|
IL-MULEJ GESU'...U JIEN Miktub minn Joe Mizzi Min hu Ġesù ta’ Nażaret? U x’sinifikat għandu għalija? Diversi huma l-opinjonijiet, iżda l-aqwa xhieda dwaru hi l-Kelma miktuba t’Alla. L-Iskrittura, qal Ġesù, ‘tagħti xhieda tiegħi.’ Id-destin tiegħek jiddependi fuq r-relazzjoni li għandek ma’ Kristu. Il-Bibbja twissina li: ‘Dak li jemmen fl-Iben għandu l-ħajja ta’ dejjem, u dak li ma jemminx fl-Iben ma jarax il-ħajja, iżda għadab Alla jgħammar fuqu’ (Ġw. 3:36). Mhux biżżejjed tgħid ‘Jien nemmen fl-Iben,’ għaliex l-Iskrittura twissina li ‘jqumu Kristijiet foloz,’ u jixxandar ‘Ġesù ieħor.’ Għalhekk inħeġġek taqra b’attenzjoni dan l-istudju qasir tax-xhieda tal-Bibbja dwar il-Mulej, biex tara Ġesù Kristu min hu tassew. 1. Kristu hu bniedem Sa mill-bidu nett nibet tagħlim falz dwar Ġesù. L-appostlu Ġwanni jgħarrafna li ‘dehru fid-dinja ħafna nies qarrieqa, li ma jistqarrux li Ġesù ġie fil-ġisem.’ Ma kinux jemmnu li Ġesù hu bniedem. L-Iskrittura tinsisti li ‘żgur ma ħax fuqu n-natura ta’ l-anġli; iżda ħa fuqu n-nisel ta’ Abraham’ (Lhud 2:16). Kristu mhux anġlu, iżda bniedem, dixxendent ta’ Abraham. Ċerti karatteristiċi jiddistingwu l-bniedem minn Alla. Ngħidu aħna, Alla hu spirtu pur; il-bniedem għandu spirtu u ġisem. Alla hu etern, jinsab kullimkien, jista’ kollox, jaf kollox u ma jinbidilx. Il-bniedem għandu bidu u nisel uman, ma jistax ikun f’żewġ postijiet f’ħin wieħed, għandu saħħa limitata u jgħejja, ma jafx kollox u jista’ jitgħallem ħwejjeġ ġodda, jikber u jiżviluppa, u fl-aħħar imut ukoll. Meta naqraw l-evanġelji malajr nintebħu li Kristu għandu l-kwalitajiet ta’ bniedem. Twieled f’Betlehem madwar elfejn sena ilu minn mara Lhudija jisimha Marija. Bħal tfal oħra, Ġesù żviluppa u kiber fl-għerf u fit-tul. Trabba ma’ Ġużeppi u Marija f’Nażaret, u kien jisma’ minnhom. Tgħallem is-sengħa ta’ Ġużeppi u ħadem ta’ mastrudaxxa. Meta kellu madwar tletin sena ħareġ jgħallem. Darba, għajjien mill-mixi poġġa bil-qiegħda fuq bir jistrieħ, darb’ oħra raqad fid-dgħajsa. Stqarr li ħadd ħlief il-Missier ma jaf il-jum tar-ritorn tiegħu, kien jaqbdu l-ġuħ u l-għatx, kellu jivvjaġġa minn post għall-ieħor biex ixandar fi bliet differenti. Ħdejn il-qabar ta’ ħabibu, Ġesù beka, u fil-ġnien taż-Żebbuġ ammetta ma’ ħbiebu, ‘Imnikkta wisq ruħi, għall-mewt.’ Ħass it-tbatija tal-passjoni, u fl-aħħar nett, Kristu miet. Jidher ċar, mela, li Kristu hu bniedem tassew ladarba għandu l-kwalitajiet umani bħalna. Xi bniedem hu dan? Madankollu, daqshekk ieħor hu ċar li Kristu mhux sempliċiment bniedem. Twieled minn Marija verġni bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu. Ġwanni l-Battista (li ‘fost dawk kollha li huma mweldin minn nisa ma deherx wieħed akbar,’ Mattew 11:11) stqarr li ma kienx jixraqlu jħoll il-qafla tal-qorq tiegħu. Kristu kellu s-setgħa fuq il-mard, l-mewt, id-demonji u l-elementi tan-natura. Għal kelmtu, ir-riefnu u l-mewġ inbidlu fi bnazzi. Fejjaq mijiet minn kull xorta ta’ mard, qajjem il-mejtin, u ħafer id-dnubiet. Diversi profeti wettqu mirakli bil-qawwa t’Alla u għall-glorja ta’ l-isem t’Alla, iżda qatt biex jeżaltaw lilhom infushom. B’kuntrast Ġesù wettaq il-mirakli biex juri ‘l-glorja tiegħu’ (Ġwanni 2:11). Immaġinak kont wieħed mid-dixxipli ta’ Ġesù. Darba minnhom waqt li kontu qed taqsmu għan-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, Ġesù kien rieqed fuq imħadda fil-poppa. Qamet maltempata kbira. L-ilma beda dieħel fid-dgħajsa u kien jidher ċar li kontu qed tegħrqu. Ftakart fil-kliem ta’ l-Iskrittura: ‘O Mulej, Alla ta’ l-eżerċti, min hu, Mulej, qawwi bħalek bil-fedelta' tiegħek imdawwra madwarek? Inti taħkem il-qawwa tal-baħar, meta l-imwieġ tiegħu jqumu, int traqqadhom’ (Salm 89:8,9). Imxarrab għasra u mwerwer, titlob f’qalbek lill-Mulej Alla jgħinkom għax taf li hu biss għandu setgħa fuq l-imwieġ. Hu biss jista’ jeħliskom. Sadanittant xi ħadd qajjem lil Ġesù. Hu qam, ċanfar lir-riħ, u qal lill-baħar: ‘Iskot, ikkwieta.’ B’għaġeb kbir ir-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. Kulħadd beża’, u staqsew lill-xulxin: ‘Xi bniedem hu dan, biex ir-riħ u l-baħar stess jobduh?’ Kieku kont hemm, x’kont twieġeb? 2. Kristu hu Alla Qabel naraw ix-xhieda tal-Bibbja fuq id-Divinità ta’ Kristu, jeħtieġ nistaqsu: Min hu Alla? Hemm ħafna li jsejjħulhom ‘allat’, imma il-mifdija tal-Mulej jagħrfu Alla wieħed. Lilhom il-Mulej ikkmandahom: ‘Ma jkollokx Alla ieħor għajri’ (Esodu 20:3). Alla veru jingħaraf mill-attributi tiegħu (etern, omnixjenti, eċċ), mill-ismijiet (Jaħwe, Alla, il-Mulej), u mix-xogħlijiet t’idejh (il-ħolqien, is-salvazzjoni, il-ġudizzju tad-dinja). X’tgħallem l-Iskrittura dwar Ġesù: għandu l-attributi divini, jissejjaħ bl-ismijiet u t-titli t’Alla, u jwettaq ix-xogħolijiet tiegħu? Attributi Divini (i) Etern. Bħala bniedem Ġesù beda l-eżistenza tiegħu fil-konċepiment, madwar elfejn sena ilu. Imma Kristu jagħti x’tifhem li kien jeżisti minn qabel. Qal: ‘Intom min hawn isfel; jien minn fuq. Intom minn did-dinja; jien miniex minn did-dinja.’ Dwar Ġesù, is-Sultan li joħroġ minn Betlehem, il-profeta jħabbar li ‘nislu jkun mill-qedem, mill-jiem ta’ dejjem’ (Mikea 5:2). Mosè kiteb: ‘Qabel twieldu l-muntanji, jew qabel ma int għamilt l-art u d-dinja, minn dejjem għal dejjem, int Alla’ (Salm 90:2). Qabel il-ħolqien kien hemm Alla waħdu mill-eternità. Ġesù stqarr li kien fil-glorja u l-imħabba tal-Missier ‘qabel kienet id-dinja’ (Ġw. 17:5, 24). Ladarba hu ‘qabel il-ħwejjeġ kollha,’ Kristu huwa etern. Alla bagħat lil Mosè għand il-Lhud u qallu: ‘Hekk għidilhom lil ulied Iżrael ‘JIEN HU bagħtni għandkom.’ Ħafna sekli wara, l-Lhud sfidaw lil Ġesù kif seta’ ra ’l Abraham (li kien ilu mejjet elfejn sena) ladarba Ġesù kellu anqas minn ħamsin sena. It-tweġiba tiegħu rrabjathom: ‘Tassew, tassew ngħidilkom: Qabel ma kien Abraham, jien hu’ (Ġw. 8:58). Kieku Ġesù kellu bidu f’xi żmien qabel Abraham, seta’ jwieġeb: ‘Qabel Abraham, jien kont.’ Iżda Kristu ma qalx hekk. Sejjaħ lilu nnifsu bl-isem etern t’Alla, Jien hu. L-għedewwa tiegħu fehmuh tajjeb u qabdu l-ġebel biex iħaġġruh. Id-dixxipli tiegħu jifhmuh ukoll iżda kuntrarju għall-għedewwa tiegħu, il-Kristjani jemmnu li Ġesù hu etern, jew fil-kliem l-Iskrittura, li Ġesu hu ‘il-ħajja eterna.’ (ii) Omnipotenti. Alla għandu setgħa infinita. Jista’ jagħmel kollox, u ebda kreatura ma tista’ twettaq l-istess għemejjel tiegħu. Meta l-Lhud akkużawh li kiser is-Sibt għax fejjaq wieħed marid għal 38 sena, Ġesù ċaħad li għamel xi ħaġa kontra l-Missier: ‘Tassew, tassew, ngħidilkom: l-Iben ma jista’ jagħmel xejn minnu nnifsu, għajr dak li jara l-Missier jagħmel.’ Imbagħad kompla jgħid: ‘Għax dawk il-ħwejjeġ kollha li jagħmel (il-Missier), dawn l-Iben jagħmel ukoll’ (Ġw. 5:15-19). Ladarba jagħmel kulma jagħmel il-Missier, Kristu hu omnipotenti bħalu. Mhux għalhekk Kristu għandu l-qawwa ‘jżomm il-ħwejjeġ kollha bil-kelma tas-setgħa tiegħu’? Il-Mulej Ġesù jissejjaħ ‘l-Alfa u l-Omega, l-ewwel u l-aħħar’ Jgħid hekk fuqu nnifsu: ‘Jien hu l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem, jgħid il-Mulej, li hu, u li kien, u li ġej, Dak li jista’ kollox’ (Rivelazzjoni 1:8). Kristu hu omnipotenti. (iii) Omnixjenti. Alla biss jaf kollox. Jaf saħansitra l-ħwejjeġ moħbija f’qalb il-bniedem. Dwar Alla, il-Bibbja tiddikjara: ‘Int, int waħdek tagħraf qalb ulied il-bnedmin kollha.’ Issa l-Iskrittura tgħallimna li Kristu ‘jaf lil kulħadd,’ ‘jaf x’hemm fil-bniedem,’ ‘ifittex fil-ġewwieni u l-qlub.’ L-appostli talbu lil Mulej: ‘Int, Mulej, li taf il-qlub tal-bnedmin kollha’, u bl-aktar kliem sempliċi: ‘Issa nafu li taf kollox’ (ara Atti 1:24; Ġw. 16:30). (iv) Omnipreżenti. Alla jinsab kullimkien. Għalhekk seta’ jqawwi qalb il-poplu tiegħu fit-Testment il-Qadim u jassigurah bil-preżenza tiegħu: ‘Jien magħkom, jgħid il-Mulej ta’ l-eżerċti.’ Ġesù jwiegħed l-istess faraġ lid-dixxipli tiegħu meta qalilhom: ‘Ara, jien dejjem magħkom’ (Mt. 28:20). L-eluf ta’ laqgħat tad-dixxipli ta’ Kristu li jinġemgħu fl-istess waqt mad-dinja kollha huma xhieda tal-omnipreżenza tiegħu għax hu wegħdhom: ‘Fejn tnejn jew tlieta huma miġburin flimkien f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom’ (Mt. 18:20). (v) Imħabba. ‘Alla hu mħabba.’ L-imħabba t’Alla hi inifinita għax Alla hu infinit. Moħħna ma jista’ jifhem qatt il-kobor bla tarf ta’ mħabbtu. L-appostlu Pawlu jitlob għall-Kristjani biex jifhmu l-wisa’, u t-tul, u l-fond u l-għoli, u jagħrafu l-imħabba ta’ Kristu, li tgħaddi kull għerf’ (Efesin 3:19). L-imħabba ta’ Kristu hi infinita. (vi) Qaddis. Alla jsejjaħ lilu nnifsu ‘l-Qaddis.’ L-appostlu Pietru jsejjaħ lil Kristu bl-istess isem: ‘Il-Qaddis u l-Ġust’ (Atti 3:14). (vii) Immutabbli (ma jinbidilx). B’kuntrast mal-ħolqien, Alla jibqa’ l-istess. ‘Għax jien il-Mulej ma nitbiddilx.’ L-imħabba, il-ġustizzja, il-qawwa, l-għerf, u n-natura tieghu jibqgħu l-istess għal dejjem. Il-Bibbja tgħid ukoll dwar Kristu: ‘U, int, Mulej, fil-bidu qeghdt is-sisien ta’ l-art; u xogħol idejk huma is-smewwiet: huma jintemmu; imma int tibqa’; kollhom jiqdiemu bħalma tagħmel libsa. U tkebbibhom bħal mantar, u jitbiddlu: iżda int tibqa’ l-istess, u sninek ma jintemmux’ (Lhud 1:10-12). Mela Kristu hu etern, omnixjenti, omnipotenti, omnipreżenti, imħabba infinita, il-Qaddis u ma jinbidilx. Jew fi kliem Kristu stess: ‘Kulma għandu l-Missier hu tiegħi’ (Ġw. 16:15). Titli Divini (i) Jaħwe. Dan hu l-isem li bih Alla għarraf lilu nnifsu lill-poplu fit-Testment il-Qadim. Isem il-Mulej Ġesù huwa Jaħwe, kif jidher ċar jekk inqabblu dawn ir-referenzi mit-Testment il-Qadim mal-kitba ta’ l-appostli:
Qabbel Isaija 6 ma Ġwanni 12:38-41. Isaija lemaħ lil Jaħwe fuq it-tron tal-glorja għax is-serafini kienu jgħidu: ‘Qaddis, Qaddis, Qaddis, hu l-Mulej (Jaħwe) ta’ l-eżerċti!’ Issa l-appostlu Ġwanni jinformana li Isaija ra l-glorja tal-Mulej Ġesù. Bla dubju mela, il-Mulej Ġesù huwa Jaħwe. (ii) Alla. L-anġlu ħabbar li iben Marija kellu jissemma Emmanwel, li jfisser ‘Alla magħna.’ Ġwanni jibda l-Evanġelju bl-istqarrija: ‘Fil-bidu kienet il-Kelma, u l-Kelma kienet m’Alla, u l-Kelma kienet Alla.’ L-appostlu Tumas jindirizza lil Ġesù: ‘Mulej tiegħi u Alla tiegħi.’ L-appostlu Pawlu jsejjaħlu ‘hu fuq kollox, Alla mbierek għal dejjem,’ u ‘Alla l-kbir, is-salvatur tagħna Ġesù Kristu.’ L-appostlu Pietru jsejjaħlu ‘Alla u s-salvatur tagħna Ġesù Kristu.’ U fl-aħħar, Alla l-Missier innifsu jindirizza lill-Iben: ‘It-tron tiegħek, o Alla, hu għal dejjem ta’ dejjem.’ (iii) Il-Mulej. Hemm ħafna sidien, imma wieħed hu s-Sid fuq is-sidien u fuq kollox: il-Mulej Alla. It-titlu ‘Mulej’ (Kurios) hu mogħti lil Kristu aktar minn sitt mitt darba. Ġesù Kristu hu ‘il-Mulej,’ ‘Sid is-Sibt,’ ‘is-Sid ta’ kulħadd,’ ‘il-Mulej tal-glorja.’ ‘Sid is-sidien,’ u ‘s-Sid wieħed.’ Kif il-qaddisin fit-Testment il-Qadim sejjħu lil Jaħwe ‘Sidi’, l-Insara kontinwament isejjħu lil Kristu ‘Sidna’ u ‘Mulej tagħna’. Ix-Xogħol t’Alla (i) Ħallieq. L-appostlu Ġwanni jgħallimna li l-ħolqien sar bi Kristu, il-Kelma t’Alla: ‘Fil-bidu kienet il-Kelma (Sidna Ġesù)... kollox sar biha; u xejn ma sar mingħajrha milli sar’ (Ġw. 1:1,3). Alla ħalaq id-dinjiet bil-kelma tiegħu (Lhud 11:3), mhux permezz ta’ xi krejatura. Żgur li ħadd ma jażżarda jgħid li l-Kelma t’Alla, li biha għamel kollox, kienet maħluqa! Alla nnifsu jixhed: ‘Jien il-Mulej li għamilt kollox, li meddejt is-smewwiet waħdi, u frixt l-art minni nnifsi’ (Isaija 44:24). L-imnikket jiftaħ qalbu quddiem il-Mulej, Alla tiegħu, u jgħidlu: ‘Mill-qedem int qegħidt is-sisien ta’ l-art: u s-smewwiet huma xogħol idejk.’ It-Testment il-Ġdid jirrepeti l-istess kliem dwar l-Iben: ‘U, int, Mulej, fil-bidu qegħidt is-sisien ta’ l-art; u xogħol idejk huma is-smewwiet’ (Lhud 1:8-10). B’qalbi kollha ngħanni lill-Mulej Ġesù: ‘Int jistħoqqlok, o Mulej, li tilqa’ glorja u ġieħ u setgħa: għax int ħlaqt kollox, u bir-rieda tiegħek saru u nħolqu.’ (ii) Salvatur. Il-Mulej Alla qal: ‘Jien, iva jien li nħassar ħtijietek minħabba fija, u ma niftakarx dnubietek.’ Il-Kristjani jithennew bl-isem ta’ Ġesù (Jaħwe salvatur). Dnubiethom huma maħfura minħabba ismu. ‘Semmih Ġesù,’ qal l-anġlu lil Ġużeppi, ‘għax hu jeħles il-poplu tiegħu minn dnubiethom’ (Mt. 1:21). Il-bniedem midneb jippretendi li mhux tant ħażin. Jaħseb li jista’ (forsi bi ftit għajnuna minn Alla) jpatti għal dnubietu permezz ta’ opri tajba. L-Iskrittura tagħti verdett differenti: il-midneb hu mejjet fi dnubietu, u ma jistax isalva bl-għemejjel tiegħu. Alla waħdu jista’ jsalvah. ‘Jien, iva jien, jien il-Mulej, u għajri m’hemmx salvatur’ (Isaija 43:11). L-Iskrittura tiddikjara li Ġesù Kristu hu ‘s-Salvatur tad-dinja,’ ‘is-Salvatur tal-ġisem (il-knisja),’ ‘Alla u Salvatur tagħna,’ u ‘Sidna u Salvatur tagħna’ Ladarba hemm Salvatur wieħed, Alla, u Kristu hu dan s-Salvatur, m’għandux ikun diffiċli għalik tagħraf Kristu min hu. (iii) Imħallef. F’Jum il-Ġudizzju l-bnedmin kollha jidhru quddiem Alla: ‘Aħna lkoll għad nidhru quddiem it-tribunal t’Alla...kull wieħed jagħti kont ’l Alla tiegħu nnifsu. L-Iskrittura tirrepeti l-istess kliem għal Kristu. ‘Aħna lkoll jeħtieġ nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu’ (2 Kor. 5:10). Ġesù Kristu hu ‘l-Imħallef tal-ħajjin u l-mejtin.’ Min hlief Alla jista’ jagħmel ġudizzju infallibli fuq il-bnedmin kollha? Alla Veru Qabel għidna li Alla veru jingħaraf mill-attributi tiegħu (etern, omnixjenti, eċċ.), mill-ismijiet (Jaħwe, Alla, il-Mulej), u mix-xogħlijiet t’idejh (il-ħolqien, is-salvazzjoni, il-ġudizzju). L-Iskrittura tgħallem li Ġesù Kristu hu etern, omnipotenti, omnixjenti, omnipreżenti, imħabba infinita, qaddis, u immutabbli. Jismu Jaħwe, Alla u l-Mulej. Il-ħolqien hu xogħol idejh; hu s-Salvatur u l-Imħallef tad-dinja. L-evidenza biblika twassal għal konklużjoni inevitabbli: Ġesù Kristu hu Alla fl-istess sens bħall-Missier, ‘ix-xbieha perfetta tal-persuna tiegħu’ (Lhud 1:3). Kun assolutament ċert li Kristu hu Alla veru, mhux xi ‘alla’ ċkejken jew maħluq. Alla jiddikjara: ‘Qabli l-ebda Alla ma ssawwar, u lanqas ħadd ma jkun hemm warajja’ (Isaija 43:10). L-appostlu Ġwanni jaċċertana dwar Ġesù Kristu: Dan hu Alla veru (1 Ġw. 5:20). 