Kattoliku u Evangeliku jiddiskutu: Kif Jista' Bniedem Ikun Sew m'Alla?

DAHLA

Kif jista’ bniedem ikun ġust quddiem Alla? Din kienet il-kwistjoni ewlenija li wasslet għar-Riforma Portestanta. It-tweġiba Kattolika hi għalkollox differenti mit-tweġiba Evanġelika. Id-dottrina dwar “il-ġustifikazzjoni” (kif tkun sew m’Alla) għadha tifred l-Kattoliċi u l-Evanġeliċi. Barra minn hekk, kull wieħed minna jeħtieġ jagħraf iwieġeb sew din il-mistoqsija fondamentali. Fin-nofs hemm id-destin etern tagħna.

Fuqhom Zernaq id-DawlDin id-diskuzzjoni hi msawwra fuq il-korrispondenza bejni u saċerdot kattoliku dwar il-ġustifikazzjoni wara li kont bagħtlu kopja tal-ktieb Fuqhom Żernaq id-Dawl. L-isem veru tas-saċerdot mhux Dun Frans. Mill-bqija t-test hu l-istess bħall-oriġinal, għajr għal xi tibdiliet żgħar bħalma huma korrezzjonijiet ortografiċi. Ħallejt barra siltiet (kultant imdaqqsa) li jitrattaw suġġetti oħra.

Jekk tixtieq taqra online l-ktieb FUQHOM ZERNAQ ID-DAWL, idhol www.tecmalta.org/fzd.htm. Tista' wkoll tircievi kopja b'xejn tal-ktieb billi sempliciment tibghatli email b'ismek u l-indirizz: EMAIL

Joe Mizzi


EVANGELIKU

Għażiż Dun Frans,

Insellimlek f’isem il-Mulej Ġesù, ir-Ras u l-Pedament tal-Knisja. Qed nibgħatlek kopja tal-ktieb Fuqhom Żernaq id-Dawl: l-Evanġelju tal-Mulej Ġesù lill-Kattoliċi Maltin.

Kont imrobbi Kattoliku. Meta kelli madwar ħmistax-il sena kont ikkonfrontat b’messaġġ li qatt ma kont smajtu fil-knisja. Il-mistoqsija kienet ‘X’għandi nagħmel biex insalva?’ u t-tweġiba, ‘Emmen fil-Mulej Ġesù Kristu u tkun salvat.’ Bil-fidi biss, jiġifieri b’fiduċja fi Kristu, mingħajr l-opri tiegħi.

Sa dakinhar kont mgħallem li mal-fidi neħtieġ il-magħmudija, is-sagramenti, l-interċessjoni ta’ Marija, penitenzi, opri tajba u t-tisfija fil-purgatorju. Wara kollox, anke San Ġakbu jgħid li l-fidi mingħajr għemil hi mejta.

Għall-ewwel il-messaġġ ġdid kien jidher żbaljat. Madankollu kont imħajjar nistudja l-Bibbja biex nistħarreġ dawn il-ħwejjeġ minn ras il-għajn. Sibt li l-interess ta’ Ġakbu kien li jiddistingwi l-fidi ġenwina minn fidi falza. Hu stess jistaqsi: ‘X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi?’ Ovvjament, le! L-għemejjel tajba juru l-ġenwinità tal-fidi. Imma l-mistoqsija tibqa’: il-bniedem isalva bil-fidi (ġenwina!) biss, jew bil-fidi u (il-merti ta’) l-opri tiegħu kif tgħallem il-knisja?

It-tweġiba ċara jagħtiha l-appostlu Pawlu: ‘Intom salvati bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar’ (Efesin 2:8,9). Salvati bil-fidi, mhux bl-opri!

L-Iskrittura, li tant tenfasizza l-opri ta’ mħabba u ħajja qaddisa, tisħaq ukoll li s-salvazzjoni ma sserraħx fuq il-merti ta’ l-opri tagħna. L-opri huma l-frott, mhux il-kawża tas-salvazzjoni. Madankollu ħafna għeżież tagħna Maltin għadhom jittamaw fit-tjieba tagħhom biex jiksbu l-maħfra u l-ħajja ta’ dejjem. Jittamaw fil-reliġjon minflok jintelqu b’fiduċja sħiħa fuq il-ħniena t’Alla murija fuq is-salib tal-Golgota. Minflok jilqgħu d-don tas-salvazzjoni, jippretendu li jixtruh bil-merti tagħhom.

