Blog: Joe Mizzi  
ġesu jsalva l-poplu tiegħu

Sa minn tfuliti, kont u nibqa immeraviljat b’dak li ġara fl-ewwel Milied. L-anġlu qal lil Ġuzeppi biex ma jibżax jieħu lil Marija b’martu għax dak li kien mnissel fiha hu mill-Ispirtu s-Santu. “U hi tiled iben,” qallu, “u int issemmih Ġesù għax hu jeħles il-poplu tiegħu minn dnubiethom.”

L-Iben t’Alla – li kien minn dejjem mal-Missier u bih kien maħluq kollox - sar bniedem u ġie fid-dinja. Is-Sultan etern libes il-faqar u ġie fostna; it-tfajjel ta’ Betlehem hu Emmanuel, Alla magħna.

Ġesù ġie biex iwettaq missjoni li ħadd ħliefu ma seta’ jwettaq; ġie biex jeħles lil poplu tiegħu minn dnubiethom. Għax aħna ksirna l-Liġi t’Alla, aħna ħatja quddiemu u jistħoqqilna l-kastig u l-għadab tiegħu fl-infern. Imma Ġesù jeħles lill-poplu tiegħu mill-ħtija u mill-ħakma tad-dnub, mill-mewt u mill-infern, u jħabbibhom m’Alla.

Imma għal xi wħud Ġesù ma jiswa xejn. Il-Mulej Ġesù jsalva biss lil dawk li huma tiegħu - hu jeħles lil poplu tiegħu, kif tgħid l-Iskrittura. Għalhekk ta’ min nistaqsi, jien ta’ Ġesù, jien nagħmel parti mill-poplu tiegħu, jien membru ħaj fil-knisja tiegħu? Indimt minn dnubieti, qiegħed nafda s-salvazzjoni ta’ ruhi f’idejh? Qiegħed nistinka biex ngħix skond ir-rieda tiegħu, niskarta d-dnub, infittex il-qdusija, u li nħobb mill-qalb?

Jekk iva, nista’ nkun ċert li hu jsalva lili wkoll minn dnubieti. Isalvani għax hu Alla, u Alla jista’ kollox. Isalvani għax sar bniedem, tad-demm u l-laħam bħali, biex hu, li kien bla dnub, kien imsallab u xerred demmu biex iħallas darba għal dejjem id-dejn tiegħi. Ħa fuqu dak li qatt ma kellu, id-dnub; u ta lili dak li qatt ma kelli, qalb nadifa u l-ħajja ta’ dejjem. Minn qalbi nittama li inti wkoll tesperjenza l-maħfra u l-paċi li Ġesù biss jaf jagħti.

Ix-Xhieda ta’ l-Iskeletri

Fl-iskola t-tfal tagħna jitgħallmu li l-fossili joffru evidenza favur it-teorija tal-evoluzzjoni.

Skond it-teorija ta’ Darwin, annimal jevolvi f’tip ta’ annimal ieħor fuq perjodu ta’ miljuni ta’ snin. Din il-bidla ma ssirx b’qabża, iżda f’sensiela ta’ passi żgħar. Sabiex annimal “A” jevolvi f’annimal “B” suppost ikun hemm numru kbir ta’ annimali intermedjari bejniethom.

Dawn l-annimali intermedjarji huma assolutament neċċessarji għat-teorija ta’ Darwin għax m’hemm l-ebda proċess naturali li bih speċi tista’ tinbidel f’daqqa u ssir speċi totalment differenti. Il-prova favur jew kontra t-teorija ta’ Darwin tinstab fil-preżenza jew in-nuqqas ta’ dawn il-forom intermedjarji fis-saffi tal-blat.

Meta kien ippubblikat The Origins of Species, il-fossili tal-forom intermedjarji kienu għadhom ma nstabux. Laqqmuhom missing links. Darwin jammetti li dan in-nuqqas kien dgħufija prinċipali fit-teorija tiegħu. Iżda dak iż-żmien Darwin kellu skuża raġonevoli minħabba li x-xjenza tal-palentoloġija (l-istudju tal-fossili) kienet għadha fil-bidu tagħha.

Il-verdett kellu jistenna x-xhieda tal-palentoloġisti tas-seklu għoxrin. Darwin kien konvint li biż-żmien jinstabu il-missing links. Stqarr ċar u tond li jekk dawn il-fossili intermedjarji jibqgħu ma jinstabux, it-teorija tiegħu tkun f’periklu kbir.

Minn dak iż-żmien għaddew mija u ħamsin sena ta’ studju tal-fossili. Illum ħadd ma jista’ jgħid li m’għandniex informazzjoni biżżejjed biex ikollna idea ċara tat-tipi differenti ta’ annimali li kienu jeżistu fil-passat.

