġġ tagħha jgħallimna min hu Alla, min aħna, jikxef id-dnub u jwassalna għas-salvazzjoni bil-fidi fi Kristu. Il-liġijiet tagħha jdawwluna t-triq; il-wegħdiet tagħha jinkoraġġuna biex nibqgħu sejrin minkejja kollox sakemm niltaqgħu ma’ Sidna. Alla wera lilu nnifsu bl-ismijiet u l-attributi tiegħu. L-Ismijiet Divini L-ismijiet u t-titli li bihom Alla sejjaħ lilu nnifsu juru diversi aspetti tal-karattru tiegħu. Fit-Testment il-Qadim Alla jissejjaħ El jew Elohim (tradotta Alla) għal madwar 2500 darba. It-titlu Alla juri l-qawwa tiegħu. Elohim hi l-plural ta’ El; madankollu Elohim jieħu verbi fis-singular għax Alla hu wieħed. Il-qawwa t’Alla tidher fil-ħidma tiegħu fil-ħolqien ta’ kollox (Ġenesi 1:1); fil-ħakma tiegħu fuq id-dinja kollha (Isaija 54:5); fl-għemejjel kbar ma’ Iżrael (Dewteronomju 8:14; Salm 68:7) u fil-ġudizzju (Salm 50:6). El tingħaqad ma’ titli oħra. El-Shaddai jjssemma l-aktar fi żmien il-patrijarki (Ġenesi 17:1) u jfisser “Alla li jista’ kollox.” El-Elyon tfisser “Alla l-ogħla” (Ġenesi 14:19). Adonai tfisser ħakem, sid, mulej (Ġenesi 19:2; 40:1; 1 Samwel 1:15). It-titlu Mulej jesprimi il-possessjoni u l-awtorità t’Alla fuq il-bniedem. L-isem Jaħwe (YHWH, tradott il-Mulej) jintuża aktar minn 5,000 darba fit-Testment il-Qadim. Kien magħruf sa mill-bidu (Ġenesi 4:10), iżda t-tifsira tiegħu kienet mgħarrfa partikolarment lil Mosè (Esodu 3:14; 6:3). L-isem ifisser “Jien hu”; juri li Alla eternament jeżisti fih innifsu. Jaħwe kien l-isem li Alla għarraf lilu nnifsu lill-poplu tiegħu Iżrael. Wara l-eżilju l-Lhud ma baqgħux jippronunzjaw l-isem. Għalkemm l-vokali oriġinali ma nafuhomx, wisq probabbli kien jinstema’ Jaħwe. Jaħwe jingħaqad ma’ titli oħra: Jahwe-Elohim, il-Mulej Alla (Ġenesi 2:7); il-Mulej jipprovdi (Ġenesi 22:14); il-Mulej ifejjaq (Esodu 15:26); il-Mulej iqaddes (Levitiku 20:8); il-Mulej tas-sliem (Imħallfin 6:24) u il-Mulej ta’ l-eżerċti (Isaija 1:24). Fit-Testment il-Ġdid, l-aktar żewġ titli komuni huma Alla, (bil-Grieg, Theos, l-ekwivalenti ta’ Elohim bl-Ebrajk), tintuża speċjalment għall-Missier; u Mulej (bil-Grieg, Kurios, l-ekwivalenti ta’ Adonaj u Jaħwe bl-Ebrajk), tintuża speċjalment għall-Iben. L-isem Jaħwe huwa trodott Mulej, skond l-eżempju tal-kittieba tat-Testment il-Ġdid. Ngħidu aħna, il-profeta Ġoel kiteb, “U jiġri, li kull min isemmi isem il-Mulej (Jahwe) ikun meħlus” (Ġoel 2:32); l-appostlu Pawlu kkwota dan il-vers u applikah għal Ġesù. “Għax kull min isejjaħ isem il-Mulej (Kurios) ikun salvat” (Rumani 10:13). Li tagħraf l-isem t’Alla ifisser li tagħraf ‘l Alla kif wera lilu nnifsu (u mhux sempliċiment il-pronunzja tal-kelma). Meta tfaħħar ismu tkun tfaħħar ‘l Alla; meta tiddiżonora ismu tkun tiddiżonara lilu. Mhux ta’ b’xejn jikkmandana: “La ssemmix isem il-Mulej, Alla tiegħek, fil-batal; għax il-Mulej ma jħallix bla kastig li min isemmi ismu fil-batal” (Esodu 20:7). Għall-kuntrarju, il-maħbubin t’Alla ifittxu it-tifħir u l-glorja tiegħu, kif għallimna nitobu Kristu, “Missierna li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek.” L-Attributi Divini L-attributi divini huma l-kwalitajiet u l-karatteristiċi li jiddeskrivu ‘l Alla. Alla huwa personali; mhux sempliċement xi forza jew qawwa impersonali kif jimmaginawh il-panteisti ta’ l-Orjent. Alla jaħseb, jagħżel skond ir-rieda tiegħu, iħobb u jobgħod. Ikellimna u nitkellmu miegħu, u għandu relazzjoni personali mal-bnedmin. Isejjaħ lilu nnifsu “Jien” (Esodu 3:14) u aħna nindirizzawh b’titli familjari bħal “Missierna.” Alla hu spirtu (Ġwanni 4:24), u għalhekk ma jidhirx (Lhud11:27) u m’għandux ġisem materjali bħal tagħna (Luqa 24:39). L-Iskrittura titkellem dwar “l-għajnejn” u “d-dirgħajn” Alla bħala tixbiħa. Alla hu indipendenti; jeżisti minnu nnifsu u m’għandu bżonn ta’ ħadd u ta’ xejn. Il-Missier għandu l-ħajja fih innifsu (Ġwanni 5:26). “Lanqas hu moqdi minn idejn il-bnedmin, bħallikieku jeħtieġ xi ħaġa, ladarba hu jagħti lil kulħadd il-ħajja, u n-nifs, u kollox” (Atti 17:25). Alla ma jinbidilx (immutabbli); għal dejjem l-istess fil-perfezzjonijiet kollha tiegħu. Għerfu la jista’ jiżdied u lanqas jonqos, peress li Alla jaf kollox; il-qawwa tiegħu infinita, la jgħejja u lanqas jista’ jsir aktar qawwi milli hu. “Jien, il-Mulej, ma nitbiddilx” (Malakija 3:6). Alla hu etern u mhux limitat biż-żmien (li hu parti mill-ħolqien). Alla m’għandux bidu jew tmiem. “Qabel ma twieldu l-muntanji, jew qabel int għamilt l-art u d-dinja, minn dejjem għal dejjem, int Alla” (Salm 90:2). Alla hu omnipreżenti; jinsab kullimkien. “Fejn immur bogħod mill-Ispirtu tiegħek? Jew fejn naħrab minn quddiem wiċċek? Jekk nitla’ fis-sema, inti qiegħed hemm; jekk nagħmel soddti fis-saltna ta’ l-imwiet, ara, inti qiegħed hemm” (Salm 139:7, 8). Alla hu omnixjenti; jaf kollox. La jitgħallem u lanqas jinsa xejn. Jaf perfettament lilu nnifsu u l-ħolqien tiegħu. “Magħrufin ‘l Alla huma l-għemejjel kollha tiegħu mill-bidu tad-dinja” (Atti 15:18). Alla jafna perfettament: “O Mulej, int għarbiltni, u għaraftni. Taf meta noqgħod bil-qiegħda, u taf meta nqum; taf ħsibijieti mill-bogħod. Inti tagħraf il-mixi tiegħi, u l-waqfien tiegħi; inti taf tajjeb triqati kollha” (Salm 139:1-3). Alla hu twajjeb. “Għax int, Sidi, twajjeb u lest biex taħfer; u kollok tjieba għal dawk li jsejħulek” (Salm 86:5). “Alla hu mħabba” (1 Ġwanni 4:8). Juri mħabbtu billi jeħles lill-midneb mill-kundanna xierqa tiegħu (ħniena) u jagħtih minflok il-barkiet li ma jistħoqqlux (grazzja). Alla hu qaddis; distint mill-ħlejjaq kollha u eżaltat fuqhom b’majestà infinita. “Qaddis, qaddis, qaddis, hu l-Mulej ta’ l-eżerċti! L-art kollha mimlija bil-glorja tiegħu” (Isaija 6:3). Alla huwa moralment perfett. “Alla hu dawl, u fih m’hemmx dlam” (1 Ġwanni 1:5). Alla hu ġust u rett u jagħmel kollox sew. “Il-Mulej tal-ħaqq fi triqatu kollha” (Salm 145:17). Il-Liġi tiegħu hi l-espressjoni tal-ġustizzja tiegħu. “Il-liġi hi qaddisa, u l-kmandament qaddis, ġust, u tajjeb” (Rumani 7:12). Alla hu fidil. “Mhux bniedem Alla biex jigdeb, jew bin il-bniedem biex jindem (jibdel fehmtu). Jaqaw jgħid u ma jagħmilx? Jew iwiegħed u ma jżommx kelmtu?” (Numri 23:19). Uliedu jserrħu moħħhom li Alla jwettaq il-wiegħdi tiegħu u jwassalhom għall-glorja: “Iwettaqkom ukoll sa l-aħħar, biex tkunu bla ħtija fil-jum ta’ Sidna Ġesù Kristu. Fidil hu Alla, li minnu kontu msejħin fix-xirka t’Ibnu Ġesù Kristu Sidna” (1 Korintin 1:8, 9). Alla hu sovran; għandu ħakma assoluta fuq il-ħolqien kollu. Iwettaq kulma jixtieq u ħadd ma jista’ jġib fix-xejn ir-rieda tiegħu. “Alla jagħmel il-ħwejjeġ kollha skond il-fehma tar-rieda tiegħu stess” (Efesin 1:11). “Is-setgħa tiegħu