3. L-Iben t’Alla Dan it-titlu għoli ta’ Ġesù Kristu jgħinna nifhmu aħjar ir-relazzjoni tiegħu m’Alla l-Missier. L-Iben hu distint mill-Missier Il-Missier u l-Iben huma persuni distinti minn xulxin. Il-Missier iħobb l-Iben, u l-Iben iħobb lill-Missier. It-tnejn jigglorifikaw wieħed lill-ieħor. Il-Mulej Ġesù qal: ‘Jiena wieħed li nixhed lili nnifsi, u l-Missier li bagħtni jixhidli.’ L-appostlu jgħallimna li l-Kelma kienet Alla, u fl-istess sentenza jgħallimna wkoll li ‘l-Kelma kienet ma’ Alla’ (Ġw. 1:1). Min jemmen l-Iskrittura jilqa’ ż-żewġ veritajiet: Kristu huwa Alla, u distint minn Alla l-Missier. L-Iben sottomess għall-Missier Sabiex iseħħ il-pjan tal-fidwa tal-bniedem, l-Iben sar ubbidjenti għall-Missier. ‘Għalkemm kien Iben, tgħallem l-ubbidjenza minn dawk il-ħwejjeġ li bata’ (Lhud 5:8). Stqarr li kien mibgħut mill-Missier, li ma jagħmel xejn minnu nnifsu għajr dak li jara l-Missier jagħmel, li ħa kmandament mingħand il-Missier, talab lill-Missier, u dejjem għamel ir-rieda tiegħu anke meta swietlu ħajtu. Alla l-Missier fdalu f’idejh il-missjoni biex iġib ordni f’univers ribelluż; saħansitra l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu taħt riġlejh. U fl-aħħarnett Kristu innifsu jkun imtaħħat (sottomess) għal Alla l-Missier. L-Iben huwa sottomess għall-Missier. Iżda dan ma jfissirx li l-Iben mhux Divin daqs il-Missier. Biex tgħinna nifhmu, l-Iskrittura tfakkarna fil-relazzjoni bejn ir-raġel u l-mara fiż-żwieġ. ‘Ir-ras tal-mara hu r-raġel, u ras Kristu hu Alla’ (1 Kor. 11:3). Fiż-żwieġ, ir-raġel hu ras il-mara, u l-mara hi sottomessa għal żewġha. Iżda ċertament ħadd ma jqis lir-raġel aktar uman mill-mara, jew il-mara anqas umana mir-raġel. Għalkemm għandhom rwol differenti, it-tnejn huma umani l-istess. Hekk ukoll il-Missier hu ras Kristu, l-Iben sottomess għall-Missier. Għandhom rwol differenti, iżda it-tnejn huma Divini l-istess. L-Iben daqs il-Missier It-titlu ‘l-Iben t’Alla’ jenfasizza n-natura Divina ta’ Kristu, skond it-tifsira semitika tal-kelma ‘iben.’ Bl-istess mod, Ġesù jissejjaħ ukoll ‘Bin il-bniedem.’ Mhux għaliex f’xi żmien kien imnissel minn raġel. Jissejjaħ ‘Bin il-bniedem’ għaliex hu tassew uman. Hekk ukoll Kristu ma sarx Bin Alla għaliex kien imnissel mill-Missier f’xi żmien. Jissejjaħ ‘Bin Alla’ għaliex hu tassew Divin. Ir-relazzjoni tal-Missier ma’ l-Iben hi għalkollox differenti minn tal-ħlejjaq mal-Ħallieq taghhom. Il-Lhud riedu joqtlu lil Ġesù ‘għax qal li Alla hu Missieru, u b’hekk għamel lilu nnifsu daqs Alla’ (Ġw. 5:18). Kristu kkonferma li fehmuh sewwa. Qalilhom li l-ħwejjeġ kollha li jagħmel il-Missier, jagħmilhom l-Iben ukoll. Kif il-Missier iqajjem il-mejtin, l-Iben jagħti l-ħajja lil min irid u jagħmel ġudizzju minn kulħadd. Tista’ timmaġina għal mument xi maħluq jgħid dawn il-ħwejjeġ fuqu nnifsu? Hemm xi bniedem jew anġlu li jista’ jagħmel il-ħwejjeġ kollha li jagħmel il-Missier, iqajjem il-mejtin u jagħmel il-ġudizzju ta’ l-Aħħar Jum? Dażgur li le! Dak il-bniedem li jitkellem hekk ikun midgħi jew miġnun. Issa jekk ma rridux nakkużaw lil Kristu b’dagħwa jew b’ġenn (kif għamlu l-għedewwa tiegħu), nikkonkludu li kien qed jgħid il-verità: Kristu hu daqs Alla. Nitolbok tikkonsidra sewwa dawn l-istqarrijiet li l-Iben għamel dwaru nnifsu:
[ara Gwanni 8:19; 14:7; 12:45; 14:9; 14:1; Mark 9:37; Gwanni 15:23; 5:23] Bl-aktar mod solenni l-Iben stqarr: ‘Jiena u Missieri ħaġa waħda aħna.’ L-udjenza fehmitu sew x’ried ifisser: ‘Int bniedem, tagħmel lilek innifsek Alla.’ Dawk li m’emmnuhx akkużawh b’dagħwa u riedu joqtluh. Min emmen fih tah qima għax hu l-Iben t’Alla. U inti x’qed tagħmel? 4. L-Inkarnazzjoni L-Iskrittura tgħallem li Kristu huwa bniedem. L-istess Skrittura tgħallem ukoll li Kristu huwa Alla. Għalhekk nemmnu li Kristu għandu żewġ naturi: natura divina u natura umana. Forsi wieħed jisaqsi: kif jista’ jkun li persuna waħda, Kristu, huwa Alla u bnidem? Ma nafx, u niddubita jekk xi ħadd jifhimx ‘il-misteru t’Alla, Kristu.’ Biżżejjed għan-Nisrani jemmen, mhux għax jifhem kollox, iżda għax hekk tgħallem l-Kelma ispirata. Darba Ġesù kien qed jgħallem fit-Tempju: ‘Kif jgħidu l-iskribi li Kristu hu Bin David? Għax David innifsu jgħid bl-Ispirtu s-Santu: Il-Mulej qal lil Sidi: Oqgħod fuq il-lemin tiegħi sakemm inqiegħed l-għedewwa tiegħek b’mirfes riġlejk. Mela David innifsu sejjaħlu Sidu, u mnejn mela hu ibnu?’ Ħalli naħsbu ftit fuq din il-mistoqsija. Kristu huwa bin David għaliex ġej minn nislu. Mattew jagħti l-ġeneoloġija tiegħu fil-bidu tal-Vanġelu. L-appostlu Pawlu jgħid li ‘ġej minn nisel ta’ David skond il-ġisem’ (Rumani 1:3). Dan ifisser li Kristu huwa bniedem. U għaliex Sid David? Nafu li Sid is-Sultan David huwa Jaħwe. Ladarba huwa Sid David, Kristu huwa Jaħwe, Alla. Għalhekk il-Messija huwa sew Bin David (bniedem) u Sid David (Alla), kif kienu ħabbru l-profeti Isaija u Ġeremija: ‘Tweldilna tifel,’ u l-Mulej inibbet ‘lil David Rimja tas-sewwa’ (provi ta’ l-umanità tal-Messija); u ismu ‘Alla qawwi,’ ‘Jaħwe, il-ħaqq tagħna’ (provi tad-Divinità tiegħu). It-Testment il-Ġdid jirrepeti l-istess verità. Fil-bidu tal-Vanġelu, Ġwanni jsejjaħ lil Kristu ‘il-Kelma’, u jiddikjara li l-Kelma kienet Alla. Imbagħad ikompli jiddikjara li ‘il-Kelma saret ġisem u għammret fostna.’ Il-Kelma kienet Alla minn dejjem (fil-bidu) u saret bniedem (fiż-żmien). Jeħtieġ mela nżommu quddiem għajnejna li Kristu għandu sew natura Divina u natura umana. Xi argumenti maħsuba biex joskuraw id-Divinità ta’ Kristu huma mibnija fuq referenzi għall-umanità tiegħu. Ngħidu aħna, ‘Ħadd qatt ma ra ’l Alla f’xi żmien.’ Veru, hekk tgħid l-Iskrittura. ‘Imma,’ l-argument jissokta, ‘lil Kristu rawh.’ Ovvjament dan hu veru wkoll. Nistgħu mela nikkonkludu li Kristu mhux Alla? Assolutament le! Lil Alla ħadd ma rah għax hu spirtu; lil Kristu rawh għax il-Kelma saret ġisem u għammret fostna. Il-fatt li Kristu deher hu xhieda tan-natura umana tiegħu, imma ma teskludix il-possibilta' li għandu wkoll natura Divina. Jekk parti mill-bandiera Maltija hi bajda, ma jfissirx li parti oħra mhix ħamra. Il-bniedem Kristu Ġesù Kristu sar bniedem biex ikun il-feddej tal-bnedmin. ‘Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, iżda biex jaqdi, u biex jagħti ħajtu b’fidwa għal ħafna.’ ‘Hekk kien miktub, u hekk kien jinħtieġ illi Kristu jbati, u li jqum mill-imwiet fit-tielet jum.’ Kristu sar bniedem, u jibqa’ bniedem għal dejjem. Meta deher lill-appostli wara l-qawmien, huma twerwru u beżgħu għax ‘ħasbu li raw spirtu.’ Iżda sabiex jassigurahom, qalilhom: ‘Araw idejja u riġlejja, kif jiena jien innifsi; missuni, u araw; għax spirtu m’għandux la laħam u lanqas għadam, bħalma taraw li għandi jien’ (Luqa 24:39). Żgur li ma riedx iqarraq bihom. Waqt il-martirju, Stiefnu sammar għajnejh lejn is-sema u qal: ‘Ara, qiegħed nara s-smewwiet miftuħa u ’l Bin il-bniedem wieqaf fuq il-lemijia t’Alla.’ Ġesù stqarr: ‘Għad taraw Bin il-bniedem qiegħed fil-lemin tal-qawwa, u ġej fis-sħab tas-sema.’ Pawlu priedka lill-filosfi f’Ateni: Alla ‘waqqat jum, li fih għandu jagħmel ħaqq mid-dinja fis-sewwa b’dak il-bniedem li għażel.’ Għaliex jeħtieġ insostnu li Ġesù huwa bniedem anke llum? Għax aħna l-bnedmin neħtieġu rapreżentant (u allura jrid ikun bniedem bħalna) biex jidħol għalina quddiem Alla. Liema bniedem ‘qaddis, bla ħtija, bla għajb, mifrud mill-midinbin, u mgħolli aktar ’il fuq mis-smewwiet’ jikkwalifika biex iservi bħala Qassis għalina? Wieħed biss! ‘Hemm Alla wieħed, u medjatur wieħed bejn Alla u l-bniedem.’ L-Iskrittura ma tgħidx ‘kien hemm’ (fil-passat) iżda ‘hemm’ medjatur wieħed (fil-preżent). Min hu? ‘...il-bniedem Kristu Ġesù’ (1 Tim. 2:5). L-Iben t’Alla sar bniedem, għadu bniedem u jibqa’ bniedem għal dejjem. 5. L-Umiljazzjoni ta’ Kristu L-appostlu Pawlu jistedinna nikkonsidraw tlett fażijiet fil-ħajja tal-Mulej Ġesù: qabel l-inkarnazzjoni, fl-ewwel miġja tiegħu fid-dinja u wara l-qawmien u t-tlugħ fis-sema (Filippin 2:5-11). Jikteb: ‘Ħa jkollkom fikom dan il-ħsieb, li kien fi Kristu Ġesù: li, għalkemm kien f’sura t’Alla, ma qishiex bħala ħaġa misruqa li jkun daqs Alla...’ Minn qabel l-inkarnazzjoni Kristu kien f’sura t’Alla. Aħna għandna sura ta’ bnedmin, għax fil-fatt aħna bnedmin. Bl-istess mod, Kristu kien f’sura t’Alla għax hu tassew Alla. Kristu ma qishiex bħala ħaġa misruqa li jkun daqs Alla. L-ebda kreatura m’għandha l-jedd tgħid li hi daqs Alla. Infatti l-isbaħ fost il-ħlejjaq sab il-waqa’ tiegħu meta tkabbar u ried ikun bħal Alla. ‘Kif waqajt mis-sema, o Luċifru, bin is-sebħ!...Għax int għidt f’qalbek: nitla’ fis-sema, neżalta t-tron tiegħi fuq il-kwiekeb t’Alla...nagħmel lili nnifsi bħall-Ogħla.’ Hija ribelljoni u kburija li anġlu jqis lilu nnifsu daqs Alla; li l-Iben iqis lilu nnifsu daqs Alla hu dritt tiegħu, għax hekk hu. Battal lilu nnifsu Imma l-Iben għamel għażla ta’ l-għaġeb. L-appostlu Pawlu jkompli: ‘Iżda xejjen (battal) lilu nnifsu, u ħa fuqu s-sura ta’ qaddej, u kien magħmul fix-xbieha tal-bnedmin, u wara li minn barra nstab bħala bniedem, umilja lilu nnifsu, u sar ubbidjenti sal-mewt, u sal-mewt tas-salib.’ Minflok il-glorja tal-Ġenna, Kristu għażel li jbattal lilu nnifsu.
