|
IL-MAĦFRA TAD-DNUBIET Miktub minn Joe Mizzi Il-maħfra tad-dnubiet hu suġġett li jolqotna t-tnejn, Kattoliċi u Evanġeliċi, għax minkejja id-differenza bejn ir-reliġjonijiet tagħna, aħna lkoll midinbin u neħtieġu l-maħfra t’Alla. Minn ċkunietna konna mgħallmin li Ġesù waqqaf is-sagrament tal-qrar. Għallmuna li l-Mulej ta lis-saċerdot is-setgħa jaħfer d-dnubiet; aħna obbligati nistqarru dnubietna mal-konfessur; u wara li jagħtina l-assoluzzjoni, irridu nagħmlu penitenza bi tpattija għal dnubietna (ara Katekiżmu 1441, 1456 u 1459). L-Iskrittura tikkonferma dan it-tagħlim? Lil min għandna nistqarru dnubietna? Ġesù għallimna nindirizzaw it-talb tagħna lil Alla l-Missier. Mela itolbu hekk: Missierna, li inti fis-smewwiet (Mattew 6:9-13). Fost ħwejjeġ oħra qalilna nitolbuh, aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina. Ġesù jridna nistqarru dnubietna direttament lil Alla l-Missier. Hekk kienu jistqarru dnubiethom l-Insara fl-ewwel sekli tal-knisja, u hekk għandna nagħmlu l-Evanġeliċi illum. Skond il-Katekiżmu (paragrafu 1447), kien mis-seklu sebgħa wara Kristu li ddaħħlet “drawwa ġdida” -- l-qrar sigriet mas-saċerdot. Aktar tard, fis-sena 1215, fir-Raba’ Konċilju Lateran, il-qrar sar obbligatorju. Wara l-qawmien, il-Mulej Ġesù qal lid-dixxipli: Ħudu l-Ispirtu s-Santu: dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom, ikunu miżmuma (Ġwanni 20:22-23). Jidher ċar li l-Mulej ikkommissjona l-appostli biex iwasslu l-maħfra lid-dinja. Imma kif? Forsi b’dan il-kliem ħatarhom imħallfin u tahom is-setgħa ta’ l-assoluzzjoni, kif tgħallem il-Knisja Kattolika? (ara Katekiżmu 1465; Trentu 14:6). Jew b’xi mezz ieħor, billi ħatarhom xandara tal-Bxara t-Tajba, kif isostnu l-Evanġeliċi? Kif mela wettqu l-kommissjoni tal-maħfra? Hu stess fissrilhom: Hekk kien miktub, li kellu l-Messija jbati u jqum mill-imwiet fit-tielet jum, u tixxandar f’ismu ndiema u maħfra tad-dnubiet għall-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan (Luqa 24:46,47). Il-maħfra kellha tixxandar! L-Atti ta’ l-Appostli jirrakkonta kif l-Ispirtu s-Santu mexxihom biex iwettqu l-missjoni fdata f’idejhom minn Kristu. L-appostli ma kinux iqaraw, jagħtu l-assoluzzjoni jew jobbligaw n-nies iqerru. Meta ċertu wieħed Xmun dineb bl-ikraħ, l-appostlu Pietru ma qallux iqerr għandu, imma qallu: Indem minn dan il-ħażen tiegħek, u itlob lill-Mulej biex forsi jaħfirlek dan il-ħsieb tiegħek. (Atti 8:22) Jekk tistaqsi lill-appostlu Pietru għand min tistqarr dnubietek, żgur jirrispondik bl-istess kliem, Itlob lill-Mulej. L-appostlu Pawlu stqarr: Kunu afu, irġiel u aħwa, li permezz ta’ dal-bniedem, il-maħfra tad-dnubiet hi mxandra lilkom. (Atti 13:38). L-istess xandar l-appostlu Pietru: Lilu l-profeti kollha jixhdu, li dawk kollha li jemmnu fih jaqilgħu l-maħfra ta’ dnubiethom (Atti 10:43). Il-Mulej għamel lid-dixxipli xandara ta’ l-Evanġelju, mhux imħallfin u konfessuri. L-appostli wasslu l-maħfra t’Alla lid-dinja permezz ix-xandir tal-Kelma dwar Ġesù Kristu, mhux bil-qrar. Nistiednek taqra paragrafu 1442 tal-Katekiżmu. Jingħad li “s-setgħa ta’ l-assoluzzjoni” – is-setgħa li tingħata sentenza ta’ mħallef – kienet mogħtija biss lill-appostli; bi prova l-Katekiżmu jikkwota mit-Tieni Epistola lill-Korintin, kap 5. Fittex inti stess x’jgħid l-appostlu Pawlu (ara versi 18 sa 20) – ara jekk kienx jagħti l-assoluzzjoni jew jekk kienx ixandar il-maħfra. Ħafna snin ilu (kif jgħaddi ż-zmien!), Kristjani Evanġeliċi xandruli l-messaġġ tal-maħfra permezz ta’ Kristu. Kellmuni fuq il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù Kristu, u s-sejħa t’Alla għall-indiema u il-fidi; biex nafda s-salvazzjoni ta’ ruħi f’idejn il-Mulej Ġesù. Bil-grazzja t’Alla, emmint b’qalbi kollha fi Kristu. Ma nippretendix iżjed li npatti għal dnubieti bil-penitenzi u l-opri tajba; Kristu patta għal dnubieti darba għal dejjem bil-mewt tiegħu fuq is-salib. Fi Kristu għandna l-fidwa permezz ta’ demmu, il-maħfra tad-dnubiet, skond l-għana tal-grazzja tiegħu (Efesin 1:7). Illum jien ukoll irrid naqsam miegħek il-messaġġ ta’ salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu. Nitolbok għalhekk tikkonsidra sewwa t-tweġibiet tal-Kelma t’Alla għal dawn il-mistoqsijiet kruċjali. 1. Min jista’ jaħfer id-dnub? Jekk nistqarru dnubietna, hu (Alla l-Missier) fidil u ġust hekk li jaħfrilna dnubietna u jnaddafna minn kull ħażen (1 Ġwanni 1:9). 2. Permezz ta’ min nista’ naqla’ l-maħfra t’Alla? Ġesù għandu saċerdozju li ma jista’ jgħaddi għal għand ħadd. Għalhekk hu jista’ jsalva għal kollox ’il dawk li bih jersqu lejn Alla, għax hu dejjem ħaj biex jidħol għalihom (Lhud 7:24.25). 3. X’jagħmel tajjeb għal dnubieti -- il-penitenzi tiegħi, jew is-sagrifiċċju ta’ Kristu? Alla jsalvana mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu; Ġesù Kristu -- hu jħallas għal dnubietna (Titus 3:5;1 Ġwanni 2:2). Minn qalbi nixtieq li int ukoll tikseb il-maħfra ta’ dnubietek billi tirrikorri għand Alla permezz ta’ Ibnu, il-Mulej Ġesù Kristu. |