|
MISTOQSIJIET
U TWEGIBIET
Katekizmu Protestant ghat-Tfal fil-Bidu tas-Seklu Dsatax,
Miktub minn Mikiel Anton Vassalli.
Mistoqsija. Tista’ tgħidli, ħanini, min għamlek?
Tweġiba. Alla li għamel is-sema u l-art.
M. Alla x’għamel għalik?
T. Iħarisni mid-deni bil-lejl u bi nhar, u dejjem jagħmilli
l-ġid.
M. U x’imissek tagħmel int għal dan Alla li hu hekk
ħanin għalik?
T. L-ewwel imissni nitgħallem li nagħrfu, u mbagħad imissni
nagħmel kull ħaġa li togħġbu.
M. Fejn jgħallimna Alla li nagħarfuh, u nogħġbuh?
T. Fil-kelma mqaddsa tiegħu.
M. Int tgħallimt tagħraf min hu Alla?
T. Alla hu Ruħ, u għad illi aħna ma nistgħux narawh,
hu jista’ jagħraf u jara kollox, u jista’ jagħmel kollox.
M. X’imissek tagħmel biex togħġob ‘l Alla?
T. Għandi nġib ruħi sewwa u m’Alla u mal-bnedmin.
M. Kif imissek iġġib ruħek m’Alla?
T. Għandi nibża’ minnu u nweġġħu, u nħobbu
u nagħbdu (nservih), nitolbu u nfaħħru.
M. Kif imissek iġġib ruħek mal-bnedmin?
T. Imissni nisma’ minn nissilin (ġenituri) tiegħi, u
ngħid il-ħaqq dejjem, u nkun ħorr (onest) u ħanin
għal kulħadd.
M. X’ħajr tistenna billi tfittex togħġob ‘l Alla?
T. Li jien inkun bin Alla, u jkolli ‘l Alla b’Missieri u ħabib
għal dejjem.
M. U x’ikunlek jekk int ma tibżax minn Alla, u ma tħobbux,
u lanqas tfittex togħġbu?
T. Ikunli, li nkun tifel ħażin, u Alla jagħdab
għalija.
M. Għaliex int beżgħan mill-għadab t’Alla?
T. Għaliex jista’ jmewwitli lil ġismi, u jista’
jgħakkes lil ruħi wara li ġismi jkun mejjet.
M. Imma inti qatt għamilt xi ħaġa biex
ġiegħelt ‘l Alla jagħdab għalik?
T. Iva, u jien beżgħan li wisq dnibt għal Alla, u li
jistħoqqli l-għadab tiegħu.
M. X’tifhem billi tidneb għal Alla?
T. Nifhem li nagħmel xi ħaġa li Alla jkun mnagħha
(ipprojbiha), inkella li ma nagħmilx li jmissni.
M. U x’għandek tagħmel biex tinħeles mill-għadab
t’Alla, li jistħoqq lil dnubietek?
T. Imissni nkun sogħbien għal dnubieti; u jmissni nitlob ‘l
Alla li jaħfirli d-dnub l-imgħoddi, u nagħbdu (nservih)
aħjar ‘l quddiem.
M. Alla jaħfirlek jekk titolbu il-maħfra?
T. Jiena nitma’ li jaħfirli, jekk nittama għal ħniena
tiegħu, f’ġieħ li għamel u bata Ġesù Kristu.
M. Int taf min hu Ġesù Kristu?
T. Huwa Bin Alla li niżel mis-sema biex jeħlisna minn dnubietna,
u mill-għadab t’Alla.
M. X’għamel Kristu biex jeħles il-bniedem?
T. Sema’ mil-liġi t’Alla huwa nnifsu, u għallimna l-kif
aħna nisimgħu minnha wkoll.
M. U x’bata Kristu biex jeħles il-bniedem?
T. Miet għall-midinbin li kisru il-liġi t’Alla, u li kien
jistħoqqilhom li jintilfu għal dejjem.
M. Issa fejn hu Kristu?
T. Hu ħaj mill-ġdid, u tela’ s-sema biex iħejji
għamara hemm għal dawk li jagħbdu (jservu) ’l Alla, u
jħobbu ’l Ibnu Ġesù.
M. Tista’ minnek innifsek tagħbad (isservi) u tħobb ‘l
Alla u lil Kristu?
T. Le, ma nistax nagħmel dan minni nnifsi, izda Alla jgħinni
bir-Ruħ mqaddsa tiegħu, jekk nitolbu l-għajnuna.
M. Għandu jiġi darb’ oħra Ġesù Kristu?
T. Iva, u jsejjaħ lili u d-dinja kollha biex nfissru ruħna fuq
li konna għamilna.
M. L-għaliex ikollna nfissru ruħna fuq dan?
T. Biex ulied Alla, kemm ukoll il-ħżiena, jingħatalhom
bħalma għamlu.
M. X’isir minnek jekk inti ħażin?
T. Jekk jien ħażin, jien inkun mibgħut f’nar ta’
dejjem, fost ħlejjaq mgħakksa u ħżiena.
M. U fejn tmur jekk inti tarbija t’Alla?
T. Jekk jien tarbija t’Alla, jien nittieħed fis-sema, u nkun hemm m’Alla
u ma’ Kristu għal dejjem.
Pubblikat f’Appendiċi minn A. Zahra de Domenico. “A Protestant
Catechism by Vassalli.” Dawl ġdid fuq Vassalli. L-Għaqda
tal-Malti (Università) u l-Istitut tal-Lingwistika (Malta 2004), 165-168.
Fil-fehma ta’ Zahra de Domenico, dan il-katekiżmu Protestant kien
miktub minn Mikiel Anton Vassalli.
|