Fis-saffi tal-blat instabu fossili ta’ l-annimali li għadhom jeżistu llum u numru kbir ta’ annimali oħra estinti (l-aktar famużi huma d-dinosawri). Imma hemm fossilli intermedjarji? Ir-risposta ċara u tonda hi, le, ma nstabux! Il-missing links għadhom missing!

Min jaf jekk it-teorija ta’ Darwin kinitx taqbad art kieku kellhom l-informazzjoni tal-fossili li għandna llum?

Frar 2009

[fuq]

RIĠLEJN MA JIMXUX

Dan l-aħħar deher video fuq il-YouTube li juri statwa tinqaleb fl-art u titkisser waqt li kienet qed tinġarr fil-knisja. Ftakart x’qal il-profeta Ġeremija (10:5) fuq l-idoli:

“Bħan-nuffara f'għalqa ħjar, l-idoli ma jitkellmux. Trid terfagħhom, għax ma jimxux. La tibżgħux minnhom, għax deni ma jagħmlux, u riżq ma fihom xejn.”

Is-salmista (115: 4-7) jgħid li l-allat tal-pagani huma fidda u deheb, għemil idejn il-bnedmin, u b’disprezz ikompli:

“Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; għandhom l-għajnejn, u ma jarawx; għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; għandhom l-imnieħer, u ma jxommux; għandhom l-idejn, u ma jmissux; għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux; ebda leħen ma joħroġ minn fommhom.”

Naturalment il-Bibbja qed titkellem fuq l-idoli tal-pagani u mhux fuq l-istatwi nsara. Imma milli jidher l-istatwi nsara m’humiex wisq aħjar minnhom. Il-vari tal-qaddisin ukoll jeħtieġ jintrabbtu biex ma jinqalbux, u jinġarru fuq l-ispallejn avolja għandhom ir-riġlejn.

M’hemmx li nirritornaw lejn il-fidi u l-prattika tal-knisja bikrija! L-Insara tal-bidu ma kellhomx statwi; kienu jqima ‘l Alla fl-Ispirtu u l-verità, kif jgħallimna il-Mulej Ġesù. Kienu jieħdu bis-serjetà t-tieni kmandament li jiprojbixxi il-qima ta’ xbiehat skolpiti maħdumin b’idejn il-bniedem, u saħansitra li mmilu quddiemhom.

Gunju 2008

[fuq]


Riforma fil-Knisja

M'għandix inkun sorpriz meta jakkużawni b'mottivi ħżiena għax kultant nikteb kontra xi tagħlim jew drawwiet tal-Knisja Kattolika. Iżda nammetti li jiddispjaċini.

Xi wħud jassumu li nobgħod meta nikteb kontra ċerti aspetti tar-reliġjon Kattolika. Alla li jagħraf il-qalb jaf li xejn għajr l-imħabba ma' tħeġġigni biex naqsam l-Evanġelju ma' kullħadd, u b'mod speċjali mal-Kattoliċi peress li jien ukoll darba kont Kattoliku u għalhekk nifhimhom sewwa.

L-imħabba mhix biss tmellis u kliem ħelu. Meta kont tfajjel, missieri u ommi kienu jikkoreġuni. Dak iż-żmien ma kontx nieħu ġost bihom; illum ma nsibx kliem biex nirringrazzjahom. L-istess issa, fost sħabi u ħbiebi, l-aqwa fosthom huma dawk li jwissuni u jgħinuni ninbidel fejn ikun hemm bżonn.

Mhux hekk għamel il-Mulej Ġesù meta kien fostna? Ġesù ma qagħadx lura milli jneħħi l-għanqbut u jiknes it-trab li kien inġabar matul is-sekli fir-reliġjon Lhudija. Kemm-il darba qalilhom: “Smajtu li ntqal min-nies ta’ dari… imma jien ngħidilkom.” Darba oħra qalilhom: “Intom twarrbu għal kollox l-kmandamenti t’Alla biex iżżommu t-tagħlim tagħhom.” U darba oħra, “Qegħdin tiżbalja għax ma tafux l-Iskrittura.”

Jien konvint li r-reliġjon Kattolika wkoll, bħal fi żmien Ġesù, għandha bzonn riforma sħiħa. Hemm bżonn nagħżlu bejn it-tagħlim tal-Mulej u t-tradizzjonijiet umani biex nerġgħu lura għall-messaġġ evanġeliku li jagħti l-ħelsien u l-ħajja.

Settembru 2007

[fuq]


JIXTRU L-MEWT B'IDEJHOM

Waqt li qed nikteb, nisma’ l-ħsejjes qawwija tal-murtali f’ġieħ il-qaddis tar-raħal. Il-ħamest irġiel li mietu fil-kamra tan-nar din il-ġimgħa għadhom lanqas indifnu.