Illum jien Kristjan Evanġeliku. Żgur mis-salvazzjoni tiegħi. Mhux għax prużuntuż, iżda għax inserraħ fuq il-fedeltà t’Alla u s-suffiċjenza tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù Kristu. Nixtieq li inti wkoll tistħarreġ il-messaġġ ta’ l-Evanġelju kif imniżżel fiċ-ċert fil-paġni ta’ l-Iskrittura. Għalik innifsek. U għall-erwieħ taħt il-ħarsien tiegħek.


KATTOLIKU

Sinjur,

Irċivejt minn għandek dak li qatt ma bsart: Malti wild San Pawl il-ġgant tal-fidi, jasal biex jabjura l-Knisja, Ġisem Kristu, ir-Ras. Mhix forsi kontradizzjoni “in termini” tgħid li qed tgħix bil-fidi meta int stess tgħid u turi kif ċħadt il-veritajiet kollha tal-Fidi: ovvja l-kutrumbajsa ta’ moħħ mhux floku; għax meta tgħid Purgatorju u Infern m’hemmx...veru Luteraniżmu f’xi forma oħra. Tasew li għall-iblah m’hemmx reliġjon isbaħ minn dik ta’ bla Infern (u Purgatorju) li twiegħed xalar u tgawdija biss hawn u band’ oħra, tagħmel x’tagħmel, la għal ħażen ma jeżistix kastig! L-għaġeb hu kif Satana stess (jekk temmen fih) jemmen żgur li hemm Alla u fil-vanġeli msemmi bosta drabi; u bi twemminu b’kollox, hu Xitan li postu l-Infern.

Meta taqra l-Vanġelu u tikkwota trid taqra kollox, kollox, u tikkwota kollox, u mhux dak li jaqbel għal xawwatek biss. Trid temmnu kollu, u mhux biss dak li jogħġob lilek. Issa hawn se nikkwotalek dak li qabiżlek, jew warrabt b’ħażen djaboliku biex turi nofs verità, li hi makkinazzjoni eħżen u wisq agħar minn gidba sfaċċata.

Ngħixu bil-Fidi: kif tista’ jekk tiċħad xi punti minnha? - jekk l-opri personali huma ħżiena? San Pawl li qalha jgħid ukoll li Abraham ġie ġustifikat bil-fidi u jkompli (dak li int ħallejt barra) li l-fidi tiegħu uriha fis-sod billi, frott twemminu wasal biex kien se joqtol l-uniġenitu tiegħu Iżakk b’sagrifiċċju kif ried Alla: bl-OPRI u mhux bil-kliem biss. “Għax jekk Abraham sar ġust bl-opri, għandu biex jiftaħar” (Rumani 4:2). U sar ġust qabel iċ-ċirkonċizzjoni għax Alla fir-providenza tiegħu ra li kien bniedem ta’ volonta soda fl-ubbidjenza lejh, sema’ s-sejħa t’Alla u obdih, telaq minn Ur għat-tbatija tad-deżert għall-art li ngħatatlu b’wirt. Allura dan s-sagrifiċċju mhux opra ta’ fidi?

F’Lhud kapitlu 11 nsibu l-opri ta’ ħafna nies ġusti li ppruvaw x’fidi kellhom bl-opri u mhux bil-paroli biss. Titfa dnubietek kollha fuq spallejn Kristu, u int iċċaflas fil-ħmieġ ta’ dnubietek u ssalva xorta għax wara l-mewt tmur tintefa’ fi ħdanu!!! Prova ta’ fidi ħajja, vera u effikaċi taw prova tagħha bl-opri il-miljuni ta’ Martri u Qaddisin frott tal-Knisja Kattolika Ommhom immexxija mill-Papa.

Anke fit-Testment il-Qadim hemm ħafna provi oħra li “l-Fidi mingħajr opri hi mejta fiha nfisha.” “Bħalma ġisem bla ruħ hu mejjet, hekk il-fidi bla għemil hi mejta” (Ġakbu 2:26). B’liema skop ħallejtha barra din? “X’jiswa ħuti jekk wieħed jgħid li għandu l-fidi u m’għandux għemil? Tista l-fidi ssalvah?” (Ġakbu 2:14). Imqarraq int u qed tqarraq.