hi setgħa għal dejjem, u s-saltna tiegħu minn nisel għal nisel; u dawk li jgħammru fuq l-art qishom xejn, u jagħmel kif jogħġbu ma’ l-eżerċtu tas-sema, u fost dawk li jgħammru fuq l-art, u m’hemm ħadd li jista’ jżommlu idu, jew jgħidlu: X’inti tagħmel?” (Danjel 4:34, 35). Alla hu omnipotenti; jista’ kollox u kapaċi jagħmel kulma jrid. “Jien naf li int tista’ tagħmel kollox, u l-ebda ħsieb tiegħek ma jista’ jkun miżmum” (Ġob 42:2). Fih insibu sigurtà assoluta. “Min jgħix fil-kenn ta’ l-Ogħli, jgħammar għad-dell ta’ Dal li jista’ kollox” (Salmi 91:1). Dan hu Alla ħaj u veru! Għax midneb, il-bniedem ma jġerrħux u għalhekk ivvinta “allat” iżgħar skond l-immaġinazzjoni tiegħu. Mhux ta’ b’xejn l-ewwel kmandamnent iwissina: “Ma jkollokx allat oħra quddiemi.” Jalla l-Mulej jagħtina l-grazzja nagħrfuh kif tassew hu fil-glorja u l-qawwa tiegħu. It-tweġiba xierqa tagħna għandha tkun il-biża’ t’Alla, l-imħabba, l-adorazzjoni, l-ubbiddjenza u l-fiduċja sħiħa fih. Il-kelma Trinità (ġejja minn żewg kelmiet Latini, tres, tlieta; u unitas, wieħed) tintuża biex nesprimu veritajiet dwar Alla mgħallma ċar fil-Bibbja. Il-veritajiet ewlenin li jifformaw din id-duttrina huma dawn: Hemm Alla wieħed; Il-Missier hu Alla, l-Iben hu Alla u l-Ispirtu s-Santu hu Alla; Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu huma persuni distinti minn xulxin. Alla Wieħed L-ewwelnett, nemmnu li hemm Alla wieħed. It-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid jgħallmu ċar l-unità t’Alla, kif juru dawn ir-referenzi: “Isma’, o Iżrael: Il-Mulej, Alla tagħna, hu Mulej wieħed!” (Dewteronomju 6:4). “Hekk jgħid il-Mulej, is-Sultan ta’ Iżrael, u l-feddej tiegħek, il-Mulej ta’ l-eżerċti: Jien l-ewwel, u jien l-aħħar; u m’hemmx Alla ieħor għajri” (Isaija 44:6). “Hemm Alla wieħed; u m’hemmx ieħor għajru” (Mark 12:32). Il-pagani jemmnu f’ħafna allat. Saħansitra Satana jitqies bħala “alla ta’ din id-dinja.” Iżda l-Kristjani ma jagħrfux ‘l allat pagani għax jieħdu bis-serjetà l-ewwel kmandament: “Ma jkollokx allat oħra quddiemi” (Esodu 20:3). Il-Kristjani jirrifjutaw il-politeiżmu (twemmin f’ħafna allat) għax “l-allat kollha tal-ġnus huma idoli” - allat foloz (Salm 96:5). L-appostlu Pawlu jikteb: “Għalkemm hemm sew fis-sema u kemm fl-art dawk li jgħidulhom allat; (u hemm ħafna allat u ħafna sidien) imma għalina hemm Alla wieħed (1 Korintin 8:5, 6). Il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu Alla sikwit jissejjaħ Missier. “Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu” (Efesin 1:3). Alla mhux Missier minħabba wliedu maħluqin (l-anġli) jew uliedu adottivi (il-mifdija); iżda hu Missier minħabba l-Iben uniku tiegħu. Alla hu Missier etern, minn qabel ma kienet id-dinja, għaliex kien minn dejjem ma’ Ibnu. Il-Mulej Ġesù talbu: “U issa, o Missier, igglorifikani int bik innifsek bil-glorja li (l-Iben) kelli miegħek qabel ma kienet id-dinja” (Ġwanni 17:5). Ladarba ma jistax ikun Missier mingħajr Iben, min jiċħad li l-Iben hu etern ikun qed jiċħad lill-Missier ukoll. Il-Bibbja tgħallem ċar li l-Iben hu Alla daqs il-Missier. Kull Kristjan iħares lejn Kristu u jistqarr ma’ l-appostlu Tumas: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” (Ġwanni 20:28). Fi studju ieħor naraw kif l-Iskrittura tafferma li Kristu hu Alla peress li ssejjaħlu bl-ismijiet divini, tattribwilu l-kwalitajiet divini u tgħallem li Kristu jwettaq xogħlijiet li Alla biss jista’ jagħmel. Il-qima u l-fiduċja tad-dixxipli fih jikkonfermaw id-Divinità tiegħu. Fi studju ieħor naraw ukoll kif l-Iskrittura tafferma li l-Ispirtu s-Santu huwa persuna Divina għax tagħtih l-ismijiet, l-attributi u l-għemejjel t’Alla. Barra minn hekk l-Iskrittura turi li huwa persuna għax l-Ispirtu għandu l-kwalitajiet personali: jitkellem, jitnikket, iħobb, jagħżel, jibgħat u jgħallem. Persuni Distinti L-Iskrittura ma tgħallimx li l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu huma persuna waħda. Il-Missier mhux l-Iben u mhux l-Ispirtu s-Santu. It-tlett Persuni huma distinti minn xulxin. Alla l-Missier bagħat lil Ibnu; l-Iben ġie biex jagħmel ir-rieda ta’ Missieru. Ċertament mela mhumiex l-istess persuna. Hekk ukoll l-Ispirtu s-Santu mhux il-Missier u lanqas l-Iben. Ġesù qal: “L-Avukat, li hu l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, hu jgħallimkom kollox u jfakkarkom kulma għidtilkom” (Ġwanni 14:26). Innota t-tlett persuni tat-Trinità: il-Missier jibgħat l-Ispirtu s-Santu, u l-Ispirtu s-Santu jgħallimna dwar l-Iben. Ġesù qal ukoll: “Jien nitlob ‘il Missier, u hu jagħtikom Avukat ieħor, biex jibqa’ magħkom għal dejjem” (Ġwanni 14:16). Id-distinzjoni bejn it-tlett persuni tidher ċar. Definizzjoni Għalkemm il-veritajiet dwar Alla li jifformaw id-duttrina tat-Trinità mhumiex diffiċli biex tifhimhom waħda waħda, huwa diffiċli ferm tifhem kif tlett Persuni huma Alla wieħed. Matul l-ewwel sekli l-knisja tħabtet biex tagħti definizzjoni korretta tar-relazzjoni bejn it-tlett Persuni filwaqt li żżomm sħiħ l-unità t’Alla fl-isfond ta’ ideat eretiċi li qamu fl-ewwel sekli. Fil-kredu Atanasjan naqraw: “Issa l-fidi Kattolika hi din: inqimu Alla wieħed fi trinità, u trinità f’unità; bla ma nħawwdu l-Persuni, jew nisseparaw is-sustanza. Għax il-Persuna tal-Missier waħda, ta’ l-Iben oħra, u ta’ l-Ispirtu s-Santu oħra. Iżda tal-Missier, ta’ l-Iben, u ta’ l-Ispirtu s-Santu hemm divinità waħda, glorja ugwali u majestà ko-eterna.” M’hemm ebda analoġija jew tixbiħa korretta tat-Trinità. “Lil min ixxebbħuh ‘l Alla? jew liema xbieha tqabblu miegħu?” (Isaija 40:18). Kull analoġija jew xbieha t’Alla tagħti stampa distorta tiegħu. Il-Kristjani ma jemmnux fit-Trinità għax kapaċi jispjegaw ‘l Alla imma għax konvinti li l-Bibbja tgħallem sew l-unità kif ukoll id-divinità u d-distinzjoni tat-tlett Persuni. It-Trinità u s-Salvazzjoni L-għarfien ta’ Alla Trinità huwa marbut fil-qrib ma’ l-esperjenza tas-salvazzjoni. Il-Kristjani jemmnu li huma “maħturin skond l-għarfa minn qabel t’Alla l-Missier, bit-taqdis ta’ l-Ispirtu, biex jisimgħu minn Ġesù Kristu u jitraxxu b’demmu” (1 Pietru 1:2). Għalhekk jitgħammdu “fl-isem tal-Missier, u ta’ l-Iben, u ta’ l-Ispirtu s-Santu” (Mattew 28:19). Ma jitgħammdux fi tlett ismijiet, iżda fl-isem wieħed t’Alla. Fl-istess waqt jagħrfu li dan Alla wieħed huwa l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Iqimu Alla wieħed, u mingħand it-tlett Persuni jistennew kull barka spiritwali: “Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, u l-imħabba t’Alla, u x-xirka ta’ l-Ispirtu s-Santu” (2 Korintin 13:14). Min jiċħad id-divinità ta’ Kristu ma jistax isejjaħlu Mulej u Salvatur, għax