Kif nista’ nieħu ġost bil-logħob tan-nar? Qed inħallsu prezz għoli wisq għal ftit pjaċir: il-ħajja ta’ min jaħdmu u l-inkwiet u n-niket tal-familjari tagħhom.

Imma nistħajjel min jgħidli, x’nistgħu nagħmlu aħna? In-nar ma jaħdmuhx f’ġieħ il-qaddis imma sforz in-namra lejn dan id-delizzju perikoluż. Dawk li jaħdmu n-nar huma iffissati, u kif jgħid il-Malti, l-għada li titrabba fiha, il-kefen biss ineħħiha.

Tassew, imma int u jien nistgħu nagħmlu xi ħaġa biex ma nkunux kompliċi fil-qtil ta’ irġiel oħra fix-xhur u s-snin li ġejjin. Jekk tassew nemmnu fil-valur tal-ħajja umana, u jekk konvinti li l-qaddisin fis-sema m’għandhomx bżonn l-istorbju u l-kuluri tal-logħob tan-nar, nistgħu nipproteġu l-ħajja billi ma nagħtu ebda kontribut finanzjarju, lanqas ċenteżmu! Meta jiġu jiġbru għan-nar, l-għażla f’idejna.

Min irid jixtri l-mewt, jixtriha bi flusu.

2007

[fuq]


MESSAGGI MIS-SEMA?

X’nistgħu ngħidu dwar statwi jnixxu dmugħ tad-demm u d-dehriet tal-Madonna? X’hemm wara dawn il-fenomeni?

Hemm żewġ possibilitajiet: jista’ jkunu ġejjin minn kawżi naturali jew minn kawżi sopranaturali. Ta’ l-ewwel, il-kawżi naturali, jinkludu mard psikjatriku (ngħidu aħna alluċinazzjonijiet) jew qerq tal-bniedem.

Imma xi wħud minn dawn il-ġrajjiet donnhom m’għandhomx spejga naturali. Iżda dan ma jfissirx li dehra tal-Madonna bil-fors hi ġenwina. Avvenimenti sopranaturali jistgħu ikunu ġejjin minn Alla jew mix-xitan.

L-Iskrittura twissina li Satana jidher bħala anġlu tad-dawl. Dan ifisser li x-xitan ma jidhirx ikrah kif tassew hu, imma jinbidel u jieħu sura oħra. Jidher bħala messaġġier t’Alla. Għalhekk irridu nżommu quddiem għajnejna li x-xitan jista’ jidher u jippersonifika lil Marija, omm Sidna, biex iqarraq.

Forsi għalhekk il-Knisja Kattolika ma tgħaġġilx biex tapprova kull dehra li jseħħu ta’ spiss madwar id-dinja. Infatti qajla tagħti direzzjoni ċara lill-fidili, u bis-skiet tagħha, il-knisja qed tħalli lill-Kattoliċi fil-periklu ta’ qerq demoniku.

Lanqas għandna ninpressjonaw ruħna li f’dawn id-dehriet jingħad kliem reliġjuż fuq konverżjoni, talb u Ġesù. Ix-xitan mhux iblah. Ladarba jrid iqarraq bina, jgħid biżżejjed ħwejjeġ tajba biex ikun kredibbli, waqt li jitfa’ biżżejjed velenu biex joqtol il-vittmi tiegħu.

Tassew, għandna bżonn ta’ messaġġ mis-sema. Irridu nkunu nafu t-triq, x’irid Alla minna, kif niksbu s-salvazzjoni.

Alla ma ħalliniex fil-għama. Alla kellimna. Il-messaġġ etern tiegħu huwa miktub bl-iswed fuq l-abjad fil-paġni ta’ Iskrittura. Jonqos biss huwa nifhmu, nemmnu u nobdu Kelmtu. Messaġġi oħra mis-sema m’għandniex bżonn.

Ibghat ghall-kopja b'xejn tal-ktieb (e-book) 'Messages from Heaven'. [email]

2007

[fuq]


IT-TBATIJA U L-MEWT

Nixtieq naghmel zewg mistoqsijet dwar it-tbatija u l-mewt:

1. Il-pazjent ghandu dritt ikun jaf li ghandu mard terminali?
2. Jekk nitolbu bil-fidi, Alla dejjem ifejjaqna?

1. Jien nemmen li l-pazjent ghandu jkun jaf jekk ikollu mard li jwassal ghall-mewt. Jekk jibqa’ fl-ghama, tinholoq firda bejnu u l-familja u l-hbieb tieghu.

Meta l-marid ikun qed ihossu sejjer lura, ikollu bzonn jiftah qalbu ma’ l-gheziez tieghu. Dan ma jkunx jista’ jsir jekk il-verità tibqa’ mistura.