Ara ftit fit-T.Q. 2 Makkabin 6:18-31. Eleażar anqas laħam sew ma kiel, ipprefera l-mewt milli jiskandalizza lil ħutu Lhud. U int? Aqra wkoll 2 Makkabin 7:1-41 u tara kif il-fidi trid tkun korroborata mill-opri u sagrifiċċji, sat-tixrid tad-demm, inkella telfien. U mela l-idea korrotta ta’ fidi bla opri! Skond twemminek l-opra ta’ Abraham meta offra ’l Ibnu f’sagrifiċċju kienet ġennata u mhux konvinzjoni ta’ fidi ħajja fi kliem Alla. Jaħasra għalik u l-fidi mejta tiegħek! Hemm bosta u bosta provi oħra dwar dan, imma daqshekk biżżejjed.

Ma naċċettax iżjed korrispondenzi minn tagħkom, però ibqa’ ċert li nitlob għalik.

PS Qrajt li bgħattli kollu: nispera li tkun ġentili li taqra r-risposta tiegħi mill-bidu sa l-aħħar u tixtarrha sew għall-ġid tiegħek.


EVANGELIKU

Għażiż Dun Frans,

Grazzi ta’ l-ittra. Int ma tridx aktar korrispondenza. Kollox sew. Imma ħu ftit paċenzja bija għax verament nixtieq niċċara l-pożizzjoni tiegħi. Nagħmel kuraġġ niktiblek għax ċertament ma’ fhimtnix. Kien ikollok elf raġun kieku ma nemminx fl-eżistenza ta’ l-Infern jew ix-xitan. Fil-verità jien nemmen fil-Ġudizzju li ġej, fil-Ġenna u l-Infern (semmejthom fl-ewwel paġna tal-ktieb). Nerġa’ ngħid kien ikollok raġun issejjaħli iblah kieku nemmen l-ereżija misħuta li wieħed jista’ jgħix kif irid “iċaflas fil-ħmieġ tad-dnubiet” u jsalva xorta għax jgħid li jemmen fi Kristu. Imma jien niċħad bil-qawwa kollha ereżija bħal din. F’paġna 71 ktibt ċar:

“L-opri tajba u l-ubbidjenza lejn il-Liġi qaddisa t’Alla huma l-evidenza konkreta tas-salvazzjoni. Għaliex dawk kollha li ħafrilhom dnubiethom, Alla wkoll iqiegħed il-liġijiet tiegħu f’moħħhom, u jiktibhom f’qalbhom. Min jgħid li jaf ’l Alla u ma jħarisx il-kmandamenti tiegħu huwa giddieb. Min jiftaħar li jemmen f’Alla u ma jurix il-fidi tiegħu b’opri tajba jkun qed iqarraq bih innifsu.”

Tassew, min jgħid li għandu l-fidi iżda ma jurihiex b’opri qaddisa m’għandu ebda ċans li jsalva. “Fidi” bħal dik hi mejta; ma tiswa’ xejn. Kif ktibt int, fil-Lhud kapitlu 11 hemm lista ta’ nies ġusti li “ppruvaw x’fidi kellhom bl-opri u mhux bil-paroli biss.” Hekk nemmen jien ukoll.

Imma bħala Kattoliku Ruman int mhux suppost temmen hekk! Għalija, Kristjan Evanġeliku, l-opri tajba huma l-frott u l-evidenza konkreta ta’ fidi ħajja u tal-ġustifikazzjoni miksuba bil-fidi. Iżda int suppost temmen li l-opri tajba m’humiex sempliċement il-prova u l-frott tal-fidi. Int suppost temmen li flimkien mal-fidi, l-opri tajba huma l-kawża tal-ġustifikazzjoni. Hawnhekk ma nabqlux iżjed. Hawnhekk ninfirdu.

Jien nemmen li l-fidi twassal għall-ġustifikazzjoni u opri tajba.

FIDI >> ĠUSTIFIKAZZJONI + OPRI TAJBA

Int suppost temmen li l-fidi u l-opri tajba jwasslu għall-ġustifikazzjoni.