hemm Mulej wieħed, Alla l-Imbierek, u hemm Salvatur wieħed, “Jien, iva jien, jien il-Mulej; u għajri m’hemmx salvatur” (Isaija 43:11). Min jiċħad id-divinità ta’ Kristu ma jafx ‘l Alla għax il-glorja t’Alla tingħaraf biss f’wiċċ Kristu. “Kieku kontu tafu lili,” iwissi l-Mulej Ġesù, “tafu wkoll lil Missier” (Ġwanni 8:19). Mhux għaġeb li l-istess eretiku ma jagħrafx l-Ispirtu s-Santu. Il-Mulej Ġesù qal dwar l-Ispirtu: “Id-dinja ma tistax tilqgħu, għax la tarah, u lanqas tafu.” Iżda lid-dixxipli qalilhom: “iżda intom tafuh” (Ġwanni 14:17). Ma rridx ngħid li kull min għandu għarfien intellettwali tad-duttrina tat-Trinità hu tassew Kristjan. Mill-banda l-oħra, Kristjan ġenwin jingħaraf mill-qima u l-imħabba lejn Alla l-Missier, il-fiduċja fil-Mulej Ġesù Kristu, u l-qdusija li jaħdem fih l-Ispirtu s-Santu. Mill-eternità Alla kellu għan speċifiku u għalhekk ippjana, iddetermina u ffissa kulma kellu jseħħ. Fit-teologija dan il-pjan jissejjaħ “id-digriet” jew “id-digrieti” t’Alla. L-Iskrittura tirreferi għall-għan ta’ dak li jagħmel il-ħwejjeġ kollha skond il-fehma tar-rieda tiegħu stess (Efesin 1:11). Kulma qiegħed iseħħ huwa t-twettiq tal-pjan t’Alla. Il-Pjan t’Alla Il-pjan t’Alla hu fiss u etern u ma jiddependix fuq l-għażliet tal-bniedem matul iż-żmien. L-Iskrittura ssejjaħlu “il-pjan etern” (Efesin 3:11) u għalhekk ma jistax jinbidel; altrimenti ma jkunx etern. L-Isktrittura tinsisti li l-fehma t’Alla ma tinbidilx: “Il-fehma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem, u l-ħsibijiet ta’ qalbu minn żmien għal żmien” (Salmi 33:11; Ġob 23:13). L-istorja tal-bniedem hi l-istorja li Alla kiteb fl-eternità. Alla “qassam iż-żminijet tal-bnedmin imwaqqtin minn qabel, u t-truf ta’ l-art fejn jgħammru” (Atti 17:26). David jistqarr: “Fil-ktieb tiegħek kienu kollha miktuba l-jiem iddestinati għalija, meta ebda wieħed ma kien għad hemm” (Salm 139:16). Ir-ribelljoni tal-ħlejjaq, inkluż l-agħar tixwix, iseħħ “għax dak li hu maqtugħ għandu jsir” (Danjel 11:36). Il-mewt ta’ Kristu seħħet skond “il-fehma li ma titbiddilx u l-għerf minn qabel t’Alla” u saħansitra l-azzjonijiet ta’ dawk li kkundannawh u sallbuh kienu “kulma idejk u l-fehma tiegħek qatgħu minn qabel li għanu jsir” (Atti 2:23; 4:28). Il-mifdija jisqarru li Alla “għażilna fi Kristu qabel il-ħolqien tad-dinja.” Saħansitra l-opri tajba tagħna “Alla ħejja minn qabel biex nimxu fihom” (Efesin 1:4; 2:10). Dawk li ma jemmnux “għal dan ukoll huma kienu iddestinati.” Il-mitlufa huma “imħejjijin għall-qerda” għax “il-Mulej għamel kollox għalih; iva, imqar il-ħażin għal jum il-qilla.” Hekk ukoll il-mifdija “hu ħejja minn qabel għall-glorja” (1 Pietru 2:8; Rumani 9:22; Proverbji 16:4; Rumani 9:23). Il-Providenza Alla jwettaq il-pjan tiegħu fix-xogħol tal-ħolqien u fix-xogħol msejjaħ “il-providenza.” Ix-xogħol tal-ħolqien huwa mitmum. Fil-providenza Alla kien, għadu u jibqa’ jaħdem fl-univers. “Fis-seba’ jum Alla temm xogħlu li kien għamel.” Dan l-istess Alla, jgħarrafna l-Mulej Ġesù, “għadu jaħdem s’issa” (Ġenesi 2:1, 2; Ġwanni 5:6, 17). Il-providenza hi x-xogħol t’Alla li bih jippriżerva l-ħolqien kollu; huwa attiv f’kull ma jseħħ fl-univers, u jidderieġi l-ħwejjeġ kollha sa l-għan determinat għalihom. Għalkemm idejn l-Imgħallem ma jidhrux, hu għandu kontroll assolut fuq kollox. “Minnu, u bih, u għalih, huma l-ħwejjeġ kollha: lilu l-glorja għal dejjem. Amen” (Rumani 11:36). Alla jippriżeva l-ħolqien. L-univers għandu eżistenza reali u distinta minn Alla, iżda ma jeżistix minnu nnifsu; l-univers jiddependi kompletament u kontinwament fuq Alla. Hu jżomm u jħares kollox bil-qawwa tiegħu. “Għax aħna fih ngħixu, u nitħarrku, u għandna l-eżistenza tagħna.” Bil-Mulej “il-ħwejjeġ kollha huma miżmumin flimkien.” Il-Mulej “iżomm il-ħwejjeġ kollha bil-kelma tas-setgħa tiegħu” (Atti 17:28; Kolossin 1:17; Lhud 1:3). Alla hu attiv f’kull ma jseħħ fl-univers u għandu kontroll sħiħ ta’ kollox. Għandu kontroll fuq id-dinja fiżika (Ġob 37:6-13); il-bhejjem (Salmi 104:21-27); l-avvenimenti ġenerali tal-bniedem (Isaija 10:12-15); iċ-ċirkostanzi ta’ l-individwu (Proverbji 16:9; 1 Samwel 2:6-8). Saħansitra għandu kontroll fuq ħwejjeġ aċċidentali. “Ix-xorti tintefa fil-ħoġor; iżda min jaqta’ kollox hu l-Mulej” (Proverbji 16:33). Alla jikkontolla wkoll l-azzjonijiet ħielsa tal-bniedem (Esodu 12:36; Salmi 33:14, 15; Proverbji 21:1; 19:21); sew l-azzjonijiet tajba (Filippin 2:13; 4:13; 2 Korintin 12:9, 10; Efesin 2:10; Salmi 119:36; Galatin 5:22-25), kif ukoll l-azzjonijiet midinba (Salmi 76:10; Atti 4:27, 28, 2 Samwel 16:10, Għamos 3:6). Tinbet mistoqsija diffiċli. X’għandu x’jaqsam Alla ġust u qaddis mal-ħażen? X’relazzjoni hemm bejn il-providenza u d-dnub? Il-bniedem hu esseru morali u jieħu deċiżjonijiet skond ir-rieda tiegħu. L-azzjonijiet tal-bniedem huma verament tal-bniedem u għalhekk huwa wkoll responsabbli quddiem Alla tat-tajjeb u tal-ħażen tiegħu. Madankollu Alla hu involut fl-istess deċiżjonijiet u azzjonijiet umani. Ngħidu aħna, l-aħwa ta’ Ġużeppi kienu ħatja ta’ għira u mibgħeda; bir-raġun twerwru meta għarfu lil ħuhom fl-Eġittu. Madankollu Ġużeppi weġibhom: “Ħsibtu intom biex tagħmluli d-deni; iżda Alla riedu għall-ġid, kif dal-jum taraw, li nżomm ħajja ħafna nies” (Ġenesi 50:20). Ġużeppi kien kapaċi jara l-id moħbija tal-providenza. “Intom begħtuni biex inkun meħud l-Eġittu,” qalilhom, imma żied jgħid, “Alla bagħatni qabilkom biex inħares ħajjitkom” (Ġenesi 45:4, 5; Salmi 105:17). L-aħwa kienu kolpevoli; Alla mhux talli hu bla ħtija, anzi dawwar il-ħażen tagħhom għall-ġid. Il-ħażen huwa inkluż fl-għan etern t’Alla u jseħħ bil-providenza tiegħu, u mal-ħwejjeġ l-oħra kollha, jwassal għall-glorja tiegħu. Alla qatt ma jwettaq il-ħażen direttament, qatt mhu ħati ta’ xi ħażen, anzi jikkundannah. Alla jippermetti atti ħżiena permezz ta’ l-għażliet volontarji tal-ħlejjaq morali. Min jidneb hu ħati u kundannabbli; mhux skużat għax Alla ddeterminah minn qabel jew ippermettih. Alla jidderieġi l-ħwejjeġ kollha sa l-għan determinat għalihom. Din il-verità glorjuża sserraħ moħħ ulied Alla għax tiżgurana li t-tmun ta’ ħajjitna, bit-tajjeb u l-ħażin tagħha, hi f’idejn Missierna; ħadd u xejn ma jista’ jġib fix-xejn l-għan tajjeb tiegħu għalina. “Aħna nafu li l-ħwejjeġ kollha jaħdmu flimkien għall-ġid ta’ dawk li jħobbu ‘l Alla; għal dawk li huma msejħin skond il-pjan tiegħu. Għax dawk li kien jaf minn qabel, ukoll iddestinahom minn qabel biex ikun jaqblu max-xbieha ta’ Ibnu…Jekk Alla magħna min jista’ jkun kontra tagħna?” (ara Rumani 8:28-39). Alla ħalaq kollox għall-manifestazzjoni tal-glorja tiegħu. “Int jisħoqqlok, o