|
BIEX HADD MA JIFTAHAR Miktub minn Joe Mizzi Kelli erbatax-il sena meta smajt l-ewwel darba l-messaġġ ta’ l-Insara Evanġeliċi.
L-Evanġeliċi jgħallmu li bniedem isalva bil-fidi biss, mingħajr il-merti l-opri tal-bniedem! Sa minn ċkuniti kont tgħallimt li mal-fidi għandi bżonn ukoll il-magħmudija u s-sagramenti l-oħra, nobdi l-kmandamenti, ngħix tajjeb u nagħmel il-penitenzi bi tpattija għal dnubieti. It-tagħlim ta’ l-Evanġeliċi kien jidher żbaljat u perikoluż. Żbaljat għax San Ġakbu jwissina li fidi mingħajr opri hi mejta; perikoluż għax jinkoraġġixxi ħajja laxka ladarba l-opri tajba ma jsalvawx. Fidi Genwina u Fidi Mejta Kont imħajjar infittix l-Iskrittura. Sibt li l-interess ta’ San Ġakbu kien li jagħżel il-fidi ġenwina mill-fidi falza. “X’jiswa ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi?” (Ġakbu 2:14). Naturalment “fidi” tal-paroli biss ma tiswa xejn u ma ssalva lil ħadd. Il-fidi ġenwina dejjem tintwera bl-opri tajba. Bil-Fidi, Mhux mill-Opri Imma tibqa’ l-mistoqsija: Il-bniedem isalva bil-fidi ġenwina biss? Jew bil-fidi u l-merti ta’ l-opri tiegħu? It-tweġiba ta’ l-appostlu Pawlu qatt ma kont smajtha fil-knisja Kattolika: “Bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi; u dan mhux minnkom infuskom, dan hu don t’Alla. Mhux mill-opri, biex ħadd ma jiftaħar” (Efesin 2:8,9). Salvati permezz tal-fidi u mhux mill-opri! L-Iskrittura, li tant tenfasizza l-opri ta’ mħabba u ħajja qaddisa, tiddikjara wkoll li s-salvazzjoni ma tiddependix fuq il-merti ta’ l-opri tal-bniedem. Il-Kristjan ma jserraħx fuq it-tjieba u l-opri tiegħu imma jafda f’persuna oħra, fil-Mulej Ġesù Kristu. Meta tgħid li salvati “mhux mill-opri” il-Bibbja qed titħaddet fuq l-opri tagħna. Ma jfissirx li s-salvazzjoni hi ħaġa ħafifa. Il-ħidma biex jinkiseb il-ħelsien tal-midneb hi hekk kbira li ħadd ma seta’ jwettaqha ħlief Alla nnifsu, kif qal Ġesù: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, iżda kollox jista’ jkun għal Alla.” Il-Missier bagħat ’l Ibnu l-waħdieni fid-dinja. L-Iben etern sar bniedem, ħa fuqu d-dnubiet ta’ niesu u ħallas għalihom darba għal dejjem bil-mewt tas-salib. L-opra tal-fidwa hi xogħol il-Mulej waħdu u mhux tagħna wkoll. Il-prezz tal-ħelsien huwa d-demm prezzjuż tiegħu u mhux l-opri u l-penitenzi tagħna. Għall-Opri Tajba Bdejt nifhem bil-mod li m’għandix nibqa’ nafda fija nnifsi. Alla jridni nemmen u nafda kompletament fi Kristu. Imma xorta kont għandi mifxul rigward l-opri tajba. Għaliex għandi nagħmel it-tajjeb ladarba m’inix salvat bl-opri tiegħi? L-appostlu Pawlu jispjega: “Għax aħna xogħol tiegħu, maħluqin fi Kristu Ġesù għall-opri tajba” (Efesin 2:10). L-ewwel saħaq, “mhux mill-opri” u issa fl-istess nifs ikompli jikteb, “għall-opri tajba.” Fi kliem ieħor, l-opri tajba m’humiex il-kawża iżda l-frott tas-salvazzjoni. Min jemmen fi Kristu jagħmel it-tajjeb b’sens ta’ gratitudni lejn il-Mulej li ħabbu tant u ħafirlu ħtijietu kollha. Emmen fil-Mulej Ġesù Illum jien Kristjan Evanġeliku; ninsab żgur mis-salvazzjoni ta’ ruħi. Mhux qed niftaħar bija nnifsi għax issa m’għadnix iżjed niddependi fuq l-opri tiegħi. Illum niftaħar fi Kristu, il-Ħellies tiegħi. Fih biss nittama għax is-sagrifiċċju tiegħu fuq is-salib hu biżżejjed biex inaddafni minn kull dnub. Ma nixba qatt nirringrazzjah u nixtieq biss ngħix tajjeb biex nogħġbu f'kollox. Illum ninkwieta għall-ħuti Maltin li jgħidu li jemmnu avolja ħajjithom iddominata mill-ħażen u nieqsa mill-opri tajba. Jippretendu li fl-aħħar xorta jispiċċaw sew; iżda l-Mulej iwissihom li l-fidi tagħhom hi mejta u tmiemhom huwa t-telfien fl-Infern. Ninkwieta ukoll għal ħafna Maltin oħra li għandhom il-biża’ t’Alla u qed jagħmlu ħilithom biex jixtru l-maħfra u l-grazzja t’Alla. Jemmnu fi Kristu iżda ma jemmnux għalkollox fih għax għadhom iserrħu wkoll fl-opri tagħhom. Nixtieq inxandar l-istess messaġġ li smajt f’żgħożiti għax konvint li hu l-messaġġ ta’ l-Iskrittura Mqaddsa. Jekk trid issalva, emmen fil-Mulej Ġesù Kristu u tafdax iżjed f’għemil idejk. Ilqa’ s-salvazzjoni bħala rigal b’xejn mogħti mill-qalb ħanina t’Alla, u wara agħmel l-opri tajba b’sens ta’ ringrazzjament. |