FIDI + OPRI TAJBA >> ĠUSTIFIKAZZJONI

Jien niddependi għalkollox fuq Kristu u d-demm li xerred darba għal dejjem fuq is-salib. Għalhekk ngħidu bil-fidi biss, mhux bl-opri. Inti tiddependi parti fuq Kristu u parti fuq il-merti ta’ l-opri tajba tiegħek. Int taħseb li għandek dritt għall-Ġenna minħabba Kristu u minħabba l-opri u t-tjieba tiegħek. Hux veru?

Hawn hu l-iżball fatali tiegħek. L-Iskrittura tgħid ċar li Alla jsalvana mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna” (Titu 3:5). Imma tagħlim bħal dan ma jitwemminx mill-qalb imkabbra tal-bniedem li jippretendi li għamel biżżejjed opri u hu tajjeb biżżejjed biex ikun jistħoqqlu s-salvazzjoni.

Biex issalva għandek tiġi lejn Kristu għeri u maħmuġ (kif tassew int). Mhux biex toffri l-opri tiegħek bħala ħlas għal dnubietek jew qishom biljett għall-Ġenna. Jeħtieġ tiġi għandu konxju tad-dejn u l-ħtija tiegħek. Haqqek mhux il-Ġenna imma l-kastig etern ta’ l-Infern. Hemm bżonn tiġi għand Kristu u tintelaq f’riġlejh b’fidi sinċiera. Tafda fih biss għax hu waħdu s-Salvatur. L-unika tama tiegħek għandha tkun il-ħniena u l-grazzja t’Alla fi Kristu u xejn fiduċja fl-għemejjel ta’ laħmek.

Naf li diffiċli taċċetta kliem bħal dan. Jien ukoll kont Kattoliku Ruman. Taħseb: allura nista’ ngħix ħajja ħażina u xorta waħda inslava. Le! Għal mitt darba, Le! Għax min tassew jirċievi l-grazzja t’Alla juri l-fidi tiegħu b’opri tajba u ħajja qaddisa. Ma jagħmilx l-opri biex jakkwista l-punti. Il-mottiv tal-Kristjan g]all-opri ta’ karità hu ferm aktar nobbli. Jgħix tajjeb u jagħmel l-opri tajba sforz l-imħabba tiegħu lejn Dak li ħabbu l-ewwel.

Jeħtieġ nirrepeti li l-opri huma l-frott u mhux il-kawża tas-salvazzjoni. Min bla ma jagħmel opri, jemmen lil Alla li jiġġustifika li min hu ħażin, din il-fidi tiegħu tingħaddlu b’ġustiżżja. X’taħseb Dun Frans? Se tibqa’ ssejjaħ l-ġustifikazzjoni bil-fidi bla opri bħala “idea korrotta”? Min qalbi nittama li le. Nittama li tiċħad il-fiduċja li għandek fik u fl-opri tiegħek innifsek, u tintelaq bil-fidi fi ħdan Ġesù Kristu. Imma jekk tibqa’ tinsisti li din idea korrotta, kun af li mhux il-kelma tiegħi qed iżżebblaħ imma l-Kelma safja t’Alla l-imbierek (Rumani 4:4,5; Efesin 2:8,9; Galatin 2:16).


KATTOLIKU

Sinjur,

Nirrispondi peress li ma ħadx pjaċir li interpretajtni ħażin. Naqbel perfettament ma’ San Pawl: “Intom salvi bil-grazzja, permezzz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri biex ħadd ma jiftaħar” (Efesin 2:8-9). Hi l-grazzja t’Alla biss li ssalvana bi twemmina u b’dawk l-opri tajba f’koperazzjoni ma’ l-opri redentivi ta’ Kristu, b’mod li l-opri tal-membri tal-Knisja, Ġisem Kristu, (l-opri tagħna) isiru opra waħda bi Kristu, ma’ Kristu, u fi Kristu, opra redentiva waħda tal-Ġisem Imqaddes ta’ Kristu biex b’hekk isseħħ is-salvazzjoni ta’ l-umanità; cioè l-ĠUSTIFIKAZZJONI.