Mulej, li tilqa’ glorja u ġieħ u setgħa: għax int ħlaqt kollox, u bir-rieda tiegħu saru u nħolqu” (Rivelazzjoni 4:11). Il-fidi Kristjana tafferma l-ewwelnett l-eżistenza f’Alla: “Min jiġi għand Alla jaħtieġ jemmen li Alla hu” (Lhud 11:6). Nemmnu f’Alla etern. “Qabel ma int għamilt l-art u d-dinja, minn dejjem għal dejjem, int Alla” (Salm 90:2). Alla għamel kollox ex nihilo, mix-xejn: “Bil-fidi nifhmu li d-dinjiet saru bil-kelma t’Alla; għalhekk il-ħwejjeġ li jidhru ma sarux minn ħwejjeġ li jidhru” (Lhud 11:3). Alla ħalaq kollox matul sitt ijiem: “F’sitt ijiem il-Mulej għamel is-sema u l-art, il-baħar, u kulma hemm fihom, u strieħ fis-seba’ jum” (Esodu 20:11); u għalkemm issa naraw diżordni, tbatija u mewt, nemmnu li l-ħolqien kien oriġinarjament perfett: “Alla ra kulma għamel, u, ara, kien tajjeb wisq” (Ġenesi 1:31). It-tagħlim tal-Bibbja fuq il-ħolqien jikkontradixxi l-filosofiji foloz li bihom ix-xitan iqarraq bid-dinja. Ikkonsidra biss l-ewwel vers tal-ktieb tal-Ġenesi: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art.” Din is-sentenza tiċħad l-ateiżmu (m’hemmx Alla), għax l-univers kien maħluq minn Alla; tiċħad il-panteiżmu (in-natura hi divina), għax Alla hu distint mill-ħolqien; tiċħad il-politeiżmu (ħafna allat), għax Alla wieħed ħalaq kollox; tiċħad il-materjaliżmu (ir-realtà tikkonsisti biss minn ħwejjeġ u qawwiet materjali), għax Alla kien qabel il-ħolqien; u tiċħad l-umaniżmu (il-bniedem hu sovran u d-destin uman jiddependi fuqu nnifsu), għax Alla, mhux il-bniedem, huwa l-ogħla realtà. It-teorija ta’ l-evoluzzjoni, l-ispjegazzjoni alternattiva ta’ l-eżistenza, hi msejjsa fuq filosofija materjalista (ir-realtà tikkonsisti biss minn ħwejjeġ u qawwiet fiżiċi); għaldaqstant l-evoluzzjonist lanqas biss jista’ jikkonsidra l-possibilità li hemm Ħallieq sopranaturali. Minħabba l-preġudizzju filosofiku, m’għandux għażla għajr li jagħti spjegazzjoni tal-ħolqien u l-ħajja skond il-qawwiet fiżiċi minkejja kull evidenza kuntrarja. Il-problemi ta’ l-evoluzzjoni huma ġganteski. L-univers kellu bidu; għalhekk kien hemm żmien meta ma kienx. Kif jista’ x-xejn isir xi ħaġa? Lanqas nistgħu ngħidu li huwa etern għax l-univers qed “jinħela” (l-enerġija qed issir aktar diżorganizzata – kieku ilu mill-eternità m’għandux jeżisti f’forma organizzata). Barra min hekk, il-ħajja turi sinjali ċari ta’ disinn intelliġenti. Kif jistgħu forzi għomja joħolqu l-mekkaniżmu komplikat tal-pjanti u l-annimali, u speċjalment tal-ġisem u l-moħħ uman? L-evolouzzjoni hi l-pedament tas-socjetà sekulari moderna li warrbet lil Alla fil-genb. Postu ħadu l-bniedem. Il-bniedem modern jirraġuna hekk: “Ladarba kollox seħħ b’mezzi naturali u mhux mill-Hallieq, jien m'għandi responsabbiltà u obbligu lejn ħadd.” Jekk m’hemmx Ħallieq, lanqas hemm Sid. Il-bniedem isir awtonomu, is-sid tiegħu nnifsu. “Dak li hu tajjeb għalija u li jogħġob lili” jieħu post li jrid Alla fil-Liġi tiegħu. Il-mentalità evoluzzjonarja tbaxxi d-dinjità umana għax il-bniedem jitqies bħall-annimali l-ohra. Forsi żviluppat aktar, iva, imma essenzjalment annimal. L-evoluzzjoni teqred is-sinifikat u t-tama ta’ l-eżistenza umana. L-aktar li tista’ toffri hu zvilupp soċjali għall-ġenerazzjonijiet futuri. Imma għall-individwu ma toffri xejn, ħlief ir-ritorn lejn it-trab għar-riċiklaġġ! Għall-Kristjani, il-ħajja umana għandha dinjità u valur dejjiem: il-bniedem kien maħluq fuq xbieha t’Alla biex jagħraf, iħobb u jgawdi lill-Ħallieq tiegħu għal dejjem. Xbieha t’Alla Il-bniedem huwa l-ħolqien speċjali t’Alla għax kien maħluq fuq xbieha tiegħu. “Ħalli nagħmlu l-bniedem fuq xbihietna, u fuq suritna; u ħa jkollhom ħakma fuq il-ħut tal-baħar, fuq it-tjur ta’ l-ajru, u fuq il-bħejjem, u fuq l-art kolla, u fuq kull ħlieqa li titkaxkar fuq l-art. Hekk Alla ħalaq il-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu; fuq ix-xbieħa t’Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (Ġenesi 1:26, 27). Naturalment “ix-xbieha t’Alla” ma tfissirx xebħ fil-forma fiżika (ladarba Alla hu spirtu). Jixbaħ ‘l Alla għax kapaċi jaħseb u jagħmel għażliet morali. Bħal Alla, il-bniedem kien maħluq għaref, ġust u qaddis. Għalkemm id-dnub ħarbat is-sbuħija ta’ dan ix-xebħ, kull bniedem għad fadallu ħjiel tax-xbieha t’Alla fih (Ġakbu 3:9); iżda l-glorja tas-sura t’Alla fih terġa’ tidher biss fix-xogħol ta’ restawrazzjoni li Alla jagħmel f’uliedu. “Il-bniedem il-ġdid, li skond Alla hu maħluq fil-ħaqq u l-qdusija tas-sewwa… mġedded fl-għerf skond ix-xbieha ta’ ma ħalqu” (Efesin 4:24; Kolossin 3:10). Il-bniedem hu kompost minn żewġ elementi: parti materjali u parti spiritwali. “Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab ta’ l-art (il-ġisem, il-parti materjali), u nefaħ f’imnifsejh nifs il-ħajja (l-ispirtu, il-parti mhix materjali); u l-bniedem sar ruħ ħajja” (Ġenesi 2:7). Il-Mulej Ġesù jiddistingwi bejn il-ġisem materjali u r-ruħ spiritwali: “La tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem, u wara dan m’għandhom xejn iżjed x’jistgħu jagħmlu... Ibżgħu minn dak li wara li jkun qatel għandu s-setgħa li jitfa’ fl-infern; iva, ngħidilkom: Ibżgħu minnu” (Luqa 12:4, 5). Kieku konna magħmulin minn ġisem biss, wara li mmutu ħadd ma jista’ jagħmlilna xejn iżjed. Iżda ladarba wara l-mewt Alla jista’ “jitfa’ fl-infern,” jidher ċar li l-mewt mhix il-qerda kompleta tal-bniedem. Il-parti li ma tinqeridx mal-mewt hi r-ruħ, kif qalilna Ġesù f’post ieħor: “La tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem, imma ma jistgħux joqtlu r-ruħ” (Mattew 10:28). It-teorija ta’ l-evoluzzjoni tqis il-bniedem bħala annimal materjali u xejn aktar. Minħabba dan l-iżball fundamentali, il-bniedem modern għalxejn jipprova jsib il-milja fi ħwejjeġ materjali biss. Tassew neħtieġu l-ħobż biex ngħixu, iżda veru wkoll li “l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix.” Il-bniedem hu esseru soċjali. Ma kienx maħluq biex jgħix waħdu. “Mhux tajjeb li l-bniedem ikun waħdu,” qal Alla. Kien mogħti qalb li tħobb; qalb li tixxennaq għall-imħabba. L-ewwel żewġ kmandamenti -- l-imħabba lejn Alla u bnedmin oħra -- jirriflettu n-natura soċjali tagħna. Iż-żwieġ hu l-aktar relazzjoni intima u naturali għax tesprimi l-istess ħolqien tiegħu, “Alla ħalaq il-bniedem… raġel u mara ħalaqhom” (Ġenesi 1:27). Għalkemm qatt ma jitilfu l-personalità individwali, ir-raġel u l-mara jitwaħħdu flimkien. Ir-raġel jingħaqad ma martu u jsiru laħam wieħed; m’humiex iżjed tnejn iżda ġisem wieħed (Ġenesi 2:24; Mattew 19:9). Iż-żwieġ hu riflessjoni ta’ relazzjoni aktar fundamentali, l-għaqda tal-bniedem m’Alla, “Għax aħna membri ta’ ġismu, ta’ laħmu, u ta’ għadmu. Minħabba f’hekk, raġel iħalli lil missieru u lil ommu, u jingħaqad ma martu, u jkunu t-tnejn ġisem wieħed. Dan hu misteru kbir; iżda jien irrid ngħid għal Kristu u l-knisja” (Efesin 5:33). Il-bniedem qatt ma jsib il-milja ta’ l-eżistenza tiegħu jekk mhux f’relazzjoni intima mal-Ħallieq. “Bħalma għażżiela mlebilba għall-ilma ġieri, hekk ruħi mlebilba għalik, o Alla. Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla il-ħaj” (Salm 42:1, 2). Il-bniedem huwa esseru morali u spiritwali. Kien mogħti l-ħsieb, il-kuxjenza u r-rieda biex jagħmel għażliet responsabbli fil-preżenza t’Alla. Hu fid-dmir jonora u jobdi s-Sid tiegħu. Dak kien it-test tal-fedeltà tal-bniedem lejn il-Ħallieq. Il-ferħ jew id-dwejjaq, il-ħajja jew il-mewt, kienu jiddependu fuq dik l-għażla: Jobdi u jgħix; ma jobdix u jmut. Alla hu l-Ħallieq u s-Sultan ta’ l-univers. Ħalaqna u qiegħed jieħu ħsiebna u għalhekk jonqos minna nigglorifikawh f’kollox u nobduh bi gratitudni. Nafu mill-kuxjenza u mill-kmandamenti x’inhu tajjeb u ħażin. Id-dmir ewlieni tagħna hu li nħobbu ‘l Alla b’qalbna kollha, u nħobbu l-proxxmu tagħna. Fil-bidu, meta ħalaq l-ewwel ġenituri tagħna, Adam u Eva, il-Mulej qegħdhom fil-ġnien ta’ Għeden u berikhom. Ħajjithom kienet tiddependi fuq l-ubbidjenza tagħhom. “Il-Mulej Alla ta dal-kmandament lill-bniedem, billi qallu: Minn kull siġra tal-ġnien tista’ tiekol iżda mis-siġra ta’ tagħrif il-ġid u d-deni, la tikolx minnha għax dak in-nhar li tiekol minnha żgur tmut” (Ġenesi 2:16, 17). Ubbidjenza perfetta twassal għall-ħajja u xirka m’Alla; diżubbidjenza ġġib il-mewt u firda. Adam għażel li jkun diżubbidjenti u kiel mill-frotta projbita. Kiser il-kmand t’Alla u għalhekk sar midneb u ħati. Id-dnub t’Adam ġab saħta fuq il-ħolqien kollu li fuqu l-bniedem kien magħmul ħâkem. Peress li Adam hu missier u r-rappreżentant ta’ l-umanità, id-dnub tiegħu hu magħdud lill-bnedmin kollha, kif tgħallem l-Iskrittura: “Bi bniedem wieħed daħal id-dnub fid-dinja; u bid-dnub il-mewt, u hekk laħqet il-mewt il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu... bil-ħtija ta’ wieħed waqgħet il-kundanna fuq il-bnedmin kollha... bin-nuqqas ta’ ubbidjenza ta’ wieħed ħafna saru midinbin” (Rumani 5:12, 18, 19). Il-konsegwenzi tad-dnub oriġinali li naraw kuljum -- il-miżerji, it-tbatija u l-mewt -- huma biss ħjiel tal-kruha u l-gravità tad-dnub. Bil-waqgħa fid-dnub, l-umanità tilfet il-komunjoni m'Alla (Ġenesi 3:8-10, 24), tinsab taħt l-għadab u s-saħta tiegħu (Efesin 2:2, 3), u għalhekk kienet magħmula suġġetta għall-miżerji kollha ta' din il-ħajja, l-mewt (Ġenesi 3:16-19), u għall-pwieni ta’ l-Infern għal dejjem. “Morru min fejni ja misħutin, fin-nar ta’ dejjem” (Mattew 25:41). Adam seta’ jagħmel it-tajjeb u jgħix, imma wara l-waqa’ kulma jagħmel kien imtebba’ bid-dnub. Il-bniedem jieħu deċiżjonijiet skond ir-rieda tiegħu mingħajr ħadd ma jisforzah (f’dan is-sens ir-rieda tal-bniedem hi ħielsa), iżda peress li huwa midneb sa mit-tnissil (Salm 51:5), kulma jagħmel huwa mħassar bid-dnub. F’dan is-sens ir-rieda tal-bniedem mhix ħielsa: jagħżel li jrid, imma jagħżel il-ħażen dejjem għax hu midneb. F’qalb il-bniedem m’hemmx “għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu” (Ġenesi 6:5). Xi għemejjel tal-bniedem jidhru tajbin u ġusti, imma Alla ma jħarisx fuq barra biss. Iħares lejn il-qalb midinba u l-kburija tiegħu. Peress li hu ħażin u ribell kontra Alla, kulma jagħmel il-bniedem mitluf huwa ħażin f’għajnejh. Il-bniedem għandu opinjoni minfuħa tiegħu nnifsu. Minkejja “d-dgħufijiet” u “l-iżbalji” jaħseb li għandu qalb tajba. Iżda l-Kelma t’Alla tisħaq bil-kontra: “Qarrieqa l-qalb aktar minn kollox, u mħassra wkoll” (Ġeremija 17:9). Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn qalb qarrieqa? Tista’ tiġbor tin mix-xewk, jew għeneb mill-għollieq? Daqshekk ieħor jista’ l-bniedem mwieled midneb jipproduċi għemejjel ġusti quddiem Alla. Midneb L-idea popolari li l-bnedem hu essenzjalment tajjeb hi żbaljata. Bl-eċċezzjoni ta’ Ġesù Kristu (Lhud 4:15), il-bnedmin kollha huma midinbin (1 Slaten 8:46; Salmi 143:2; Rumani 3:12; 1 Ġwanni 1:8). Imma kemm hu ħażin il-bniedem? Forsi xorta baqgħalu “rieda ħielsa” tant li jekk irid kapaċi jobdi l-liġi t’Alla, jindem u jemmen fi Kristu? Jew imwieled b’rieda mjassra għad-dnub tant li minn jeddu u bil-ħila tiegħu la jista’ jobdi l-liġi t’Alla u lanqas jista’ jiġi għand Kristu? L-Iskrittura tgħallem li l-bniedem naturali ma jobdix u lanqas jista’ jobdi l-liġi t’Alla: “Il-moħħ tal-ġisem hu għadu t’Alla; għax mhux suġġett għal-liġi t’Alla, u lanqas tassew ma jista’ jkun” (Rumani 8:7). Barra minn hekk, il-bniedem la jfittex ‘l Alla u lanqas jiġi għand Kristu minnu nnifsu: “M’hemm ħadd li jifhem; mhemm ħadd li jfittex ‘l Alla.” Ġesù qal: “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk ma jingħatalux mill-Missier” (Rumani 3:11; Ġwanni 6:65). Il-bniedem naturali hu spiritwalment paralizzat. Fih m’hemm ebda saħħa u rieda tajba; fih m’hemm ebda tama. Irid ikun Alla li jagħtih il-ħajja u l-ħelsien, jekk u meta jogħġob lilu. Imma ladarba Alla jikkmanda lil kull bniedem iħobbu u jemmnu fi Kristu, ma jfissirx allura li l-bniedem jista’ jobdi? Le, bl-ebda mod, għax il-kmandament juri x’inhu sewwa f’għajnejn Alla u l-obbligu tal-bniedem, mhux l-abbiltà tiegħu. It-tajjeb li suppost nagħmlu m’aħniex kapaċi nwettquh. Mhux għax Alla ħalaq il-bniedem ħażin; imma għax il-bniedem dineb, sar ħażin u tilef il-qawwa li kellu fil-bidu. Lanqas ma jbaxxi Alla l-livell tal-liġi divina għax aħna ma nistgħux nilħqu mal-perfezzjoni tagħha. Il-Liġi t’Alla tirrifletti l-qdusija perfetta tiegħu, mhux id-dgħufija tagħna. Il-Liġi t’Alla Il-bniedem kien, għadu u jibqa’ responsabbli biex jobdi lil Alla. Il-Liġi t’Alla hi magħrufa mill-kuxjenza (Rumani 2:14, 15) u mill-Għaxar Kmandamenti li Alla ta permezz ta’ Mosè (Esodu 20):
