|
Iż-Żwieġ u d-Divorzju Miktub minn Joe Mizzi X’inhu ż-żwieġ? Iż-żwieġ hu patt ta’ sħubija skond l-istituzzjoni divina bejn raġel u mara għal tul ħajjithom kollha. Għaliex iż-żwieġ sejjaħtlu ‘istituzzjoni divina’? Għax iż-żwieġ waqqfu Alla sa mill-bidu tal-ħolqien (Ġenesi 2:18-25); huwa Alla li jgħaqqad il-koppja flimkien (Mark 10:9). Ladarba mhux invenzzjoni umana, għandna nfittxu nifhmu u nwettqu ż-żwieġ skond it-tagħlim tal-Kelma t’Alla, u mhux fuq l-opinjoni u l-ideat tagħna. Għaliex tgħid li ż-żwieġ hu ‘patt’? Iż-żwieġ hu patt, jew rabta sagra, kif issejjaħlu l-Iskrittura fi Proverbji 2:14 u Malakija 2:17. Iż-żwieġ hu mibni fuq l-mudell tar-relazzjoni ta’ Kristu mal-knisja tiegħu li hu f’forma ta’ patt (‘Il-Patt il-Ġdid’). Għalhekk mhux biżżejjed li tnejn jiddeċiedu li jgħixu flimkien jew li jkollhom relazzjonijiet sesswali bejniethom. Iż-żwieġ iseħħ meta t-tnejn jidħlu f’dan il-patt bejniethom quddiem Alla u s-socjetà. Għaliex tgħid ‘bejn raġel u mara’? Sa mill-bidu hekk ried Alla: “ir-ragel…jingħaqad ma’ martu, u jsiru laham wieħed” (Ġenesi 2:24). Il-poligamija u l-omosesswalità huma perverżjoni taż-żwieġ. Għaliex tgħid ‘ta’ sħubija’? Għax il-patt taż-żwieġ hu mahsub biex ir-raġel u l-mara jsibu l-milja tagħhom f’xulxin f’relazzjoni ta’ mħabba. Dwar ir-ragel, Alla qal li mhux sew li jkun wahdu. Ir-raġel isib il-milja fil-mara, u l-mara fir-raġel. Ir-rabta bejn ir-raġel u l-mara hi hekk intima li l-Iskrittura tiddiskriviha hekk: “ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu; u isiru laham wieħed” (Ġenesi 2:24). L-għaqda taż-żwieġ hi aktar qrib mir-rabta tad-demm bejn l-ulied u l-ġenituri. Ir-raġel ‘jingħaqad’ jew ‘jinkolla’ ma’ martu; it-tnejn isiru laħam ‘wieħed’. Ir-relazzjoni bejn il-miżżewġin hi esklussiva u ma tipermettix l-indħil ta’ persuni ohra – peress li Alla ħalaq mara waħda għal raġel wieħed; u it-tnejn, mhux tlieta jew aktar, isiru ġisem wieħed. L-adulterju (relazzjoni sesswali barra ż-żwieġ) huwa l-ksur tal-patt tas-sħubijia (Rumani 7:3). Għaliex tgħid ‘tul ħajjithom kollha’? Għax il-mewt biss tħoll ir-rabta taż-żwieġ (Rumani 7:1). Il-Mulej Ġesù jeħodha kontra d-divorzju f’Mark 10:1-12 u jiddikjara li dak li Alla għaqqad flimkien, ha ma jifirdux il-bniedem, u min ikecci lili martu u jizzewweg ohra, jagħmel adulterju kontra tagħha. Iż-żwieġ mhux esperiment li tista’ twaqqfu jekk tiddejjaq jew ma jirnexxix. Iż-żwieġ hu impenn solenni għal għomrok: “nwiegħdek li nżomm ruħi fidil lejk, fir-risk it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa, u li nħobbok u nirrispettak tul ħajti kollha.” Għaliex ma taqbilx mad-divorzju?