Minbarra hekk, wiehed ikun irid jipprepara ruhu – forsi jixtieq jitlob mahfra, jaghti parir lil uliedu jew jesprimu l-imhabba tieghu. Il-marid ikun irid ifittex lil Alla fit-talb u jipprepara ruhu spiritwalment.

Ghal Kristjan, il-mewt m’ghandhiex tkun it-telf ta’ kollox, imma bieb li jwassal ghal hajja ahjar.

2. Bla dubju, ghandna nitolbu ‘l Alla ghal fejqan. Alla sikwit ifejjaqna, imma mhux dejjem. X’uhud jibqghu ibatu minn mard kroniku ghal hafna snin u ohrjan imutu minkejja li jitolbu bil-qalb ‘l Alla.

Nahseb li jizbaljaw xi karizmatici li jitfghu t-tort fuq l-individwu li jibqa’ ma jfiqx. Mhux bilfors ma jghaddilux minhabba nuqqas ta’ fidi. Mhix dejjem ir-rieda t’Alla li nfiequ.

Il-Mulej ghallimna nitolbu “Ikun li trid Int” u bhal Kristu ghandna nersqu lejn il-Missier b’attitudni ta’ sottomissjoni ghar-rieda tieghu. Jekk ifejjaqna nfahhruh u nirringrazzjawh, jekk joghgbu ma jfejjaqniex u jehodna mieghu, nibqghu dejjem nafdaw fih, avolja ma nifhmux kollox.

Kristu kisbilna fidwa shiha – fir-ruh u fil-gisem. Ma weghdniex ghana u sahha f’din l-art, imma weghdna l-prezenza hanina tieghu u tana tama li tmur lil hemm mill-qabar. Fil-qawmien jaghtina gisem glorjuz, hieles minn kull mard, biex inkunu mieghu ghal dejjem.

Matul il-mixja f’din id-dinja, il-Mulej jghaddina minn bizzejjed inkwiet u mard biex ma nhallux qalbna tintrabat ma’ dak li jintemm u nitghallmu nharsu ’l fuq lejh.

2007

[fuq]


L-Ewwel Qaddis Malti?

Għaliex għandna nifirħu li wara ħafna sekli wieħed minn fostna – wieħed biss – se jkun ddikjarat qaddis?

Inħoss ruħi mqallba meta nara kemm ir-reliġjon kattolika tbegħdet mill-fidi evanġelika mħaddna mill-Insara bikrija. Żgur li bħali ħafna Maltin qraw it-Testment il-Ġdid u tgħallmu x’kienu jemmnu u jipprattikaw id-dixxipli taħt it-tmexxija ta’ l-appostli. Għandna l-kuraġg inqabblu dak li qrajna ma dak li qed naraw bħalissa?

It-titlu “qaddis” kien ristrett biss għal numru żgħir ta’ nies jew l-Insara kollha kienu jissejħu qaddisin? Kienu kanoniżżati wara mewthom jew kienu magħrufa qaddisin f’ħajjithom minkejja id-dgħufijiet li lkoll kemm aħna għandna? Kienu ddikjarti qaddisin minn xi tribunal ekkleżjastiku jew minn isqof ta’ xi belt partikolari, jew l-Insara kienu jgħarfu lil xulxin qaddisin? Kienu meqjusin qaddisin minħabba l-għemejjel u l-virtujiet tagħhom, jew għax kienu jemmnu fi Kristu Ġesù?

Fil-Bibbja insibu li dawk kollha li tassew jemmnu l-evanġelju huma mqaddsin bid-demm ta’ Kristu u bil-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu f’qalbhom. Lil maħbubin tiegħu, Alla jsejħilhom “qaddisin” mill-ewwel mument li jemmnu f’Ibnu, u mbagħad jibgħathom jgħixu ħajja qaddisa fid-dar, fuq ix-xogħol u kulfejn ikunu.

Ir-reliġjon kattolika qalbet dan kollu ta’ taħt fuq.

2007

[fuq]


Gesu Jsalva l-Poplu Tiegħu

Ix-Xhieda ta' l-Iskeletri

Riglejn ma Jimxux

Riforma fil-Knisja

Jixtru l-Mewt b'Idejhom

Messaggi mis-Sema?

It-Tbatija u l-Mewt

L-Ewwel Qaddis Malti

Min jien? Twelidt (1966) u trabbejt Ghawdex. Illum mizzewweg, nghix u nahdem Malta, tabib tat-tfal. Kont Kattoliku; illum Kristjan evangeliku. Nemmen fi Kristu, u l-Kelma t'Alla, l-Iskrittura. X'irrid naghmel b'hajti? Nigglorifika u ngawdi 'l Alla, mhux lanqas billi nghin lil haddiehor u nghid kelma tajba f'waqtha.

Joe Mizzi. [Email]

Knisja Evangelika Trinità
Pagna Ewlenija >