Id-dinja kollha hi ħatja tal-ksur tal-Liġi. “Issa aħna nafu li kull ħaġa li tgħid il-liġi, tgħidha li dawk li huma taħt il-liġi; biex jingħalaq kull fomm, u d-dinja kollha ssir ħatja quddiem Alla” (Rumani 3:19). Peress li kulħadd midneb, il-Liġi ma tistax issalva. “Ħadd ma jkun iġġustifikat quddiemu bl-għemil tal-liġi; għax bil-liġi jingħaraf id-dnub” (Rumani 3:20). Infatti dawk kollha li jittamaw li jiksbu l-ħajja permezz tal-Liġi huma misħutin għax ħadd ma wettaqha perfettament. “Dawk kollha li huma ta’ l-opri tal-liġi huma taħt is-saħta, għax hu miktub: Misħut kull min ma jibqax iżomm sħiħ ma’ kull ħaġa miktuba fil-ktieb tal-liġi biex iħarisha” (Galatin 3:10). Bħal mera, il-Liġi turi u tikxef id-dnub u l-ħtija biex il-midneb jaqta’ jiesu mill-ħila u l-ġustizzja personali u jfittex il-ħelsien fi Kristu. “Il-liġi kienet il-mexxejja tagħna biex teħodna għand Kristu, biex inkunu iġġustifikati bil-fidi” (Galatin 3:24). Il-Kristjan jifraħ li m’għadux aktar taħt il-kundanna tal-Liġi għax Alla wera grazzja miegħu (Rumani 6:14). Madankollu l-Kristjan jibqa’ obbligat jobdi l-kmandamenti ta’ Kristu sforz l-imħabba tiegħu lejh (Ġwanni 14:21). L-ubbidjenza tal-Kristjan, għalkemm imperfetta, hi xhieda tal-ħidma salvivika fih peress li mal-maħfra Alla jagħti wkoll qalb ġdida. “Inqiegħed il-liġijiet tiegħi f’qalbhom, u f’moħħhom niktibhomlhom; u fi dnubiethom u ħtijiethom ma niftakarx aktar” (Lhud 10:16, 17). Is-salvazzjoni tfisser l-ħelsien tal-bniedem mid-dnub u l-konsegwenzi tiegħu, u l-għotja tal-libertà biex jgħix għall-glorja t’Alla u jgawdih għal dejjem. Il-bniedem jinħeles mill-għadab t’Alla, id-dominju tad-dnub u mill-kundanna li jġib miegħu (Rumani 5:21; 6:20-22; 8:1). Id-dnub ġab ukoll ħerba fil-ħolqien, u l-agħar ħaġa, l-mewt. Din il-ħsara wkoll għad tissewwa; Alla għad jagħmel smewwiet ġodda u art ġdida meta jqajjem ‘l uliedu għall-ħajja eterna u jagħtihom ġisem glorifikat li ma jitħassar qatt. Is-salvazzjoni hi deskritta wkoll bħala “fidwa” għax kien hemm prezz x’jitħallas għall-ħelsien. Alla mhux sempliċiment nesa d-dnub, imma ħallas kompletament għad-dejn tad-dnub tal-bniedem bid-demm ta’ Ibnu. Nistgħu niddistingwu tlett aspetti temporali tas-salvazzjoni; il-passat, il-preżent u l-futur. Il-Kristjan hu diġa’ salvat mill-ħtija u d-dominju tad-dnub (Rumani 4:5-7; 6:18). Minn issa l-kredent huwa ġustifikat quddiem Alla (Rumani 5:1). Imma sakemm għadu fid-dinja irid jibqa’ jiġġieled kontra “il-laħam” -- il-prinċipju tad-dnub li għadu fih (Rumani 7:22-23). Alla jaħdem f’uliedu bl-Ispirtu tiegħu biex matul ħajjithom jirbħu fuq id-dnub u jgħixu għall-ġustizzja. Is-salvazzjoni tkun imwettqa kompletament fit-tieni miġja ta’ Kristu, meta jeħlisna mill-preżenza tad-dnub u jagħtina ġisem glorifikat (Rumani 8:23, 24). Bit-tama aħna salvati. X’inhu l-iskop tas-salvazzjoni? Naturalment il-bniedem igawdi wisq mill-ħniena u t-tjieba t’Alla. Imma l-għan ewlieni mhux il-bnidem. Alla jsalva l-magħżulin għall-glorja tiegħu stess; u jikkastiga lill-oħrajn biex juri l-qawwa u l-ħaqq tiegħu. “Alla, biex juri l-għadab tiegħu, u jgħarraf il-qawwa tiegħu, ħamel għal żmien twil ħwejjeġ ta’ l-għadab imħejjijin għall-qerda. U biex ikun jista’ jgħarraf il-għana tal-glorja tiegħu ma ħwejjeġ tal-ħniena, li hu ħejja minn qabel għall-glorja” (Rumani 9:22, 23). “Bil-grazzja intom salvati... biex fiż-żminijiet li ġejjin juri l-għana ta’ l-għaġeb tal-grazzja tiegħu, fit-tjieba tiegħu permezz ta’ Kristu Ġesù” (Efesin 2:5, 7). Grazzja Sovrana Mill-eternità Alla għażel xi wħud għas-salvazzjoni. Il-Bibbja ssejjħilhom il-magħżulin t’Alla. Ġesù qal li “ħafna huma msejħin, iżda ftit huma magħżulin” (Mattew 22:14); u l-appostlu Pawlu jgħallem li “f’dan iż-żmien ukoll hemm fdal magħżul bi grazzja” (Rumani 11:5). Ifakkar lid-dixxipli li Alla “għażilna fi Kristu qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisin u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba, billi ippredestinana biex inkunu wliedu addottivi għalih innifsu b’Ġesù Kristu, skond l-intenzjoni tajba tar-rieda tiegħu (Efesin1:4, 5). M’għażilhomx mill-bqija tal-bnedmin għax kienu aħjar minnhom (ikkonsidra l-każ ta’ Ġakobb, Rumani 9:11); infatti l-Kristjani jammettu li qabel huma wkoll kienu mejtin fi ħtijiethom u dnubiethom u kienu wkoll ulied il-għadab l-istess bħall-oħrajn (Efesin 2:1-3). Alla għażilhom purament bil-grazzja tiegħu, għax hekk għoġbu, u mingħajr ma kien jistħoqqilhom. Is-salvazzjoni mhix proġett bejn Alla u l-bniedem, bħallikieku Alla jagħmel parti u l-bniedem jikkontribwixxi l-parti tiegħu. Xi wħud jgħallmu li l-bniedem jikkontribwixxi l-opri tajba biex jimmerita l-ħajja ta’ dejjem, kuntrarju għat-tagħlim ċar ta’ l-Iskrittura: “Intom salvati bil-grazzja, permezz tal-fidi, u dan mhux minnkom infuskom, dan hu don t’Alla, mhux mill-opri biex ħadd ma jiftaħar (Efesin 2:8,9). Oħrajn jgħallmu li għalkemm il-bniedem ma jimmeritax il-grazzja, kollox jiddependi fuq l-kunsens tar-rieda umana. Dan żball ieħor; peress li hu midneb, il-bniedem ma jridx jersaq lejn Alla. Għalhekk il-Bibbja tgħid li “mhux billi wieħed irid, jew billi wieħed jiġri, iżda billi Alla juri ħniena” (Rumani 9:16). Mill-bidu sat-tmiem, mill-għażla fl-eternità sal-glorifikazzjoni fl-aħħar Jum, is-salvazzjoni hi l-inizjattiva u l-ħidma t’Alla waħdu. “Bil-grazzja intom salvati” (Efesin 2:5). Il-Patt tal-Grazzja Appena l-bniedem waqa’ fid-dnub, Alla mill-ewwel ta’ ħjiel tal-grazzja li kien se juri miegħu. Wiegħed il-miġja ta’ nisel il-mara biex jeħodha kontra is-serp u jisħaqlu rasu (Ġenesi 3:15). Fl-Għeden ix-xitan rebaħ għax waqqa’ il-bniedem fid-dnub; fuq il-Golgota nisel il-mara, Kristu, rebaħ il-battalja finali billi kiseb il-fidwa. Alla għoġbu jintrabat mal-bniedem b’patt (rabta, għaqda solenni) għas-salvazzjoni tiegħu. Alla wiegħed lil Abraham: “Inżomm l-għaqda tiegħi bejni u bejnek, u bejn nislek warajk, minn ġidd għal ġidd, bħala għaqda għal dejjem, biex inkun Alla tiegħek, u lil nislek warajk” (Ġenesi 17:7). Alla intrabat li jsewwi l-firda li ġab id-dnub, u jirrestawra l-ħbiberija bejn Alla u l-bniedem: “Inkun Alla tiegħek.” Sakemm intbagħat il-Feddej, Alla intrabat b’patt mal-poplu ta’ Iżrael, li kellu jwassal sal-miġja tal-Messija. Minn dakinhar Alla waqqaf patt ġdid u aħjar, biex jiġbor għalih poplu kbir minn fost il-Lhud u l-ġnus kollha. Huwa patt aħjar, b’wegħdi aħjar (Lhud 8:6), msejjes fuq sagrifiċċju aħjar (Lhud 9:3), offrut minn qassis aħjar u f’santwarju aħjar (Lhud 7:26 – 8:14). Dan huwa l-patt il-ġdid fid-demm ta’ Kristu, li minnu għandhom sehem il-fidili kollha (Luqa 22:20). Skond dan il-Patt tal-Grazzja, Alla jintrabat li jaħfer id-dnubiet tal-poplu tiegħu u jagħtihom qalb ġdida. “Din hi r-rabta li nagħmel magħhom wara dawn il-jien, jgħid il-Mulej: Inqiegħed il-liġijiet tiegħi f’qalbhom, u f’moħħhom niktibhomlhom; u fi dnubiethom u ħtijiethom ma niftakarx aktar” (Lhud 10:16, 17). Min issa l-mifdija jissejħu l-poplu t’Alla. Il-milja ta’ din il-barka meraviljuża tintlaħaq fil-glorja meta lkoll jinġabru fil-preżenza t’Alla tagħhom. “Ara, l-għamara t’Alla hi mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla stess ikun magħhom, u jkun Alla tagħhom” (Rivelazzjoni 21:3). Il-Patt tal-Grazzja hu msejjes fuq il-pjan etern (Efesin 1:4; 3:11; 2 Timotju 1:9), il-Patt tal-Fidwa, bejn Alla l-Missier u Kristu, il-mexxej u r-rappreżentant tal-magħżulin