M’għandhomx dritt dawk li ma jemmnux fi Kristu li jiddivorzjaw? Jekk hux ‘dritt’ jew le, irridu nqabblu d-divorzju ma’ riġa morali perfetta: il-liġi morali t’Alla. Skond Alla d-divorzju mhux ‘dritt’ imma ġej mill-għebusija ta’ qalb il-bniedem. Ħafna jagħżlu li jinjoraw ‘l Alla u l-Kelma tiegħu. Imma jagħmlu hekk għad-dannu tagħhom stess għax il-liġi hi mogħtija minn Alla twajjeb għal ġid ta’ l-individwu u s-soċjetá. Fl-aħħar mill-aħħar, kulħadd għad irid jidħer quddiem il-Ħallieq biex jagħti kont ta’ għemilu, inlkuż dawk li ma jemmnux. Għalhekk jekk inħobb ’l Alla u lill-għajri, jeħtieġ inwissi kontra d-divorzju u nitkellem favur l-permanenza taż-żwieġ. Min ikun separat, avolja mingħajr ħtija, ibgħati ħafna għax qalbu tixxennaq għall-imħabba ta’ sieħeb jew sieħba fiż-żwieġ. Madankollu jkun aħjar għalih ibati għax jagħmel is-sewwa milli ‘jgawdi’ għax jagħmel il-ħażin. Alla jibki ma’ dawn in-nies, u żgur ma jħallihomx weħidhom. Jekk Alla ma jridx id-divorzju, għalfejn tahom il-liġi tad-divorzju fit-Testment il-Qadim? Alla ma illeġislax favur id-divorzju, imma rregola d-divorzju li kien diġa’ hemm. Bħalma l-gvern ma lleġislax favur it-tipjip (anzi jwissi bil-periklu tas-sigaretti għas-saħħa); imma ladarba xorta hemm min ipejjep, il-gvern jirreġola l-vizzju tat-tipjip bil-liġi (ma tistax tpejjep f’postijiet pubbliċi magħluqa eċċ). Il-Mulej Ġesù ħadna lura lejn il-mudell u l-għan oriġinali taż-żwieġ: “Iżda mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. Minħabba f’hekk raġel jitlaq lil missieru u lil ommu, u jingħaqad ma’ martu. U t-tnejn isiru ġisem wieħed: għalhekk ma jibqgħux iżjed tnejn, iżda ġisem wieħed. Għalhekk dak li Alla għaqqad flimkien, ħa ma jifirdux il-bniedem” (Mark 10:6-9). L-għażla tagħna hi li nwebbsu jew niftħu qalbna għall-Ħallieq u l-Imgħallem tagħna. Kristu m’għamilx eċċezzjoni meta qal ’ħlief minħabba ż-żena’? Le b’ebda mod. Dik il-frażi nsibuha f’Mattew, u ma nsibuhiex f’Mark u Luqa. Mattew kiteb lill-Lhud, u skond id-drawwiet tagħhom, l-għerusija kienet rabta’ ħafna aktar qawwija milli hi għalina llum tant li kont tinħall minna bid-divorzju. Fl-għerusija l-koppja ma kienux jgħixu flimkien. Jekk waqt l-għerusija l-mara tmur ma raġel ieħor (‘iż-żena’ u mhux ‘adulterju’ għax adulterju jista’ jseħħ wara li tkun miżżewġa), l-għarus tagħha seta’ jiddivorzjaha leġittimament. Jista’ jkun li Mattew isemmi din l-eċċezzjoni biex jiġġustifika l-intenzjoni ta’ Ġużeppi, li sejjaħlu ‘raġel ġust’, li ħaseb biex jiddivorzja lil Marija meta sar jaf li hi tqila. Urini mill-Bibbja li Alla ma jridx id-divorju?
Għaliex ħafna żwiġijiet qed ifallu? Qed naħsdu dak li qed niżirgħu. Aħseb fuq koppja li:
... f’kelma waħda, koppja li barrew ‘l Alla mill-familja tagħhom m’għandhom xejn x’iżommhom flimkien. Dar mibnija fuq ir-ramel tiġġarraf. Mill-banda l-oħra, jekk il-miżżewġin jafdaw f’Alla u jħobbuh b’qalbhom kollha, isibu li r-relazzjoni tagħhom ġġibilhom il-ferħ u l-barka tiegħu tul ħajjithom kollha. |