Kont inkun miġnun li ngħid l-ereżija dagħwa, li, bl-opri personali tiegħi niġġustifika ruħi, u dan mhux veru li għidtulek jien: ta’ kull m’għidtlek għandi kopja; mhux billi toqgħod tpinġi l-“equations” b’daqshekk tajtni xi prova. Konvint li jien, u anke l-istess Marija Omm Alla Immakulata Assunta akkwistat kollox, sal-fidwa, permezz ta’ Binha Ġesù, bi grazzja. Dan gara b’don t’Alla li tani lil Ġesù Ibnu biex ngħaqqad l-opri tajba tiegħi ma’ tiegħu għax jien bħala mgħammed sirt Ġisem wieħed fih u miegħu u iben adottat t’Alla b’riżultat ta’ din l-għaqda misterjuża, imma reali, kif jispjega wisq tajjeb din it-teżi San Pawl, dwar li l-Knisja hi realment Ġisem Mistiku ta’ Kristu. San Pawl ifisser tajjeb kif hi r-rieda t’Alla li l-opri kollha tal-ġisem ta’ Kristu, tal-Knisja, iservu għall-bini u progress ta’ dan il-Ġisem Qaddis sa ma sseħħ l-OPRA kollha f’Saltna Eterna t’Alla f’Ġerusalemm il-Ġdida.

Hawn issa kwotazzjonijiet ta’ dil-verità. “Aħna, għalkemm ħafna, ġisem wieħed fi Kristu, u kull wieħed membri ta’ xulxin” (Rumani 12:5). “Bħalma l-ġisem huwa wieħed, għalkemm għandu ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għalkemm huwa ħafna, huma ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu” (1 Korintin 12:12). “Imma issa ngħixu skond is-sewwa fl-imħabba, nikbru f’kollox lejn dak li hu r-Ras, Kristu, li minnu l-Ġisem kollu, magħqud u msaħħaħ bl-irbit kollu li jagħti l-għajnuna skond il-ħidma (l-opri) ta’ kull biċċa (aħna) jaħdem il-kobor għall-bini tiegħu fl-imħabba” (Efesin 4:15-16). “U ma jżommx mar-Ras li minnha l-Ġisem kollu, imsaħħaħ u magħqud bl-irbit u l-għeruq, (il-membri kollha, aħna, mar-Ras, Kristu) jikber il-kobor li jrid Alla” (Kolossin 2:19). “Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu?” (1 Korintin 6:15). “Intom il-Ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom hu membru tiegħu” (1 Korintin 12:27). U jekk taqra Efesin 4:11-16 tara kif bis-serjetà San Pawl juri li l-ħidma (opri) ta’ kull membru tal-Ġisem ta’ Kristu, għalkemm ħidmiet differenti, skond ma u kif Alla għoġbu jqassam, iwasslu biex isseħħ il-MILJA ta’ Kristu: u x’inhi din jekk mhux ir-Redenzjoni universali li wettaq Kristu biss, għax Hu biss seta’ jwettaqha permezz tal-Ġisem imqaddes tiegħu, bħala Bniedem-Alla, u mhux bħala Alla biss jew bniedem biss.

Mhux aħna li nimmeritaw imma Kristu bil-Ġisem tiegħu kollu, għax din hi r-rieda t’Alla, għax ladarba l-umanità kollha dinbet hi l-umanità kollha li trid issofri u tpatti għal dnubha. L-istess Abraham ġie ġustifikat, mhux iġġustifika lilu nnifsu. Jiddispjaċini li ħsibtni stupidu tant li nivvanaglorja l-opri personali tiegħi li ma jiswew għal xejn jekk mhux imwaħħdin ma’ dawk ta’ Kristu. “Dak li ħalqek mingħajrek ma jsalvakx mingħajrek’ (Sant Wistin). Aqra sew 2 Korintin 4:7-17 kif jaħdmu l-opri. Nitlob għalik dejjem forsi terġa’ tara d-dawl.


EVANGELIKU

Għażiż Dun Frans,

Insellimlek u niżżik ħajr għat-tweġiba tiegħek.

