|
L-GHOTJA TAS-SALVAZZJONI Miktub minn Fr Charles Chiniquy Dahla Father Chiniquy kien qassis Kattoliku famuż mill-Kanada, imwieled fi Quebec, fl-20 ta' Lulju, 1809. Minħabba l-kapaċita' u d-devozzjoni tiegħu, kien fdat b'għadd kbir ta' Franċiżi Kanadiżi, li marru jgħammru f'Illinois bħala kolonja. Din l-esperjenza ta' ħajtu. Father Chiniquy kien gwidat bil-Kelma t’Alla biex jagħraf li s-salvazzjoni ma niksbuhiex b’mertu tagħna iżda hi għotja b’xejn li Alla jagħti lil min jafda fil-Mulej Ġesu' Kristu. Jalla int ukoll tingħata l-istess għotja li ma titfissirx bil-kliem. “Għax bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi, u dan mhux minnkom infuskom; dan hu don t’Alla, mhux mill-opri biex ħadd ma jiftaħar” (Efesin 2:8,9). L-GĦOTJA TAS-SALVAZZJONI Twelidt u kont mgħammed bħala Kattoliku Ruman fl-1809; irċevejt l-ordni sagri fis-sena 1833, fil-Kanada. Illum għandi erbgħa u sebgħin sena, u għaddew kważi ħamsin sena mindu rċevejt id-dinjita' tas-saċerdozju fil-Knisja ta' Ruma. Għal kwart ta' seklu kont qassis, u ngħidilkom bis-sinċerita' illi ħabbejt il-Knisja ta' Ruma, u hi kienet tħobbni. Kont lest inxerred kull qatra minn demmi għall-Knisja tiegħi; kont imħejji nagħti ħajti għal elf darba biex naraha titqawwa u tidher iżjed dinjituża fil-kontinent ta' l-Amerka, u mad-dinja kollha. L-ambizzjoni ewlenija tiegħi kienet li nikkonverti lill-Protestanti, u ndaħħalhom fil-Knisja tiegħi, għaliex qaluli, u minn naħa tiegħi kont nippriedka, li barra mill-Knisja ta' Ruma m'hemmx salvazzjoni, u kont dispjaċut wisq għal dawk l-eluf kbar ta' Protestanti mitlufa. Ftit snin wara twelidi konna ngħixu f'post fejn ma kienx hemm skejjel. Ommi saret l-ewwel għalliema tiegħi, u l-ewwel ktieb li bih għallmitni naqra kien il-Bibbja. Meta kien għad kelli tmien snin jew disgħa kont naqra l-Ktieb Divin b'gost inkredibbli, u qalbi kienet wisq imsaħħra bil-ġmiel tal-Kelma t'Alla. Ommi kienet tagħżilli l-kapitli li xtaqitni naqra, u tant kont mixħut fuq il-Bibbja illi ħafna drabi, minflok ma kont noħroġ nilgħab mat-tfal sħabi, kont nibqa' nitgħaxxaq bil-qari tal-Ktieb Imqaddes. Xi wħud mill-kapitli laqtuni iżjed minn oħrajn, u tgħallimthom bl-amment. Iżda wara mewt ommi, il-Bibbja sparixxiet mid-dar, probabbilment xogħol il-qassis li qabel prova jaqbad dan il-Ktieb taħt idejh. Din il-Bibbja hi l-qofol u l-għerq ta' kollox f'din il-ġrajja tiegħi. Kienet id-dawl li żernaq f'ruħi meta kont għadni tfajjel, u b'ringrazzjament lil Alla, ngħid li dak il-merżuq dawl qatt ma ntefa. Baqa' hemm. Minħabba dik il-Bibbja għażiża, illum, bil-ħniena t'Alla, ingawdi hena li ma titfissirx, għax naf u ninsab persważ li jien fost il-mifdija, fost dawk li l-Mulej sejħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu ta' l-għaġeb. Illum għadni nixrob minn dik l-għajn pura ta' verita'. Forsi għandek ix-xeħta tgħid, “Illum il-qassisin Kattoliċi jippermettu l-lajċi jaqraw il-Bibbja.” Iva, u niżżiħajr 'l Alla li hekk hu. Kważi mad-dinja kollha l-Knisja Kattolika tagħti lok għall-qari tal-Bibbja; saħansitra ssib kopji tal-Bibbja fid-djar