t’Alla. Fil-vangelu Kristu jsemmi l-wegħdi li Alla l-Missier għamillu qabel ġie fid-dinja, u l-ħidma fdata lilu mill-Missier (Ġwanni 5:30, 43; 6:38-40; 17:4-12). F’dan il-pjan, Kristu hu r-ras tal-magħżulin u jirrappreżenta l-poplu kollu quddiem Alla (Rumani 5:12-21; 1 Korintin 15:22). Hu wkoll l-garanti (Lhud 7:22), li jagħmel tajjeb għall-obbliġi legali tal-poplu. L-Iskrittura tgħallem li l-Mulej Ġesù, il-Medjatur tal-Patt tal-Grazzja, huwa Alla u bniedem, kif se naraw. Kristu hu Bniedem Kristu hu bniedem tassew ladarba għandu l-kwalitajiet umani bħalna. Twieled f’Betlehem madwar elfejn sena ilu minn mara Lhudija jisimha Marija. Bħal tfal oħra, Ġesù żviluppa u kiber fl-għerf u fit-tul. Trabba ma’ Ġużeppi u Marija f’Nażaret u kien jisma’ minnhom. Tgħallem is-sengħa ta’ Ġużeppi u ħadem ta’ mastrudaxxa. Meta kellu madwar tletin sena ħareġ jgħallem. Darba, għajjien mill-mixi poġġa bil-qiegħda fuq ħorża ta’ bir jistrieħ; darb’ oħra raqad fid-dgħajsa. Stqarr li ħadd ħlief il-Missier ma jaf il-jum tar-ritorn tiegħu, kien jaqbdu l-ġuħ u l-għatx, kellu jivvjaġġa minn post għall-ieħor biex ixandar fi bliet differenti. Ħdejn il-qabar ta’ ħabibu, Ġesù beka, u fil-ġnien taż-Żebbuġ ammetta ma’ ħbiebu, “Imnikkta wisq ruħi, għall-mewt.” Ħass it-tbatija tal-passjoni, u bħala l-quċċata tal-missjoni tiegħu, Kristu miet imdendel ma’ salib Ruman. Ġesù “ma ħax fuqu in-natura ta’ l-anġli; iżda ħa fuqu n-nisel ta’ Abraham” (Lhud 2:16); f’kelma waħda, Hu “il-bniedem Kristu Ġesù” (1 Timotju 2:5). Kristu hu Alla Il-Bibbja tgħallem ukoll li Kristu hu Alla għaliex għandu l-attributi t’Alla, jissemma bit-titli divini, u jwettaq ix-xogħol li Alla biss jista’ jagħmel. Kristu għandu l-attributi divini. L-Iben huwa etern; kien mal-Missier qabel il-ħolqien (Ġwanni 17:5). Bħala bniedem Ġesù beda l-eżistenza tiegħu fil-konċepiment; iżda kien diġa’ jeżisti minn qabel ġie fid-dinja. Il-profeta ħabbar li “nislu jkun mill-qedem, mill-jiem ta’ dejjem” (Mikea 5:2). Ġesù huwa omnipotenti, “Dak li jista’ kollox” (Rivelazzjoni 1:8). Stqarr li għandu l-istess qawwa bħal Missier: “Għax dawk il-ħwejjeġ kollha li jagħmel (il-Missier), dawn l-Iben jagħmel ukoll” (Ġwanni 5:15-19). Ladarba jagħmel kulma jagħmel il-Missier, Kristu hu omnipotenti bħalu. Huwa wkoll omnixjenti. L-appostli talbuh: “Int, Mulej, li taf il-qlub tal-bnedmin kollha,” (Min ħlief Alla jaf qalb il-bniedem?); u bl-aktar kliem sempliċi stqarrew: “Issa nafu li taf kollox” (ara Atti 1:24; 1 Slaten 8:39; Ġwanni 16:30). Il-Mulej Ġesù hu omnipreżenti u għalhekk seta’ jwiegħed id-dixxipli li se jibqa’ magħhom avolju fiżikament tela’ s-sema: “Ara, jien dejjem magħkom” (Mattew 28:20). L-eluf ta’ laqgħat tad-dixxipli ta’ Kristu li jinġemgħu fl-istess waqt mad-dinja kollha huma xhieda tal-omnipreżenza tiegħu għax hu qiegħed preżenti magħhom ilkoll, kif wegħdhom: “Fejn tnejn jew tlieta huma miġburin flimkien f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom” (Mattew 18:20). Fl-aħħar, il-Mulej huwa immutabbli, ma jinbidilx. “Int tibqa’ l-istess... il-bieraħ, u illum, hu l-istess, u jibqa’ għal dejjem” (Lhud 1:12; 13:8). Mela Kristu hu etern, omnixjenti, omnipotenti, omnipreżenti u ma jinbidilx. Fi kliemu stess: “Kulma għandu l-Missier hu tiegħi” (Ġwanni 16:15). Fit-Testment il-Ġdid, Ġesù ripetutament jissejjaħ “Il-Mulej” jew “Is-Sid.” Issa nafu li hemm ħafna sidien, imma wieħed hu s-Sid fuq is-sidien, wieħed hu Sid is-Sibt, wieħed is-Sid ta’ kulħadd (Rivelazzjoni 19:16; Mattew 12:8; Atti 10:36). L-istess titlu, Mulej (Kurios), jidentifika lil Ġesù ma Jahwe, l-isem li bih kien magħruf Alla fost il-poplu ta’ Izrael (qabbel Isaija 40:3 ma’ Mattew 3:3; Ġoel 2:32 ma’ Rumani 10:13). Barra min hekk il-Bibbja issejjaħlu ukoll “Alla.” L-anġlu ħabbar li iben Marija kellu jissemma Emmanwel, li jfisser “Alla magħna.” Ġwanni jibda l-Evanġelju bl-istqarrija: “Fil-bidu kienet il-Kelma, u l-Kelma kienet m’Alla, u l-Kelma kienet Alla.” L-appostlu Tumas jindirizzah: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi.” L-appostlu Pawlu jikteb li “hu fuq kollox, Alla mbierek għal dejjem,” u “Alla l-kbir, is-salvatur tagħna Ġesù Kristu.” L-appostlu Pietru jsejjaħlu, “Alla u s-salvatur tagħna Ġesù Kristu.” Fl-aħħarnett, Alla l-Missier stess jindirizza lill-Iben: “It-tron tiegħek, o Alla, hu għal dejjem ta’ dejjem” (Mattew 1:21-23; Ġwanni 1:1; 20:28; Rumani 9:5; Titus 2:13; 2 Pietru 1:1; Lhud 1:8; cf.Salmi 10:16; 45:6, 7). Il-Mulej Ġesù jwettaq il-ħidma li Alla biss jista’ jagħmel. L-appostlu Ġwanni jgħallimna li l-ħolqien sar bi Kristu, il-Kelma t’Alla: “Fil-bidu kienet il-Kelma... kollox sar bih; u xejn ma sar mingħajru milli sar” (Ġwanni 1:1, 3). “U, int, Mulej, fil-bidu qegħdt is-sisien ta’ l-art; u xogħol idejk huma is-smewwiet” (Lhud 1:8-10). Bħalissa Ġesù qed jieħdu ħsieb il-ħolqien tiegħu: “iżomm il-ħwejjeġ kollha bil-kelma tas-setgħa tiegħu” (Lhud 1:3). Akbar mix-xogħol tal-ħolqien huwa s-salvazzjoni tal-bniedem. L-Iskrittura tiddikjara li Ġesù Kristu hu “s-Salvatur tad-dinja,” “is-Salvatur tal-ġisem (il-knisja),” “Alla u Salvatur tagħna,” u “Sidna u Salvatur tagħna” (ara Ġwanni 4:42; Efesin 5:23; 2 Pietru 1:1, 11). Fi tmiem id-dinja, il-Mulej Ġesù se jagħmel ħaqq minn kulħadd għax hu “l-Imħallef tal-ħajjin u l-mejtin” (Atti 10:42) u “aħna lkoll jeħtieġ nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu” (2 Korintin 5:10). Min hlief Alla jista’ jagħmel ġudizzju infallibbli tal-bnedmin kollha? Mela, l-Iskrittura tgħallem li Ġesù Kristu hu etern, omnipotenti, omnixjenti, omnipreżenti u immutabbli. Jismu Jaħwe, Alla u l-Mulej. Il-ħolqien hu xogħol idejh; hu s-Salvatur u l-Imħallef tad-dinja. L-evidenza biblika twassal għal konklużjoni inevitabbli: Ġesù Kristu hu Alla fl-istess sens bħall-Missier, “ix-xbieha perfetta tal-persuna tiegħu” (Lhud 1:3). Mhux ta’ b’xejn l-anġli u l-mifdija jagħtu lil Kristu l-adorazzjoni li tixraq ‘l Alla waħdu (Rivelazzjoni 5:12-15). L-Inkarnazzjoni L-Iben hu Alla mill-eternità; fiż-żmien sar ukoll bniedem (l-inkarnazzjoni) meta tnissel fil-ġuf tal-verġni, Marija. Minn dakinhar jibqa’ Alla u bniedem għal dejjem (ara Isaija 9:6, 7 u Ġeremija 33:14-16). Fil-bidu tal-Vanġelu, Ġwanni jsejjaħ lil Kristu “il-Kelma” u jiddikjara li l-Kelma kienet Alla. Imbagħad ikompli jħabbar li “l-Kelma saret ġisem u għammret fostna” (Ġwanni 1:1, 14). “Fih tgħammar il-milja kollha tad-divinità fil-ġisem” (Kolossin 2:9). Qabel kien fid-dinja, l-Iben kien minn dejjem fil-glorja mal-Missier. Biex iwettaq il-pjan tal-fidwa, l-Iben umilja lilu nnifsu, sar bniedem, għex taħt il-liġi, miet u indifen. “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, iżda