Fl-ewwel ittra tiegħek ktibt li l-fidi ġenwina tingħaraf mill-opri tajba. Naqbel miegħek għax hekk tgħallem l-Iskrittura u hekk ukoll jemmnu l-Insara Evanġeliċi. Tiswa biss “l-fidi li taħdem bl-imħabba” (Galatin 5:6). Min jgħid li hu Kristjan jew li għandu l-fidi iżda m’għandux imħabba, fil-fatt m’għandu xejn: mhux Kristjan veru u “l-fidi” tiegħu hi mejta u frugħa.

Bħala Kattoliku ma tistax taqbel ma dan. Jeħtieġ temmen li wieħed jista’ jkollu l-fidi u ma jkollux imħabba u xorta waħda jkun Kristjan. Hekk tgħallem il-Knisja Kattolika Rumana. “Jekk xi ħadd jgħid li...min għandu l-fidi mingħajr imħabba mhux Nisrani, anathema sit” (Kon`ilju ta’ Trentu, Sessjoni 6, Qanun 28). X’kuntrast mat-tagħlim ta’ San Pawl: “Kieku għandi l-fidi kollha...u m’għandix imħabba, ma jiena xejn” (1 Korintin 13:2).

Nikkonferma li fl-ewwel ittra tiegħek ma ktibtx li bl-opri personali se tiġġustifika ruħek. Kont jien li ktibtlek li jekk inti tassew Kattoliku trid temmen li l-opri tajba m’humiex sempliċement il-prova u l-frott tal-fidi iżda huma l-kawża tal-ġustifikazzjoni. Mhux jien ngħid hekk imma l-Knisja Kattolika:

“Jekk xi ħadd jgħid li l-ġustizzja milqugħa mhix priżervata u anke miżjuda quddiem Alla permezz ta’ l-opri tajba, iżda li dawn l-opri huma sempliċement l-frott u s-sinjali tal-ġustifikazzjoni, u mhux ukoll l-kawża taż-żieda tagħha, anathema sit” (Konċilju ta’ Trentu, Sessjoni 6, Qanun 24).

Ma kellix raġun nikteb li skond it-tagħlim Kattoliku bniedem hu ġġustifikat bil-fidi u bl-opri?

Biex tevita konflitt ma’ l-Iskrittura fejn tgħallem li m’aħniex salvati jew ġustifikati bl-opri tagħna, int rraġunajt li peress li l-Insara huma membri fil-ġisem ta’ Kristu, l-opri tagħhom isiru l-opra redentiva tal-Ġisem ta’ Kristu. Urejtni diversi skritturi li juru ċar li l-Insara huma membri fil-ġisem ta’ Kristu. Naturalment jien nemmen din il-verità mbierka. Madankollu l-istess versi ma jurux li f’din l-għaqda l-Insara jikkoperaw ma’ Kristu biex jiksbu l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet, jew il-ġustifikazzjoni. Erġa’ aqrahom u ara kif l-appostlu Pawlu jgħallimna li bil-ħidma tagħhom fi Kristu, l-Insara jikbru u jimmaturaw u jsiru jixbħu aktar lil Kristu. Ma jgħidx li bil-ħidma tagħhom fi Kristu jiksbu l-ġustifikazzjoni. Għall-kuntrarju, dawk kollha li huma fi Kristu jistgħu jifirħu li diġà huma ġustifikati bid-demm ta’ Kristu.

Minkejja l-protesti tiegħek li mhux “bl-opri personali niġġustifika ruħi,” xorta waħda ma jirnexxilikx tisgiċċa mill-fatt li l-opri tiegħek jibqgħu tiegħek (anke meta jsiru fi Kristu bl-għajnuna tal-grazzja). Inti stess tirreferi għalihom bħala “l-opri tajba tiegħi” u tinkludi dawn l-opri f’koperazzjoni ma’ l-opri ta’ Kristu għall-ġustifikazzjoni tiegħek. U hekk, b’ħafna argumenti komplessi, iġġib fix-xejn il-Kelma t’Alla: “Issa, lil dak li jaħdem, il-ħlas ma jingħaddlux bħala grazzja, imma bħala dejn. Imma għal dak li ma jaħdimx, iżda jemmen f’dak li jiġġustifika l-ħażin, il-fidi tiegħu tingħadd bħala ħaqq” (Rumani 4:4,5).