Kien magħmul f’sura ta’ qaddej: Sar ubbidjenti: Sal-mewt tas-salib: Meta kien f’dan l-istat baxx, Kristu stqarr bla ħabi: ‘Missieri akbar minni.’ F’dak iż-żmien, l-Iben kien fi stat ta’ umiljazzjoni, fid-dinja, mibgħud, mistkerraħ, jaqdi lill-ħlejjaq tiegħu. Ftit sigħat wara ntrefa’ -- mhux fuq tron ta’ glorja, iżda fuq salib aħrax; u mlibbes -- mhux kuruna tal-glorja, iżda waħda tax-xewk. Fl-istess waqt il-Missier kien fil-glorja tas-sema, meqjum u moqdi minn qtajja ta’ anġli, merfugħ fuq it-tron tal-majestà. Meta għażel jumilja lilu nnifsu, Kristu qatt u bl-ebda mod ma tilef xi ħaġa minn natura Divina tiegħu. Ġesù stess jistaqsina: ‘Min hu l-akbar, dak li qiegħed fuq il-mejda, jew dak li jaqdi? Mhux dak li qiegħed fuq il-mejda?’ Meta tmur tiekol f’ristorant tkun f’pożizzjoni akbar mill-wejter li jaqdik. Dan hu paragun ta’ l-istat tagħkom. Imma mhux paragun tan-natura tagħkom. Il-wejter mhux inqas uman minnek; u int mintix uman akbar minnu. Bl-istess mod, l-istat umli ta’ Kristu ma jimplikax natura differenti jew anqas mill-Missier. L-Iskrittura tiddikjara: ‘Ġesù Kristu l-bieraħ, u llum, hu l-istess, u jibqa’ għal dejjem’ (Lhud 13:8). Id-Divinità ta’ Kristu ma tinbidilx. Bħala Malti għandek id-dritt tivvota imma jekk tagħżel li ma teżerċitax dan id-dritt, ma jfissirx li ma tibqax Malti. Hekk ukoll Kristu; minkejja li l-ħolqien kollu hu tiegħu (‘kull ħaġa maħluqa bih u għalih’), hu stess ammetta li ‘l-volpijiet għandhom il-ħofor, u t-tjur ta’ l-ajru għandhom il-bejtiet, imma Bin il-bniedem m’għandux fejn imidd rasu.’ Ladarba hu l-Imgħallem u l-Mulej, kellu kull dritt li jkun moqdi mid-dixxipli tiegħu. Iżda minflok il-Mulej qiegħed ħwejġu fil-ġenb, ħa xugaman, tħażżem u ħaslilhom riġlejhom. Madankollu innota li anke waqt li kien qed jaħsel riġlejn niesu, Kristu kien il-Mulej tagħhom. Il-Kristu li għażel iż-żeblieħ, is-swat u d-diżunur kien (imqar waqt id-dlam iswed tas-salib!) il-Mulej tal-glorja. Sar saħta għalina It-trattament ħażin u infami tal-Lhud lil Sidhom hu xhieda tal-ħażen tagħna l-bnedmin. Imma l-Iskrittura tnixxifna u tbellaħna meta tgħidilna li ‘l-Mulej għoġbu jisħqu’ (Isaija 53:10). Kif jista’ jkun Alla l-Missier jisħaq lil Ibnu l-maħbub, il-Qaddis u l-Ġust? Kulma ġarrab Ġesù minn idejn il-midinbin kien dak li l-idejn u l-fehma t’Alla qatgħu minn qabel li kellu jsir. Nitlob ’l Alla jagħtik il-grazzja tagħraf ir-raġuni għall-umiljazzjoni ta’ Kristu li wasslitu fuq is-salib tal-Kalvarju. L-appostlu Pawlu jispjega: ‘Għax dawk kollha li huma ta’ l-opri tal-liġi huma taħt is-saħta; għax hu miktub: Misħut kull min ma jibqax iżomm sħiħ ma kull ħaġa miktuba fil-ktieb tal-liġi biex iħarisha.’ Fi kliem ieħor, jekk qed tipprova tinġieb m’Alla bl-ubbidjenza tiegħek għal-liġi, inti misħut. Misħut għax ksirt u qed tikser il-liġi qaddisa tiegħu. L-appostlu jkompli: ‘Imma li l-ebda bniedem ma hu ġustifikat bil-liġi quddiem Alla, hu ċar; għax, Il-ġust jgħix bil-fidi.’ Alla, l-Imħallef tad-dinja mhu se jiddikjara lil ħadd ġust għax obda l-liġi. Alla jiġġustifika biss lil min m’għadux jafda fl-opri tiegħu, imma jistrieħ bil-fidi fil-Mulej għas-salvazzjoni tiegħu. Forsi tistaqsi: Kif jista’ Alla jiġġustifika lill-midneb li jemmen fi Kristu? Mhux xorta dineb bħall-oħrajn? Mhux xorta l-ġustizzja titlob kastig għal dnubietu? Din hi t-tweġiba tal-Kelma t’Alla: ‘Kristu fdiena mis-saħta tal-liġi, billi sar saħta għalina; għax hu miktub: Misħut kull min ikun imdendel ma’ għuda.’ Kristu jifdi (jeħles) lill-midneb li jemmen fih mis-saħta tal-liġi billi tgħabba hu bil-kastig u s-saħta ta’ dnubietu! Għal ħafna, is-salib ta’ Kristu hu skandlu u bluha. Imma għall-mifdijin, is-salib hu l-ftaħir tagħhom. Alla fetħilhom għajnejhom biex jagħrfu sew l-iskop tas-salib, kif ukoll min hu Dak li miet fuqu. Jgħidu:
Min kien li daħal responsabbli għad-dnubiet ta’ niesu, u ħa fuqu l-kastig tagħhom? Il-Mulej Alla stess iwieġeb: ‘Iħarsu lejja, lejn min huma nifdu.’ 6. Il-Glorifikazzjoni ta’ Kristu L-istorja ta’ Kristu ma tintemmx fil-qabar ta’ Ġużeppi minn Arimatea. Allaħares! Għax jekk Kristu ma qamx, fiergħa hi l-fidi tad-dixxipli tiegħu. Imma nirringrazzjaw ’l Alla li l-aħħar att tad-dramm tal-fidwa jeħodna fl-għoli tas-smewwiet. Fil-lejl qabel ma bata, Kristu qal lid-dixxipli. ‘Kieku ħabbejtuni kontu tifirħu għax għidt: Sejjer għand Missieri, għax Missieri akbar minni.’ Missieru kien fi stat għoli, fil-glorja tas-sema. Kristu kien fi stat umli, ‘immaqdar u xejn ma qisnieh.’ Kristu battal lilu nnifsu għall-fidwa ta’ niesu, iżda kienet ix-xewqa kbira tiegħu li wara li jgħaddi mill-mistħija u t-tbatija tas-salib, jirritorna għand il-Missier fil-glorja. ‘U issa, o Missier, igglorifikani int bik innifsek stess, bil-glorja li kelli miegħek qabel ma kienet id-dinja’ (Ġw. 17:5). Għalhekk kien messhom ferħu d-dixxipli meta qalilhom li sejjer għand il-Missier! Jien inħobb lil Sidi Ġesù, u nifraħ wisq għax Kristu m’għadux aktar fl-istat ta’ umiljazzjoni. Ma jgħidx iżjed ‘sejjer għand Missieri’. Kristu mar għand il-Missier: it-tron t’Alla hu t-tron tal-Ħaruf; it-tron tal-Ħaruf hu t-tron t’Alla. Ma jgħidx iżjed ‘Missieri akbar minni’. Kristu hu glorifikat fil-Missier, bil-Missier u mal-Missier (Ġw. 13:32; 17:5). L-appostlu Pawlu wara li jispjega kif Kristu xejjen u umilja lilu nnifsu, jipproklama bil-ferħ jipproklama: ‘Għalhekk Alla għollih wisq, u tah l-isem li hu fuq kull isem; biex għall-isem ta’ Ġesù tiltewa kull irkoppa, ta’ ħlejjaq fis-sema, u ta’ ħlejjaq fuq l-art, u ta’ ħlejjaq taħt l-art; u li kull ilsien jistqarr li Ġesù Kristu hu Mulej, għall-glorja t’Alla l-Missier’ (Fil. 2:9-11). Qabel ‘il-Mulej għoġbu jisħqu,’ issa ‘Alla għollih wisq’. Qabel ‘xejn ma qisnih,’ issa ‘tah l-isem li hu fuq kull isem.’ ‘Niżel qabel fl-inħawi l-aktar saflenija ta’ l-art,’ issa ‘tela’ wisq ’il fuq mis-smewwiet kollha, biex jimla kollox.’ Il-Kristjan minn qalbu jirrikonoxxi li Ġesù jixraqlu l-ogħla unur u isem għaliex jagħraf min hu u x’għamel għalih. Imma Alla l-Missier jinsisti li kulħadd jammetti li Dak li darba miet fuq salib hu l-Mulej ‘biex għall-isem ta’ Ġesù tiltewa kull irkoppa.’ Din il-qima tixraq lil Alla waħdu. ‘Duru lejja, u tkunu salvati, truf kollha ta’ l-art: għax jien Alla, u m’hemmx ieħor għajri. Ħlift bija nnifsi; kelma tal-ħaqq ħarġet minn fommi, u ma tarġax lura: kull irkoppa tiltewa lejja’ (Isaija 45:22,23). Qiegħed tilwi rkopptejk quddiem il-Mulej Ġesù u tqimu bħala Alla skond ir-rieda tal-Missier? Ikkonsidra l-glorja li qed jirċievi Ġesù Kristu, il-Ħaruf t’Alla. ‘Kull kreatura li hemm fis-sema, u fuq l-art, u taħt l-art, u li hemm fil-baħar, u kulma hemm fihom, smajthom jgħidu: Barka, u ġieħ, u glorja, u setgħa lil dak li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf għal dejjem ta’ dejjem’ (Riv. 5:13). Adorazzjoni bħal din mill-ħlejjaq kollha tixraq biss lil ‘dak li qiegħed fuq it-tron,’ lill-Mulej Alla waħdu. Iżda nitolbok innota li l-istess adorazzjoni qiegħda tingħata ‘lill-Ħaruf għal dejjem ta’ dejjem.’ L-erba’ kreaturi wieġbu ‘Amen.’ Nittama li inti wkoll twieġeb magħhom: ‘Amen! Iva, Kristu jistħoqqlu l-istess ġieħ u unur li nagħti ’l Alla biss, u mhux għal ftit żmien iżda għal dejjem ta’ dejjem.’ Alla qal, ‘il-glorja tiegħi ma nagħtihiex lil ħaddieħor.’Alla ma jippermettix kompetizzjoni għall-glorja tiegħu. Issa meta kull kreatura tmil l-irkoppa quddiem il-Mulej Ġesù, dan ma jnissilx l-għira t’Alla iżda jkun għall-glorja t’Alla l-Missier (Fil. 2:11). Nittama li tifhem għaliex il-glorja mogħtija lill-Iben hi glorja mogħtija lill-Missier. Iżda jekk le, nistħajjel lil Ġesù jċanfrek bil-ħlewwa, ‘Ilni daż-żmien magħkom, u għadek ma tafnix?’ 7. Il-Mulej Ġesù Kristu u jien Ix-xhieda biblika fuq id-Divinità u l-umanità tal-Messija hi żgura. Sewwa jekk temmen, kif ukoll jekk ma temminx, il-Mulej Ġesù hu Alla u bniedem. Il-verità ma tinbidilx u ma tiddependix fuqek jew x’taħseb int. Iżda jekk ma temminx tisiġilla t-telfien tiegħek: ‘Jekk ma temmnux li jiena hu, tmutu fi dnubietkom’ (Ġwanni 8:24). Nitlob ’l Alla li temmen fil-Mulej Ġesù bħalma kienu jemmnu fih id-dixxipli tal-knisja bikrija. Qabbel lilek innifsek magħhom. Kristu hu kollox Il-Kristjani jafdaw is-salvazzjoni tagħhom fi Kristu. Għalihom xejn m’għandu valur daqsu: ‘Iva, bla dubju, jien inżomm kollox bħala telf ħdejn il-privileġġ kbir li nagħraf ’il Kristu Ġesù Sidi: li għalih sofrejt it-telfa ta’ kull ħaġa, li jien inqis bħala skart biex nirbaħ ’il Kristu.’ Il-Kristjani kapaċi jġarrbu kull tiġrib bl-għajnuna tiegħu: ‘kollox nista’ nagħmel permezz ta’ Kristu li jqawwini.’ Jirrikkorru lejh kontinwament fil-bżonnijiet tagħhom tant li l-Bibbja ssejjħilhom: ‘dawk kollha li kullimkien isejjħu l-isem ta’ Ġesù Kristu Sidna.’ Kristu hu t-tama tagħhom, kuljum jistennew b’antiċipazzjoni id-dehra glorjuża tiegħu. Iħobbuh aktar minn ħajjithom stess. ‘Għalija l-ħajja hi Kristu, u li mmut qliegħ.’ Tassew, eluf minnhom mietu martri għalih. ‘Jien imħejji mhux biss li nkun marbut, imma wkoll li mmut... għal isem il-Mulej Ġesù’ F’kelma waħda, għall-Kristjani denji ta’ dak l-isem imbierek, ‘Kristu hu kollox’ (Kol. 3:11). Glorja eterna Huwa dmirna nonoraw lill-ġenituri, il-mexxejja u lil kulħadd. Imma l-unur li għandna nagħtu ’l Alla hu għalkollox differenti. ‘Int għandek tqim lill-Mulej Alla, u lilu biss taqdi’ (Mattew 4:9,10). Jekk tonora lil xi ħlejqa bħalma tonora ’l Alla tkun ħati ta’ idolatrija. Meta Pietru mar għand Kornelju, dan waqa’ f’riġlejh, u qiemu. Imma Pietru qajmu, u qallu, ‘Qum, jien bniedem ukoll.’ Band’ oħra, Ġwanni nxteħet biex jagħti qima f’riġlejn anġlu. Iżda l-anġlu ċanfru: ‘Ara li ma tagħmilx dan; għax jien il-qaddej tiegħek... agħti qima ’l Alla.’ Min ma jemminix li Kristu hu Alla, jkollu jammetti li għalkemm jisħoqqlu xi unur, ċertament mhux unur daqs Alla. Mill-banda l-oħra, jekk temmen li Kristu hu Alla, tagħraf dmirek li tqimu u tonorah bħalma tonora lill-Missier. Jalla tkun gwidat mit-tagħlim ċar ta’ l-Iskrittura fuq l-attitudni tiegħu lejn il-Mulej Ġesù. Ġesù Kristu hu meqjum mill-anġli kollha t’Alla. Fi twelidu, il-maġi nxteħtu fl-art u tawh qima. Diversi nies qimuh waqt il-ministeru tiegħu. Id-dixxipli tiegħu tawh qima. Wara l-qawmien, ‘resqu u qabdulu riġlejh, u qimuh.’ Qabel tela’ s-sema, l-appostli (inklużi Pietru u Ġwanni) qimuh. Bħalissa miljuni ta’ Kristjani mxerrdin ma’ l-erbat irjieħ tad-dinja jingħaqdu mal-ħlejjaq tas-sema, jinxteħtu quddiem il-Ħaruf u jgħidu: ‘Jisħoqqlu l-Ħaruf li nqatel biex jieħu s-setgħa, u l-għana, u l-għerf, u l-qawwa, u l-ġieħ, u l-glorja u l-barka.’ Il-Kristjani jobdu mill-qalb ir-rieda t’Alla għax hu jrid li ‘l-bnedmin kollha jweġġħu l-Iben bħalma jweġġħu l-Missier’ (Ġw. 5:23). Nittama li int ukoll tweġġaħ lil Kristu bħalma tweġġaħ lill-Missier. Imma jekk le, kun af li l-Missier ma jilqax ‘it-tifħir’ u ‘l-qima’ tiegħek għax m’intx tweġġaħ ’l Ibnu bl-istess mod. ‘Min ma jweġġaħx l-Iben, ma jweġġaħx lill-Missier li bagħtu.’ X’se twieġeb lis-Sultan tas-slaten, li niżel minn fuq it-tron tal-glorja, neża’ l-kuruna majestuża tiegħu sabiex ġie fid-dinja, kien imdendel ma’ l-għuda u mlibbes kuruna tax-xewk għall-fidwa tal-midinbin bħalek? Jekk tibqa’ indifferenti jew temmen fi ‘Kristu ieħor,’ tmut fi dnubietek. Ħares bil-fidi, nitolbok, lejn min idejh u ġenbejh minfuda, u bħal Tumas wieġbu u għidlu: ‘Mulej tiegħi, u Alla tiegħi.’ Jasal il-jum meta tidher quddiem it-tron tal-majesta' tiegħu. Se jkun l-Imħallef għall-kundanna tiegħek, jew is-Salvatur biex jilqgħek fl-hena miegħu għal dejjem? 8. Appell personali Lill-Jehovah Witnesses S’issa kont temmen li Ġesù hu anġlu, ħlejqa t’Alla. S’issa ma kontx temmen li hu Alla u bniedem. Nixtieq għalhekk nistaqsik: min hu l-medjatur tiegħek quddiem Alla? Teħtieġ bniedem bħalek biex jirrappreżentak quddiemu; anġlu ma jikkwalifikax. Medjatur wieħed hemm bejn Alla u l-bniedem, il-bniedem Kristu Ġesù (1 Tim. 2:5). Temmen f’Ġesù bħala s-Salvatur tiegħek? Jekk iva, u tqisu maħluq, tkun ħati ta’ idolatrija għax Alla stess jiddikjara: ‘Jien, iva jien, jien il-Mulej, u għajri m’hemmx salvatur’ (Isaija 43:11). Mill-banda l-oħra, int taf li l-Iskrittura tippreżenta lil Ġesù bħala s-Salvatur tad-dinja: ‘Kull min isejjaħ isem il-Mulej ikun salvat’ (Rumani 10:13). Din hi referenza minn Ġoel 2:32. Il-profeta Ġoel jidentifika lil Dak li ismu għandna nsejjħu, bħala Jaħwe. Sejjaħ, nitolbok, isem il-Mulej Ġesù għas-salvazzjoni tiegħek, u emmen f’qalbek li hu Jaħwe. Lill-Kattoliku Nirringrazzja ’l Alla li kont mgħallem li Kristu hu Alla u bniedem. Kellek opportunità oħra tara l-glorja Divina tiegħu. Hu jistħoqqlu l-fiduċja u t-tifħir kollu tagħna. Il-glorja tiegħu ma jagħtihiex lil ħaddieħor. Irrikorri għandu, mhux għand Marija u l-qaddisin, għas-salvazzjoni u l-għajnuna li teħtieġ. Ġwanni l-Battista jesprimi x-xewqa tal-qaddisin kollha: Hu jeħtieġ jikber, imma jien neħtieġ nonqos. Int temmen li Ġesù hu bniedem tassew. Ġesù m’għadux bambin; m’għadux imsallab mas-salib. ‘Jiena hu l-ħaj, u kont mejjet; u ara, jien ħaj għal dejjem ta’ dejjem.’ Tela’ s-sema u qiegħed fuq in-naħa tal-lemin t’Alla l-Missier. Ħalla l-Ikla bil-ħobż u l-frott tad-dielja b’tifkira tiegħu, mhux biex inġeddu jew inkomplu s-sagrifiċċju tas-salib. M’għandux bżonn ta’ kuljum joffri sagrifiċċju għax dan għamlu darba meta offra lilu nnifsu. Ħabib, nitolbok afda fih biss u fil-merti infiniti tas-sagrifiċċju perfett tiegħu għas-salvazzjoni ta’ ruħek. Lill-bniedem modern Int qed tfittex biex tifhem u tilħaq l-iskop ta’ l-eżistenza tiegħek. Għandek id-dubbji. Forsi tqis lil Ġesù bħala mudell u filosfu eċċellenti. Iżda Kristu ma jilqax ‘tifħir’ bħal dan. Kristu m’għallimx filosofija oħra, triq oħra, mezz ieħor. Kristu xandar lilu nnifsu. Hu stess it-tweġiba. ‘Jien hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.’ Kristu ma jittollerax kompetizzjoni. ‘Ħadd ma jmur għand il-Missier ħlief bija.’ Ironikament, Pilatu qatt ma kien eqreb lejn il-verità daqs meta staqsa lil Ġesù: ‘X’inhi l-verità?’ Pilatu telaq ’l barra, ’l bogħod mill-verità li kien ifittex. Ħabib, tagħmilx bħalu! Lil ħuti Kristjani Evanġeliċi Maħbubin tal-Mulej, ‘ikbru fil-grazzja, u fil-għarfa ta’ Sidna u Salvatur Ġesù Kristu. Lilu l-glorja, issa u għal dejjem. Amen’ (2 Pt. 3:18). AMEN! |