tal-Kattoliċi. Wara li nistqarru dan kollu xorta waħda jeħtieġ ngħidu l-verita' kollha. Meta l-qassis iħalli n-nies ikollhom kopja tal-Bibbja, jew meta l-qassis innifsu jirċievi l-Bibbja mingħand il-Knisja tiegħu, dan iseħħ b'kondizzjoni importanti. Għalkemm il-kleru jew il-lajċi jistgħu jaqraw il-Bibbja, qatt u qatt, taħt ebda ċirkostanza, ma jistgħu jinterpretaw kelma waħda skond il-kuxjenza tagħhom, jew skond l-intelliġenza jew il-fehma tagħhom. Meta lħaqt saċerdot kelli naħlef li ninterpreta l-Iskrittura skond il-kunsens unanimu tas-Santi Padri. Ħbieb, staqsu lill-Kattoliċi llum, u għidulhom jekk għandhomx permess jaqraw il-Bibbja. Jgħidulek, “Iva, nistgħu naqrawha.” Imbagħad staqsihom, “Għandkom permess tinterpretawha?” Iweġbuk, “Le.” Il-qassis jisħaq mal-parruċċani, u l-Maġisteru tal-Knisja jisħaq mal-qassis, illi ma jistgħux ifissru kelma waħda mill-Bibbja skond l-għerf jew il-kuxjenza tagħhom, u li hu dnub gravi jekk ikunu prużuntużi u jaħsbu li jistgħu jfissruha għalihom infushom. Effettivament il-qassis jgħid lin-nies, “Jekk tipprovaw tinterpretaw il-Bibbja bl-intelliġenza tagħhom tintilfu. Il-Bibbja ktieb perikoluż immens. Tistgħu taqrawha, iżda kważi kważi aħjar ma taqrawhiex, għax ma tistgħux tifhmuha.” X'inhu r-riżultat ta' tagħlim bħal dan? Il-qassisin u l-lajċi għandhom il-Bibbja f'idejhom, iżda prattikament jaqrawha ftit li xejn. Għax għandek tinħela ma' Ktieb meta int persważ li ma tistax tifhem kelma waħda privatament? Min se jkun daqshekk iblah iberbaq ħinu biex isir familjari ma' Ktieb li fl-aħħar mill-aħħar ma jistax jifhmu waħdu? Ħbieb, din hi l-verita' dwar il-Knisja Kattolika. Għandhom għadd kbir ta' Bibbji. Issib Bibbja fuq l-iskrivaniji ta' saċerdoti u fuq l-ixkaffi tal-lajċi, iżda fost għaxart elef saċerdot ma ssibx tnejn li jkunu qraw il-Bibbja minn qoxra sa qoxra u jagħtu kas serju tagħha. Jaqraw ftit paġni bl-addoċċ, meta jfettlilhom; dak kollox. Fil-Knisja Kattolika il-Bibbja hi ktieb issiġġillat, iżda għalija ma kinitx. Mindu kont tifel ċkejken sibtha prezzjuża għal qalbi, u meta rċevejt l-ordni sagri komplejt naqraha biex tagħmilni suldat qawwi, u biha nkun nista' nargumenta favur il-Knisja. L-għan prinċipali tiegħi kien li nriegħex il-ministri Protestanti ta' l-Amerika u nġibhom daharhom mal-ħajt. Ksibt kopja tas-Santi Padri, u studjajtha lejl u nhar flimkien ma' l-Iskrittura Mqaddsa, biex nipprepara lili nnifsu għall-battalja li ridt niġġieled kontra l-Protestanti. Dħalt għal dan l-istudju biex insaħħaħ il-fidi tiegħi fil-Knisja Kattolika Rumana. Imma, imbierek Alla għal dejjem! Kull darba li kont niftaħ il-Bibbja kien hemm leħen misterjuż jgħidli, “M'intix tinduna li fil-Knisja ta' Ruma m'intix issegwi t-tagħlim tal-Kelma t'Alla, iżda biss it-tradizzjonijiet tal-bnedmin?” Fis-sigħat siekta tal-lejl, kif kont nisma' dak il-leħen, kont nolfoq u nibki, iżda kull darba l-leħen kien itennili l-istess messaġġ b'qawwa tar-ragħad. Ridt ngħix u mmut fi ħdan il-Knisja Qaddisa Kattolika Rumana, u tlabt ’l Alla biex isikket il-leħen, iżda kulma jmur bdejt nisimgħu