Kontro-ezami tax-Xhieda fuq Gesù

Kristjan Evangeliku jitkellem ma’ membru fil-Jehovah Witnesses dwar Gesù,
“L-Iben, il-Kbir, il-Bidu, l-Gherf u x-Xbieha t’Alla.”

Miktub minn Joe Mizzi

Int kont mgħallem li Ġesù hu maħluq; li mhux Alla daqs il-Missier. Smajt l-argumenti mill-Iskrittura kif mgħallma mill-Watchtower Society. Issa jixraq tisma’ t-tweġiba; jixraq teżamina jekk dawk ir-raġunijiet humiex validi jew le. Ghal dan il-għan se nirreferi għall-kapitlu, “L-Eżistenza Ta’ Ġesù Qabel Ma Sar Bniedem,” mill-ktejjeb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Ta’ Dejjem, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society.

L-IBEN IL-WAHDIENI - Ġwanni 3:16.

Nibdew bil-mistoqsija importanti f’paragrafu 12. ‘Kemm kien ilu jeżisti fis-sema qabel ġie fuq l-art?’ It-tweġiba tidher fl-istess paragrafu: ‘Mikea 5:1 (5:2, NW) qal li l-oriġini tal-Messija kien “mill-qedem, sa minn dejjem ta’ dejjem.” Minn dejjem ta’ dejjem ma jfissirx sempliċament żmien twil. Xi ħadd li ilu minn dejjem ta’ dejjem huwa etern.

Il-kittieb jissokta: “Ġesù ġie msejjaħ l-Iben waħdieni t’Alla għaliex Gehova ħalqu direttament (Ġwanni 3:16).” Ġesù huwa l-Iben waħdieni, imma b’daqshekk kif tasal għall-konluzzjoni li “Gehova ħalqu direttament”?

Nistħajlek tgħidli: “Kif jista’ wieħed ikun iben u jkollu żmien daqs missieru?” Tassew, dan mhux possibbli għall-bnedmin, imma ftakar li m’aħniex nitkellmu fuq relazzjonijiet umani. Għax jekk nużaw l-istess argument, kif jista’ wiehed ikun iben jekk ma jkollux omm ukoll? Madanakollu, qabel ġie fid-dinja Ġesù kien diġa l-Iben t’Alla avolja ma kellux omm. Aħjar nħallu l-Iskrittura stess tfisser dan it-titlu tal-Mulej.

Fl-Iskrittura l-anġli u Adam huma msejjħin ulied Alla (ara Ġob 1:6, Luqa 3:38) għaliex huma ħolqien tiegħu. Kristu ma jissejjaħx Bin Alla għall-istess raġuni. Kristu hu Iben f’sens għalkollox differenti mill-ħlejjaq. Huwa l-Iben il-waħdieni – mill-kelma ġrieġa monogenes li tfisser uniku.

Għaliex hu Iben f’sens ghal kollox speċjali? X’fehmu il-Lhud bit-titlu “Bin Alla”? L-għedewwa ta’ Kristu riedu jħaġġruh għax, qalu, “Għal xi għemil tajjeb ma nħaġġrukx; iżda għad-dagħwa; u għax int, bniedem, tagħmel lilek innifsek Alla” (ara Ġw 10:30-42). Imma nistaqsu, forsi fehmuh ħażin, forsi mhux hekk ried ifisser? Kieku ċertament kien jiċċara kliemu. Imma Kristu ma caħadx it-tifsira tagħhom; ċaħad biss li kien qal dagħwa. Reġgħu riedu jaqbduh għax fehmu li Kristu baqa’ jsostni d-Divinità tiegħu.

L-imġieba ta’ ħbiebu ma kienet xejn anqas drammatika. “Tawh qima, billi qalu: Tassew, int l-Iben t’Alla” (Mattew 14:23-33). Id-dixxipli ma kinux mdorrija jqimu diversi allat bħal pagani. Kienu Lhud devoti u minn ċkunithom kienu tgħallmu jqimu lil Mulej Alla wahdu (Esodu 34:14). Il-qima tad-dixxipli tikkonferma li bit-titlu l-Iben t’Alla kienu jifhmu li hu tassew Alla.

Ilkoll fehmu l-istess. Xi whud akkużawh b’dagħwa u riedu joqtluh; oħrajn emmnuh u tawh qima. U int, x’se tagħmel?

IL-KBIR FOST IL-HLEJJAQ KOLLHA - Kolossin 1:15.

Forsi din il-frażi hi prova li Ġesù hu l-ewwel ħolqien t’Alla? L-appostlu Pawlu m’użax kelma li tfisser “l-ewwel maħluq” (protoktisis), imma kelma li għandha tifsira ordinarja ta’ “l-iben il-kbir” (prototokos).