biex jaqdi, u biex jagħti ħajtu b’fidwa għal ħafna” (Mark 10:45). Wara li ġarrab dan l-istat ta’ umiltà, Alla l-Missier gglorifikah billi qajmu mill-imwiet, tellgħu is-sema u qiegħdu jsaltan fuq il-lemijia tiegħu, meqjum mill-mifdija kollha (ara Filippin 2:5-11). Kien jeħtieġ li l-Feddej ikun bniedem għax biex jikseb il-ħelsien kellu jxerred demmu, u għax aħna l-bnedmin għandna bżonn bniedem bħalna biex jirraprezentana quddiem il-Missier. Kien jeħtieġ li jkun Alla għax m’hemmx salvatur ieħor ħlief Alla: “Jien, iva jien, jien il-Mulej; u għajri m’hemmx salvatur” (Isaija 43:11). L-Iben t’Alla sar bniedem biex iwettaq xogħol uniku; ġie biex jikseb il-fidwa tal-poplu t’Alla mill-jasar tad-dnub. It-titlu “Kristu” (jew bl-Ebrajk, “Messija”) ifisser “il-Midluk” u jindika l-konsagrazzjoni tiegħu mill-Missier għal din il-missjoni. Fit-Testment il-Qadim il-profeti, il-qassisin, u s-slaten kienu jiġu midluka biż-żejt, simbolu ta’ l-Ispirtu s-Santu (1 Slaten 19:16; Esodu 29:7; 1 Samwel 10:1). Il-Mulej Ġesù kien midluk bl-Ispirtu s-Santu biex iwettaq il-ħidma ta’ profeta, saċerdot u sultan, u b’hekk iwettaq il-Patt tal-Fidwa. Profeta, Qassis, Sultan Il-profeta hu l-messaġġier t’Alla għall-poplu tiegħu. It-Testment il-Qadim ħabbar il-miġja ta’ Kristu bħala profeta (Dewteronomju 18:15, Atti 3:23). Sejjaħ lilu nnifsu profeta (Luqa 13:33) u tkellem bl-ogħla awtorità (Mattew 7:29). Meta kien fid-dinja xandar il-Kelma t’Alla, u llum, għalkemm tela’ s-sema għadu jwettaq il-ministeru profetiku permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu (Ġwanni 14:26; 16:12-14). Bħalma l-profeta jirrappreżenta lil Alla quddiem il-poplu, il-qassis jirrappreżenta lill-poplu quddiem Alla, joffri sagrifiċċji u jinterċiedi għalihom. It-Testment il-Qadim ħabbar il-miġja ta’ Kristu bħala qassis (Salm 110:4; Isaija 53). Ġesù hu s-saċerdot tagħna (Lhud 3:1; 4:14; 5:5; 6:20; 7:26). Is-sagrifiċċji tal-bhejjem kienu xbieha tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù (Lhud 9:23, 24). It-Testment il-Ġdid sikwit jitkellem fuq ix-xogħol saċerdotali ta’ Kristu (Ġwanni 1:29; 1 Korintin 5:7; Lhud 9:11-15; 10:11-14). Minbarra li offra sagrifiċċju wieħed darba għal dejjem, Kristu jkompli jidħol għall-poplu tiegħu quddiem Alla fuq il-merti infiniti tas-salib (Lhud 7:25; 9:24; 1 Ġwanni 2:1, 2). Kristu jinterċiedi biss għall-magħżulin t’Alla, mhux għall-bqija tad-dinja (Ġwanni 17:9, 20). Il-Bibbja ħabbret minn qabel li “tweldilna tifel; ingħatalna iben, u s-setgħa tkun fuq spallejh... mill-kobor tas-setgħa u s-sliem tiegħu, ma jkunx hemm tmiem, u jsaltan fuq it-tron ta’ David, u fuq saltnatu, biex iwaqqafha, u jwettaqha bil-ħaqq u s-sewwa, minn issa u għal dejjem” (Isaija 9:6, 7). Sekli wara l-anġlu ħabbar lil Marija li binha “ikun kbir, u jissemma Bin il-Ogħla; u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ missieru David, u jsaltan għal dejjem fuq id-dar ta’ Ġakobb; u għal saltnatu ma jkunx hemm tmiem” (Luqa 1:32, 33). Ġesù beda jħabbar il-wasla tas-saltna t’Alla, u għalkemm (dejjem skond l-għan etern t’Alla) niesu ma laqgħuhx u salbuh għax qal li hu sultan, Ġesù ġie mqajjem mill-mewt u ngħata kull setgħa fis-sema u fl-art (Mattew 28:18). Bħalissa Ġesù Kristu qiegħed isaltan mis-sema (1 Korintin 15:25). Xi wħud jiżbaljaw meta jgħidu li Kristu mhux isaltan issa, imma se jsaltan fil-futur meta jerġa’ jiġi. Insew li huma, ladarba twieldu mill-ġdid, diġa’ qiegħdin fis-saltna t’Alla, is-saltna ta’ Ibnu l-maħbub (Ġwanni 3:3, 5; Kolossin 1:13). Il-Mewt ta’ Kristu Kristu miet skond il-pjan etern t’Alla u mhux b’kumbinazzjoni jew għax ma setgħax jisgiċċa mill-kumplott ta’ l-għedewwa. Kristu miet għax ried hu, biex jagħti ħajtu b’fidwa għal ħafna (Ġwanni 10:17, 18). Mewtu kienet profetizzata minn qabel (Isaija 53:7, 8), u murija fis-sagrifiċċji tal-bhejjem matul it-Testment il-Qadim. Kristu miet għax hekk kien determinat mill-eternità, skond il-Patt tal-Fidwa bejn Alla l-Missier u Ibnu (Atti 2:23). Kristu miet biex jissodisfa l-liġi divina li ksirna aħna. Alla qiegħdu biex ikun il-propizjazzjoni (tradotta “mezz tal-maħfra” f’Rumani 3:25). Id-dnub inissel l-għadab ġust t’Alla kontra l-midneb; bil-mewt tiegħu Kristu berred l-għadab t’Alla kontrih (wettaq propizjazzjoni). Kristu wkoll ta ħajtu b’fidwa għal ħafna. Il-ksur tal-liġi t’Alla tiġbed is-saħta t’Alla fuq il-midneb. Kristu ħelisna (fdiena) minn dik is-saħta permezz tas-salib (Galatin 3:13). “Meta waslet il-mija taż-żmien, Alla bagħat ‘l Ibnu, li sar minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, u biex insiru wlied adottivi” (Galatin 4:4, 5). Il-mewt ta’ Kristu hi sostituzzjonarja, jiġifieri Kristu miet minflok ħaddieħor. Kristu, il-ġust, ma kienx ħaqqu jmut; hu miet minflok u għall-benifiċċju ta’ ħaddieħor. L-Iskrittura tgħallem li Alla qiegħed fuqu d-dnubiet ta’ ħaddieħor (Isaija 53:6); hu ġarr ħtijiet ħaddieħor (Lhud 9:28); ta’ ħajtu għal ħafna (Mark 10:45; 1 Pietru 3:18). F’ċertu sens Kristu miet għal kulħadd, għad-dinja kollha (Ġwanni 1:29), għax il-poplu tiegħu hu magħmul minn nies mill-ġnus kollha (Rivelazzjoni 5:9). Madankollu, il-mewt ta’ Kristu kisbet il-maħfra tad-dnubiet tal-poplu tiegħu biss għax hu ġie biex isalva l-poplu tiegħu (Mattew 1:21); jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (Ġwanni 10:11, 15), għall-knisja (Atti 20:28; Efesin 5:25-27); għall-magħżulin t’Alla (Rumani 8:32, 33). Jiżbaljaw dawk li jgħidu li Kristu miet għan-nies tad-dinja kollha, sew dawk li jsalvaw u dawk li jintilfu. Kieku miet għalihom biex iħallas dnubiethom, għaliex għandhom jintilfu? Lanqas jistgħu jgħidu li jintilfu għax ma jemmnux. L-ebusija ta’ qalbhom hi dnub ukoll. Imma ladarba jintilfu, jidher ċar li Kristu ma ħallasx għad-dnub tan-nuqqas ta’ fidi tagħhom. Il-Qawmien ta’ Kristu Il-qabar ta’ Kristu huwa vojt. Hu qam mill-mewt fit-tielet jum, fl-ewwel jum tal-ġimgħa. Wara li kiseb il-fidwa b’demmu, Alla qajmu minn bejn l-imwiet biex jigglorifikah u jgawdi l-frott ta’ ħidmietu. Bil-qawmien tiegħu Kristu għeleb il-mewt, biex hekk iseħibna fil-ġustizzja miksuba għalina b’mewtu (Rumani 4:25; 1 Pietru 1:3-5). Ir-reżurrezzjoni ta’ Kristu hi għalina pleġġ ċert tal-qawmien glorjuż tagħna (Rumani 8:11; 1 Kor.15:12-23; Fil.3:20-21). Id-dnub ta’ Adam ġab il-mewt fuq kulħadd; l-ubbidjenza ta’ Kristu kisbet l-ħajja għal-poplu kollu tiegħu. Issa li hu ħaj, Kristu jieħu ħsieb u jara li jwassal il-poplu tiegħu fil-glorja. “Jekk meta konna għedewwa konna rrikonċiljati ma’ Alla bil-mewt ta’ Ibnu, aktar u aktar, billi aħna rikonċiljati, inkunu salvati bil-ħajja tiegħu” (Rumani 5:10). |