|
BIS-SAFA KOLLHA Etika Sesswali taz-Zghazagh Kristjani Miktub minn Joe Mizzi Kif għandhom iġibu ruhom żewġ żgħażagħ Kristjani li qed joħorgu flimkien? Huma jirragunaw xi ħaġa hekk… Ir-relazzjoni tagħna mhix bejn żewġ persuni biss, iżda bejn tlieta: il-ġuvni, it-tfajla u Sidna Ġesù. Irridu nifirħu flimkien; irridu li Sidna Ġesù jifraħ magħna. Għalhekk inġibu ruħna bejnietna biex nogħġbuh f’kollox. Il-Gwida Bħal ġrieden tal-Pide Piper ħafna zgħażagħ Maltin isegwu l-imġieba u l-valuri ta’ kultura ateista. Il-magazines, il-videos, in-novelli u t-television huma l-bibbja tagħhom. Avolja ħafna jinxteħtu fl-art jaduraw ’l alla tal-pjaċir, aħna nibqgħu bil-wieqfa nipprotestaw. Għax Alla tagħna hu Missier Sidna Ġesù; lilu waħdu inqimu u naqdu. Lanqas ma nafdaw is-sentimenti u l-ħsibijiet tagħna. Qalbna hi qarrieqa u mhux ta’ min joqgħod fuqha. Dak li fil-bidu jidher sabiħ u jagħti ġost, wara jnissel imrar u miżerja. Għandna bażi ferm aktar soda u gwida ferm aktar żgura: Il-Kelma tal-Mulej, l-Iskrittura. ‘Kelmtek dawl għall-mogħdija tiegħi’ (Salmi 119:105). Irridu nobdu lil Sidna f’kollox avolja r-rieda tiegħu tmur kontra l-valuri popolari u l-passjonijiet ta’ ġisimna. ‘Kif jista’ żagħżugħ iżomm triqtu safja? Billi jħares il-kelma tiegħek’ (Salmi 119:9). Għaliex Flimkien? Alla ħalaqna esseri soċjali: tana l-abbiltà nikkomunikaw, nagħrfu u nħobbu persuni oħra. L-ogħla privileġġ hu li nħobbu ‘l Alla u lil bnedmin oħra. M’aħniex maħluqin biex ngħixu weħidna. Is-solitundni tmur kontra l-għan ta’ l-eżistenza tagħna. ‘Mhux tajjeb,’ qal Alla, ‘li l-bniedem ikun waħdu’ (Ġenesi 2:18). Nirringrazzjaw ’l Alla għall-ġenituri, ħutna u l-ħbieb. Iżda inħossu wkoll l-ħtieġa ta’ relazzjoni bejnietna. Skond il-Ħallieq tagħna, is-soluzzjoni għas-solitudni tar-raġel hi ‘l-għajnuna li taqbel għal miegħu’ (Ġenesi 2:18). Alla ħalaq lill-mara għar-raġel, u t-tnejn isibu l-milja tagħhom f’xulxin. Saħansitra lanqas ir-relazzjoni ma’ l-aktar egħżież, il-ġenituri, ma tilħaq dan il-bżonn. ‘Ir-raġel iħalli lil missieru, u ’l ommu, u jingħaqad ma martu’ (Ġenesi 2:24). Iż-żwieġ huwa r-relazzjoni intima u dejjiema li qed naspiraw għalih. Is-Sess u ż-Żwieġ Għandna m’aħniex ta’ xulxin. Iżda l-intenżjoni sinċiera tagħna hi, li jekk il-Mulej irid, niżżewġu, jiġifieri li nidħlu f’patt solenni quddiem Alla u s-soċjetà li nissieħbu flimkien għal ħajjitna kollha. Fiż-żwieġ ma nibqgħux aktar indipendenti. It-tnejn nitlaħħmu f’unità. Ħajti issir ħajtek, ħajtek issir ħajti. Naqsmu l-ħolm u l-biżgħat, l-ferħ u d-dwejjaq ma’ xulxin. Alla sebbaħ iż-żwieġ bl-għaqda sesswali - “ir-raġel...jingħaqad ma’ martu u jsiru laħam wieħed” (Ġenesi 2:24). Is-sess hu s-siġill u s-simbolu uniku ta’ l-aktar għaqda intima fir-relazzjonijiet umani. Għalhekk konvinti wkoll li s-sess qabel iż-żwieġ hu qerq u gideb. Is-sess ħalqu Alla, sabiħ u nadif. Ivvintah għal skop speċifiku u meta jintuża barra l-kuntest intenzjonat (iż-żwieġ) isir bħal daħk waqt funeral jew biki waqt festa. Is-sabih jikrieħ, in-nadif jitħammeġ. Is-Seba’ Kmandament, ‘La tikkommettix adulterju,’ hu għalina l-prinċipju fundamentali ta’ l-etika sesswali. Ladarba nagħrfu ’l Alla, l-imgħallem u l-mexxej tagħna, għażilna li ma jkollniex relazzjoni sesswali qabel il-waqt diterminat mid-Disinjatur innifsu. Ma jimportax jekk fis-soċjetà tagħna s-sess hu n-norma bejn tnejn li ‘jħobbu’ lil xulxin. L-ikbar imħabba tagħna hi lejn Sidna Ġesù; u nħobbu biżżejjed lil xulxin li bis-sabar nistennew il-waqt xieraq. Affeżżjoni Fiżika Kemm