Żgur li l-appostlu Pawlu ma riedx ifisser li “l-kbir” hu maħluq. Kieku kien maħluq, Kristu hu parti mill-“ħwejjeġ kollha” u minn “kull ħaġa maħluqa.” Imma vers 16 jinsisti li “l-ħwejjeġ kollha” huma maħluqa bih, u “kull ħaġa maħluqa bih.” Għalhekk hemm żewġ alternattivi loġiċi: jew l-idea assurda li Kristu ħalaq lilu nnifsu, jew Kristu hu distint mill-ħwejjeġ maħluqa. Dak li bih inħalaq kollox ma jistax ikun parti mill-ħolqien. (In-New World Translation iżżid il-kelma other erba’ darbiet f’Kolossin 1:15-17 minkejja li ma tidhirx fit-test oriġinali grieg. Forsi biex tevita din il-konklużjoni?)

Jekk bil-kelma “l-kbir” suppost nifhmu maħluq, x’inhu, Alla l-Missier, li ordna “Agħti qima lill-Mulej Alla tiegħek,” bidel fehmtu u kkmanda lill-qtajja ta’ l-anġli jqimu maħluq bħalhom? “U reġa, meta ġab l-iben il-kbir fid-dinja qal: Ħa jqimuh l-anġli kollha t’Alla” (Lhud 1:6). Iżda ladarba Alla ma jikkmandax l-anġli jaqgħu fl-idolatrija, ċertament l-Iben il-Kbir mhux maħluq.

F’Salm 89:27, Alla jgħid hekk dwar is-sultan David: “Jien nagħmlu ‘ibni l-kbir’ (l-ewwel), l-ogħla fost is-slaten ta’ l-art.” M’hemmx xi ngħidu: b’daqshekk ma jfissirx li David kien l-ewwel sultan fid-dinja. Kien hemm diversi slaten oħra qabel, u Sawl kien sultan f’Iżrael qablu. Mhux jitħaddet dwar min ġie l-ewwel fiż-żmien. Is-sentenza tispjega lilha nfisha: “ibni l-kbir, l-ogħla fost is-slaten ta’ l-art.” Mela David hu msejjaħ “ibni l-kbir” għax kien l-ogħla fost is-slaten ta’ żmienu. Kemm aktar l-Mulej Ġesù jixraqlu t-titlu “l-Iben il-Kbir” ladarba hu is-Sultan tas-slaten!

M’għandniex għalfejn nitħassbu xi jfisser it-titlu “l-Iben il-Kbir” għax il-kuntest stess jispjega s-sinifikat. L-appostlu Pawlu jsejjaħlu l-kbir fost il-ħwejjeġ kollha “għax fih kien maħluq kollox... kollox bih u għalih kien maħluq” (ara Kolossin 1:15-18). Peress li temmen l-Iskrittura, m’għandikx issib diffikultà tidentifika lil dak li bih u għalih kien maħluq kollox. F’post iehor l-appostlu Pawlu jikteb hekk dwar Alla: “Għax minnu, u bih, u għalih huma l-ħwejjeġ kollha: lilu l-glorja għal dejjem, Amen” (Rumani 11:36).

Il-Persuna li bih u għalih kien maħluq kollox huwa Alla. Għalhekk jixraqlu l-Iben jissejjaħ bit-titlu ta’ unur, ‘il-Kbir’ (‘l-Ewwel’) fost il-ħlejjaq kollha tiegħu. Ma tqisux inti wkoll -- ladarba inti maħluq bih u għalih -- l-kbir, l-ogħla, dak li bħal Alla jixraqlu l-glorja għal dejjem (2 Pietru 3:18).

IL-BIDU TAL-HOLQIEN T’ALLA - Rivelazzjoni 3:14.

Xi tfisser din il-frażi? Tfisser li Ġesù kien maħluq minn Alla bħala l-bidu tal-ħlejjaq inviżibbli? (Should you believe in the Trinity? Watchtower Bible and Tract Society, paġna 14). Fl-istess ktieb tar-Rivelazzjoni, il-kelma tradotta “bidu” (arche) tinstab fi tlett bnadi oħra (Rivelazzjoni 1:8; 21:6 u 22:13), u tfisser bidu jew mexxej (ara Luqa 12:11, Titus 3:1). Il-Mulej Alla jitkellem minn fuq it-tron u jgħid: “Jiena l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem” (21:5,6). Alla hu l-bidu, madankollu ħadd ma jissuġġerixxi li Alla kellu bidu f’xi żmien. Alla hu l-bidu għax huwa l-għajn, is-sors, l-oriġni ta’ kollox. Jissejjaħ ukoll “it-tmiem” għaliex Alla hu l-għan ta’ kollox.