Int ktibt ukoll li “mhux aħna nimmeritaw imma Kristu bil-Ġisem tiegħu kollu.” Jekk qed nifhmek sew, il-mertu mhux tal-bniedem. Imma l-Knisja Kattolika mhux hekk tgħallem. Għalkemm il-mertu hu l-ewwelnett tal-grazzja t’Alla, il-Knisja tinsisti li l-mertu huwa wkoll “tas-sehem li jagħti l-bniedem” u li “nistgħu nimmeritaw għalina...il-grazzji kollha li jiswewlna biex naslu fil-ħajja ta’ dejjem” (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, paragrafi 2025, 2027).

Fl-aħħarnett, ma kienx permezz tal-ġisem mistiku, il-knisja, li Kristu kiseb il-fidwa. Kien permezz tal-ġisem tal-laħam ta’ Ibnu li Alla ġab ir-rikonċiljazzjoni (Kolossin 1:22). Il-knisja, il-ġisem mistiku ta’ Kristu, hija l-frott tas-sagrifiċċju tal-ġisem ta’ laħmu fuq l-għuda tas-salib u tad-demm li xerred għall-ġustifikazzjoni tagħha.

L-Ispirtu s-Santu jagħtik qalb sempliċi bħal tat-tfal biex tilqa’ l-Kelma tiegħu.


KATTOLIKU

Sinjur,

Qed niktiblek bi kjarifika, u għall-aħħar darba. Minn kliemek tidher temmen fi kliem Kristu; mela dwar x’jiswew u l-importanza ta’ l-opri personali, nagħtik parir taqra kliem l-istess Kristu li kien imdorri jgħallem bil-parabboli. Il-ħlas ta’ min ħadem u min ma ħadimx bit-talenti li Hu jogħġbu jagħtina: sib Mattew 25:14-30. Qis li tixtarr tajjeb il-kelmiet f’versi 21-23. “Tajjeb! qaddej tajjeb u fidil; kont fidil fil-ftit, fuq ħafna nagħtik setgħa; idħol fil-ferħ ta’ sidek.” U vers 30 li forsi qabiżlek: “U l-qaddej li mhu tajjeb għal xejn (għażżien) itfgħuh fid-dlam ta’ barra; hemm ikun hemm biki u tgħeżżiż ta’ snien.”

“Il-ħaddiem ħaqqu ħlasu,” għalxiex, mhux għal ħidmietu (opri)? Kristu żgur li ma kienx qed jirreferi għall-ikel biss imma l-ħlas spiritwali wkoll.

Dwar l-imħabba: Int sejjer tgħallem lill-Knisja x’inhi l-imħabba? Preżunzjoni krassa bħal din żgur li qatt ma stennejta minnek! Il-Knisja (mhux l-individwi tal-Knisja) dwar l-imħabba dejjem imxiet fuq il-Kantiku ta’ San Pawl dwar l-imħabba: aqrah sew u tgħallem x’inhi IMĦABBA tassew (1 Korintin 13:1-13).

Bl-imħabba u mingħajrha, Nisrani, la hu mgħammed, dejjem Nisrani; biss mingħajrha ma jkun jgħix lil Kristu, imma lil kapriċċih - u ta’ kapriċċih isib. Qassis l-istess: la l-libsa u lanqas l-imħabba ma tagħmlu qassis, imma l-Ordinazzjoni Sagra li rċieva. Kif jgħix affarih, hu jrid jagħti rendikont lis-Sid, bħal fil-Parabbola li semmejtlek. Jewwilla ma tafx li Magħmudija u Ordni sagri fihom karattru indellibbli?

Possibli li Missjonarji, Marti, u tant miljuni ta’ Kristjani li jagħmlu tant sagrifiċċji kbar bil-ĦIDMA, jagħmlu hekk jekk mhux għax imbuttati mill-imħabba ta’ Kristu? “Charitas Christi urget nos” (2 Korintin 5:15). Emminni, li ma kienx għall-imħabba, ma kontx noqgħod nagħti kasek, u naħli ż-żmien miegħek. L-imħabba lejk ġegħlitni nipprova nagħmel li nista’ biex forsi xi darba terġa lura fil-merħla ta’ Kristu li abbandunajt b’detriment kbir għalik u għalhekk dejjem għidtlek li nibqa’ nitlob għalik.