iżjed qawwi. Meta kont mixħut naqra l-Kelma tiegħu kien qed jipprova jkissirli l-ktajjen, iżda ma ridtx neħles minnhom. Ġie għandi bid-dawl tas-salvazzjoni tiegħu, iżda ma ridtux. M'għandi xejn kontra l-qassisin Kattoliċi. Xi wħud minnkom jaħsbu li għandi. Tinsabu żbaljati. Kultant nibkihom għax naf li dawk l-imsejkna rġiel qed jiġġieldu kontra l-Mulej, bħalma għamilt jien; naf li jinsabu miżerabbli bħalma darba kont miżerabbli jien. Jekk nirrakkontalkom waħda mit-taqtigħat li dwarhom qed nitkellem, tifhmu x'jiġifieri tkun qassis Kattoliku, u jkun eħfef titolbu għalihom. F'Montreal hemm katidral majestuż, jesa' 15,000 ruħ. Kont nippriedka hemm sikwit. Jum fost l-oħrajn l-Isqof talabni nitkellem fuq il-Verġni Marija, u ħassejtni kburi nidħol għal dil-biċċa xogħol. Lil dawk il-parruċċani għidtilhom dak li kont naħseb hi verita'; għidtilhom dak li l-qassisin l-oħra jemmnu u jippridkaw kullimkien. Fil-qosor il-priedka tiegħi kienet xi ħaġa hekk: “Egħżież ħuti, meta sudditu jkun irribbella kontra s-sultan, meta jkun ikkommetta delitt ikreh kontra l-emperatur, jaqaw jazzarda jersaq lejh waħdu? Jekk ikun irid jaqla' favur speċjali mingħand is-sultan, jissogra jippreżenta lilu nnifsu quddiem il-Majesta'? Ċertament li le; is-sultan iċanfru, u possibbilment jikkastigah. Mela, x'għandu jagħmel? Minflok ma jmur hu personalment, jagħżel wieħed mill-ħbieb tas-sultan, xi wieħed mill-uffiċċjali għolja tiegħu, forsi oħtu stess jew saħansitra omm is-sultan, u jqiegħed it-talba tiegħu f'idejhom. Imorru u jitkellmu favur il-ħati. Jitolbu l-maħfra għalih, jipprovaw jikkalmaw għadab is-sultan, u sikwit is-sultan jogħġbu jagħti lil dawn in-nies il-favur mixtieq. Waħdu r-raġel ħati ma jasalx. “Issa,” issoktajt ngħid, “aħna lkoll midinbin, aħna lkoll offendejna s-Sultan kbir u setgħan, Sid is-sidien. Għollejna ilħna ta' protesta kontra tiegħu, u provajna nneżżgħulu l-kuruna. Għaffiġna taħt saqajna l-liġijiet tiegħu, u ċertament jinsab inkorlat għalina. X'nistgħu nagħmlu? Immorru aħna nfusna b'idejna mimlijin ħażen u dnub? Le! Imma għandna għalfejn inkunu grati lejn Alla; għandna lil Marija omm Ġesu', is-Sultan tagħna, fuq il-leminija tiegħu, u bħalma iben sottomess qatt ma jiċħad favur lil ommu l-maħbuba, hekk Ġesu' qatt ma jiċħad kwalunkwe favur lil Marija. Qatt ma rrifjuta xi petizzjoni li preżentatlu meta kien hawn fid-dinja. Qatt ma ċanfar lil ommu b'xi mod. Liema iben jikser lil ommu l-maħbuba, meta jista' jferraħha billi jaqtagħlha xewqitha? “Mela ngħid jien, Ġesu', is-Sultan tas-slaten, mhux biss hu Bin Alla, iżda wkoll Bin Marija, u jħobb lil ommu. U bħalma qatt ma warrab lil Marija meta kien fostna fuq l-art, qatt mhu se jiċħdilha xi favur fis-sema. Mela x'għandna nagħmlu? Ma nistgħux nippreżentaw lilna nfusna quddiem is-Sultan kbir, miksija kif aħna bid-dnubiet. Ħa nippreżentaw il-petizzjonijiet tagħna lill-omm imqaddsa tiegħu; hi tieħu ħsieb tmur f'riġlejn Ġesu', Alla tagħha u binha fl-istess ħin, u bla dubju taqla' mingħandu l-grazzji li titolbu; tinterċiedi għall-maħfra tagħna u tiksibhielna. Titolbu