Il-kelma “bidu” tissemma darba oħra: “Jien hu l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmien, l-ewwel u l-aħħar”(22:13). Din id-darba l-kelliem hu dak li immedjatament qabel jgħid, “Ara, niġi dalwaqt,” u li niesu jwieġbu, “Amen, Iva, ejja Mulej Ġesù.” Hekk mela, il-Mulej Ġesù huwa, bħal Alla l-Missier, il-bidu u t-tmiem. Huma l-oriġini u l-għan tal-ħolqien kollu. Mela, bit-titlu “il-bidu tal-ħolqien t’Alla”, il-Mulej jiddistingwi ruħu mill-ħolqien u jippreżenta lilu nnifsu bħala l-għajn, l-kawża tiegħu.

L-GHERF - Proverbji 8:22-31

F’dan il-pass, l-għerf li bih Alla ħalaq kollox huwa personifikat. L-għerf jgħid: “Kont maġenbu, bħala mgħallem; kont kuljum il-għaxqa tiegħu, nitliegħeb kull ħin quddiemu” (vers 30). Hemm min jaħseb li l-għerf hu referenza għall-Mulej Ġesù.

Hu x’inhu, Provebji 8 ma jgħallimx li l-għerf kien maħluq u mbagħad Alla ħalaq il-ħwejjeġ l-oħra flimkien ma’ kreatura. “Għand il-Mulej jien kont fil-bidu ta’ l-atti tiegħu, qabel l-opri tiegħu, sa mill-qedem. Jien kont imwaqqaf sa minn dejjem, sa mill-bidu, minn ewl id-dinja” (versi 22 u 23; Il-kelma li tfisser ħalaq (bara’) mhix użata f’vers 22, imma l-kelma qanah, li tfisser kiseb. “The Lord possessed me in the beginning of his way” KJV). L-għerf kien imwaqqaf “sa minn dejjem” u għalhekk kien m’Alla fil-ħolqien għaliex kien minn dejjem qabel il-ħolqien. Min jgħid li l-għerf kien maħluq irid jgħid ukoll qabel Alla kien mingħajr għerf!

L-idea li Alla ħalaq esseru li bih imbagħad ħalaq il-bqija tal-ħolqien tmur kontra t-tagħlim ċar ta’ l-Iskrittura. ‘Jien il-Mulej li għamilt kollox; li meddejt is-smewwiet waħdi; li frixt l-art minni nnifsi’ (Isaija 44:24).

IX-XBIEHA T’ALLA - Kolossin 1:15.

Alla ma jidhirx. Biex narawh jeħtieġ li Alla juri lilu nnifsu. L-Iben waħdu hu “ix-xbieha t’Alla li ma jidhirx.” Barra minn hekk l-Iskrittura tinsisti li “ħadd ma jaf lill-Missier, ħlief l-Iben, u dak li l-Iben irid jgħarrafhulu” (ara 1 Timotju 1:17; Kolossin 1:15; Mattew 11:27).

Mhux biżżejjed tgħid li meta nsiru nafu lil Ġesù “nżidu l-għarfien tagħna dwar Gehova.” Kieku l-Iben sempliċament jixbaħ lill-Missier, meta tagħraf lilu titgħallem xi ħaġa dwar il-Missier, iżda ma tkunx għaraft lill-Missier innifsu. L-Iskrittura ma tgħallimx hekk. Kristu qal, “Kieku għaraftuni, kontu tagħrfu lill-Missier ukoll” (Ġwanni 14:7). Li tagħraf lill-Missier hu għalkollox differenti milli żżid l-għarfien dwaru. Il-Mulej wissa lil-Lhud li mingħalihom kienu jafu ‘l Alla: “Intom la tafu lili u lanqas lill-Missier.” Imbagħad spjegalhom għaliex ma għarfux ‘l Alla: “Kieku kontu tafu lili, tafu wkoll lill-Missier.”

Ħabib, nitolbok aħseb ftit. Jekk il-Missier tagħrfu biss fl-Iben, kif tista’ tgħid li l-Iben għandu natura differenti minnu? Jekk tgħid li għaraft li Alla hu dawl (1 Ġwanni 1:5), kif tista’ tiċħad li Kristu hu Alla ladarba hu “d-dawl tassew, li jdawwal lil kull bniedem li jiġi fid-dinja” (Ġwanni 1:19)? Min iħares lejn id-dija tax-xemx jara x-xemx. Hekk ukoll min iħares lejn l-Iben, “id-dija tal-glorja t’Alla” (Lhud 1:3), jara lil Alla.

Meta d-dixxiplu staqsa: “Mulej, urina l-Missier,” Ġesù wieġbu, “Ilni daż-żmien kollu magħkom u għadek ma tafnix, Filippu. Min ra lili ra ‘l Missier, u kif tgħid int mela, Urina ‘l Missier?” (Ġwanni 14:8,9) Minn qalbi nitlob lill-Mulej jagħtik li tħares bil-fidi lejn wiċċ Kristu u tara l-glorja t’Alla.

Kitba Evangelika Online