Kif għidtlek fil-bidu din hi l-aħħar kitba tiegħi lilek: għax milli qed nara sewwa jgħid il-Qawl: “M’hemmx trux akbar minn dak li ma jridx jisma.” Q.E.D. Finis.


EVANGELIKU

Għażiż Dun Frans,

Ma kinitx għalxejn il-korrispondenza ta’ bejnietna. Jien tgħallimt ftit aħjar il-mentalità ta’ Kattoliku devot u fl-istess waqt kelli opportunità neżamina l-fidi tiegħi bis-siltiet mill-Bibbja li għoġbok tibgħatli. Illimitajt ruħi għal suġġett wieħed biss: il-ġustifikazzjoni (u warrabt suġġetti oħra, mhux għax m’humiex importanti, iżda biex nikkonċentraw aktar fuq dottrina essenzjali għad-destin tagħna).

Fi ftit kliem, jien nemmen li:

  1. Il-midneb hu ġustifikat (meqjus ġust mill-Imħallef tad-dinja) mhux minħabba l-opri tiegħu, iżda bil-fidi f’Ġesù Kristu; meqjus ġust minħabba l-merti li Kristu kiseb bl-ubbidjenza tiegħu għall-Missier li wasslitu sal-mewt tas-salib.

  2. L-opri tajba u l-imħabba huma l-prova tal-fidi ġenwina. Mingħajr l-opri tajba u l-imħabba l-professjoni tal-fidi hi fiergħa. Alla wkoll jogħġbu jippremja lill-uliedu ta’ l-opri tajba li jwettqu.

Mill-korrispondenza ta’ bejnietna jidher ċar li int temmen li:

  1. Bniedem hu ġustifikat bil-fidi u l-opri tiegħu li jagħmel fi Kristu, b’mod li l-ġustifikazzjoni hi ħlas għal ħidmietu.

  2. Bl-imħabba u mingħajrha, Nisrani, la hu mgħammed, dejjem Nisrani.

Il-pożizzjoni tiegħek hi żbaljata u tmur kontra l-Iskrittura. Għax lil dak li m’għandux imħabba l-Kelma t’Alla twissih li mhux tal-Mulej. Min ma jħobbx ma jagħrafx ’l Alla (1 Ġwanni 4:8). Bniedem li “jemmen” iżda m’għandux imħabba huwa magħruf mill-Knisja Kattolika bħala “Nisrani” imma Alla ma jagħrfux (fl-aħħar mill-aħħar quddiem Alla se nidhru mhux quddiem xi tribunal ekkleżjastiku). Għalkemm ħajjithom hi votja mill-opri tajba u l-imħabba, eluf ta’ Maltin jippretendu li huma Insara għax kienu mgħammdin. X’ingann! Minflok twissihom mill-għadab li ġej fuqhom, il-Knisja Kattolika tagħtihom tama falza li huma “Insara.”

Nitħassar ukoll lil ħafna Maltin oħra li huma konxji tal-ħażen tagħhom u għandhom il-biża’ t’Alla, iżda għadhom ma jafux is-sliem u l-ferħ li jiġu mill-ġustifikazzjoni gratwita t’Alla. Minflok tgħidulhom jittamaw biss fi Kristu, tgħidulhom jaħdmu u jistinkaw biex ikun jistħoqqilhom il-grazzja u l-maħfra t’Alla. “Il-ħaddiem ħaqqu ħlasu” ta’ ħidmietu - tassew! Imma s-salvazzjoni mhix il-ħlas għall-ħidma tagħna. Is-salvazzjoni hi għotja b’xejn tal-grazzja t’Alla. “Lil dak li jaħdem, il-ħlas ma jingħaddlux bħala grazzja, imma bħala dejn. Imma għal dak li ma jaħdimx iżda jemmen f’dak li jiġġustifika l-ħażin, il-fidi tiegħu tingħadd bħala ġustizzja...u jekk bi grazzja, mhux iżjed bl-opri; inkella l-grazzja mhix aktar grazzja” (Rumani 4:4,5; 10:6).

Jiġġudika Alla bejnietna minn hu fidil lejn l-Kelma tiegħu u min hu l-iskjav tat-tradizzjonijiet tal-bniedem.


Knisja Evangelika Trinita' - Kitba Evangelika Online - Lill-Kattolici - Copyright © J Mizzi