post għalina fis-saltna tiegħu, u qatt ma jonqosha. Titlob lil Ġesu' jinsa l-ħtijiet tagħkom, jagħtikom indiema vera, u jagħtikom kull ħaġa li titolbu ommu.” Is-semmiegħa ħassewhom tant hienja li għandhom Avukata u Medjatriċi maġenb Ġesu', li tidħol għalihom kontinwament. Ilkoll kienu emozzjonati u bdew jolfqu, tant kienu ferħanin b'din l-idea li Marija titlob u taqlagħhom l-maħfra. Ejjew għandi Matul dan iż-żmien kont naħseb li din mhux biss kienet ir-reliġjon ta' Kristu, iżda wkoll ir-reliġjon tas-sens komun, u ebda akkuża ma setgħet tinġieb kontriha. Wara l-priedka, l-Isqof resaq fuqi u berikni, irringrazzjani, u assigurani li l-omelija kienet se tikseb ħafna ġid f'Montreal. Dak il-lejl inżilt għarkuptejja, ftaħt il-Bibbja quddiemi, b'qalbi mfawwra bil-ferħ minħabba l-priedka eċċellenti li għamilt filgħodu. Qrajt dan il-kliem minn Mattew 12:46: “Hu u jkellem lin-nies, ara, ommu u ħutu kienu barra, iridu jkellmuh. Imbagħad wieħed qallu: Ara, ommok u ħutek qegħdin barra, jixtiequ jkellmuk. Iżda hu wieġeb lil dak li qallu dan, u qal: Min hi ommi? u min huma ħuti? U medd idu lejn id-dixxipli tiegħu, u qal: Ara, ommi u ħuti! Għax kull min jagħmel ir-rieda ta' Missieri li hu fis-smewwiet, dak ħija, u oħti, u ommi.” Meta qrajt din is-silta kien kemm leħen ikellimni, leħen iżjed terribbli mir-ragħad, jgħidli, “Chiniquy, pridkajt gidba dalgħodu meta għidt li Marija dejjem irċeviet il-favuri li talbet mingħand Ġesu'. M'intix tara li Marija ġiet biex titlob favur, jiġifieri, biex tara lil binha, li matul l-assenza tiegħu kienet waħdiena, u li kien telaqha għal ħafna xhur biex ixandar l-Evanġelju?” Meta Marija waslet fejn Ġesu' kien qed jippriedka, il-post kien tant iffollat illi ma setgħetx tidħol. X'tagħmel? Tagħmel dak li kull omm tagħmel fil-qagħda tagħha. Tgħolli leħinha u titolbu jiġi u jaraha; iżda filwaqt li Ġesu' jisma' leħen ommu, u jaraha b'għajnejh, jaqlagħlha t-talba tagħha? Le. Jagħlaq widnejh għal leħinha u jwebbes qalbu kontra t-talba tagħha. Hi ċanfira pubblika; hi tħossha. In-nies ukoll jibqgħu skantati. Huma mbellħa, kważi skandalizzati. Iduru lejn Kristu, u jgħidulu, “Għaliex ma tiġix tkellem lil ommok?” X'jgħid Ġesu’? Ma jagħti ebda tweġiba ħlief dan il-kliem straordinarju: “Min hi ommi? u min huma ħuti?” U waqt li jħares lejn id-dixxipli tiegħu, jgħid: “Ara, ommi u ħuti!” Inkwantu Marija, ħalliha u widdibha quddiem in-nies. U mbagħad il-leħen reġa' kellimni bil-qawwa tar-ragħad, u qalli nerġa' naqra San Mark 3:31-35. Issibu l-istess inċident kemm f'Mark kif ukoll f'Luqa 8:19-21. Minflok ma wieġeb il-petizzjoni tagħha Ġesu' wieġeb b'tali mod li ċanfar pubblikament lil ommu. U mbagħad il-leħen kellimni b'qawwa tremenda, u qalli li Ġesu', sakemm kien tifel ċkejken, obda lil Ġużeppi u ’l ommu; iżda malli Ġesu' preżenta lilu nnifsu quddiem id-dinja bħala l-Iben t'Alla, bħala s-Salvatur tad-dinja, bħala d-Dawl uniku ta' l-umanita', Marija kellha twarrab. Lejn Ġesu' biss jeħtieġu jduru l-għajnejn tad-dinja biex jirċievu mingħandu Dawl u Ħajja. Imbagħad, ħbieb, il-leħen kellimni matul