nistgħu nuru affezzjoni fiżika? Qabel inwieġbu jeħtieġ nieqfu minuta, nimxu żewġ passi lura u nħarsu lejn l-istampa sħiħa. Is-sess hu parti, iżda biss parti miż-żwieġ. Il-ħajja miżżewwġa hi ferm aktar minn hekk. B’isess mod, filwaqt li hemm lok għal ftit affezzjoni waqt in-namur, ir-relazzjoni tagħna hi ferm aktar wiesgħa. Għandna opportunità nitħaddtu, immorru passiġġata u jogging, nitolbu, nieklu flimkien, nilgħabu, naħdmu u ngħinu lil xulxin, nitgħallmu, nippjanaw, niddiskutu u elf ħaġa oħra. Hekk il-ħbiberija tagħna tissaħħaħ u timmatura. U l-affezzjoni fejn tidħol? Bħalma nuru affezzjoni ma’ tal-familja, aħwa Kristjani u ħbieb, xieraq ukoll nuru l-istess tip ta’ affezzjoni ma’ xulxin. Li nżommu idejn xulxin, tgħanniqa u bewsa jixirqu l-ħbiberija sinċiera u l-intenzjoni tagħna. Relazzjoni safja L-imġieba sesswali li tixraq lill-miżżewġin, ma tixraqx lilna sakemm għadna namrati. L-Iskrittura tgħid lir-raġel miżżewweġ: ‘Ħa tkun (martek) għalik bħal ċerva maħbuba, u għażżiela ħelwa, ħalli sidirha jgħaxxqek kull ħin, u ħa tissaħħar dejjem b’imħabbitha’ (Proverbji 5:15-23). Ladarba hu l-privileġġ tar-raġel jitgħaxxaq b’sider martu, m’għandux dritt il-ġuvni jagħmel l-istess mat-tfajla sakemm għadha mhix tiegħu (fiż-żwieġ). Affezzjoni intima hi frustranti għax tipprepara l-ġisem għall-att taż-żwieġ u imbagħad iċċaħħdu minnu. Bħal meta tressaq ikel bnin quddiem wieħed bil-ġuh, iddewwaqlu ftit, u minflok tagħtih jiekol, tiċħadulu. Agħar mill-frustrazzjoni, l-intimità żejda tista’ twassal għall-adulterju, minkejja kull impenn u intenzjoni tajba. Smajna t-twissija serja tal-Kelma t’Alla (1 Korintin 10:9-12). Għalkemm mwielda mill-ġdid, għandna qalb ġdida, mitna għad-dnub, l-Ispirtu s-Santu jgħammar fina, u x-xewqa sinċiera tagħna li nogħġbu ’l Alla dejjem, nafu wkoll li d-dnub għadu jgħammar fina. Il-ġlieda għadha sejra. Jekk ma nkunux viġilanti, naqgħu. Naqgħu għal tiġribiet żgħar, bħal Cadbury jew sigarett; kemm aktar għandna noqgħodu lura minn tiġrib sesswali, li bla dubju hu emozzjoni mill-aktar potenti. ‘Jista’ xi ħadd iġib in-nar fi ħdanu, u ħwejġu ma jinħarqux?’ (Proverbji 6:27). Le, ma naħsbux u ma nipprettendux li nistgħu nilgħabu mas-sess mingħajr ma nġibu ħsara fuqna. Il-Konsegwenzi taż-Żena Il-frott imħassar taż-żena huma l-ħtija, ipokrezija, djufija spiritwali u relazzjoni mibnija fuq passjoni mingħajr ċans tiżviluppa fid-diversi aspetti tagħha (u meta l-emozzjoni tbatti, jinstab li m’hemm xejn sod bejnietna). L-agħar konsegwenza hi d-diżaprovazzjoni t’Alla. ‘Ħa jkun imweġġaħ iż-żwieġ f’kollox, u s-sodda taż-żwieġ ħa tkun bla tebgħa; iżda Alla jagħmel ħaqq miż-żienja u mill-adulteri’ (Lhud 13:4). M’Alla ma niċċajtawx. Is-sodda taż-żwieġ tagħna ma ntebbgħuhiex b’relazzjoni żienja; altrimenti ma nistennew xejn għajr il-ġudiżżju t’Alla fuqna. Naħarbu ż-Żena Il-Mulej iwissina biex naħarbu ż-żena (1 Kor. 6:18; 1 Tess. 4:3; 2 Tim. 2:22; Rum. 13:14). ‘Iddaħħalniex fit-tiġrib’ hi t-talba sinċiera tagħna. Fil-prattika dan ifisser li nevitaw dawk il-postijiet u okkażżjonijiet ta’ tiġrib. Nevitaw li nkunu flimkien fil-privat għal ħin twil, u ma nesprimux affezzjoni fiżika aktar milli tixraq żewġt iħbieb Kristjani. Nafu li mhux faċli. Bi tbatija nħarsu t-tagħlim ta’ l-Iskrittura. Imma fl-aħħar mill-aħħar, huwa għall-ġid tagħna stess u għall-glorja tal-Maħbub tagħna. Il-Mulej iberikna meta nżommu kelmtu: ‘Imberkien dawk ta’ qalb safja’ (Mattew 5:8). Iberikna issa, u jberikna aktar meta bl-għajnuna tiegħu nkunu ta’ xulxin. |