il-lejl kollu: “Chiniquy, Chiniquy, għidt gidba dalgħodu; pridkajt skoss ħrejjef u ħwejjeġ bla sens; u qed tippriedka kontra l-Iskrittura kull darba li tgħid li Marija għandha l-qawwa tikseb kwalunkwe favur mingħand Ġesu'.” Tlabt u bkejt; għaddejt lejl bla ma għalaqt għajn m'għajn. L-għada filgħodu kont mistieden għall-kolazzjon ma' l-isqof. Qalli, “Mons. Chiniquy, tidher li qattajt il-lejl bla mistrieħ, tibki. Xi ġralek?” Weġibt, “Eċċellenza, għandek raġun. Ninsab inkwetat; ninsab imħawwad iżjed milli taħseb int.” “Xi ġralek?” “Ma nistax ngħidlek hawnhekk,” għidt. “Tista' jekk jogħġbok tislifni siegħa fl-uffiċċju waħidna? Ngħidlek misteru li jħawwdek.” Wara l-kolazzjon ħriġt miegħu u għidtlu: “Il-bieraħ għamiltli kumpliment kbir minħabba l-priedka li fiha tajt prova li Ġesu' dejjem wieġeb it-talb ta' ommu. Iżda, Eċċellenza, dal-lejl smajt leħen ieħor, isħaħ minn tiegħek, u l-inkwiet tiegħi hu sewwa sew dan: nemmen li dak il-leħen hu l-leħen t'Alla. Qalli li aħna l-qassisin u isqfijiet Kattoliċi nippridkaw ħwejjeġ foloz kull darba li ngħidu lill-parruċċani li Marija dejjem għandha l-qawwa tirċievi mingħand Ġesu' Kristu l-favuri li titolbu. Din gidba, Eċċellenza - dan, bi tqanżiħ ikolli nammetti, hu errur dijaboliku li ħaqqu kundanna.” Imbagħad l-Isqof qalli, “Mons. Chiniquy, x'għandek f'rasek? Jaqaw qlibt Protestant?” “Le,” għidt, “m'inix Protestant.” (Ħafna drabi kont imsejjaħ Protestant għaliex tant kont mixħut fuq il-Bibbja.) “Imma ngħidlek, wiċċ imb'wiċċ, sinċerament nibża' li l-bieraħ pridkajt gidba, u li int, Eċċellenza, se tippriedka gidba wkoll meta tgħid minn fuq il-pulptu li jeħtieġ ninvokaw lil Marija, bl-iskuża li Ġesu' qatt ma rrifjuta kwalunkwe favur minn ommu. Dan gideb.” L-isqof qalli, “Mons. Chiniquy, qed tesaġera!” “Le, Eċċellenza,” weġibt, “inutli nparlaw. Hawn hu l-Evanġelju; aqbad f’idek u aqra.” Poġġejt l-Evanġelju f'idejn l-isqof, u qara dak li għadni kif kwotajt. L-impressjoni tiegħi kienet li qara dik is-silta għall-ewwel darba f'ħajtu. Tant kien sorpriż li baqa' mbikkem u jirtogħod. Fl-aħħar staqsa, “X'ifisser dan?” Għidtlu, “Dan hu l-Evanġelju; u hawn qed tara li Marija marret titlob xi ħaġa mingħand Ġesu' Kristu, u hu mhux biss ċanfarha, iżda ċaħad li jqisha bħala ommu. Għamel dan pubblikament biex hekk inkunu nafu li Marija hi ommu bħala bniedem, mhux bħala Alla.” L-Isqof kellu rasu ddur bih. Ma setax iweġibni. Imbagħad tlabtu permess nistaqsih xi ftit mistoqsijiet. Għidt, “Eċċellenza, min salva lilek u lili fuq is-salib?” Weġibni, “Ġesu' Kristu.” “U min ħallas id-dejn tiegħek u tiegħi billi xerred demmu: Marija jew Ġesu'?” Qalli, “Ġesu' Kristu.” “Issa, Eċċellenza, meta Ġesu' u Marija kienu fuq l-art, min kien iħobb il-midneb l-iżjed: Marija jew Ġesu'?” U reġa' weġibni li kien Ġesu'. “Kien hemm xi midneb li mar għand Marija biex ikun salvat?” “Le.” “Tiftakar xi midneb li rrikorra għand Ġesu' biex jeħilsu minn ħtijietu?” “Iva, ħafna.” “Xi darba sfaw imċanfra?” “Qatt.” “Tiftakar f'xi każ fejn Ġesu' qal lill-midinbin, 'Morru għand Marija u ssalvakom hi'?” “Le,” qal. “Tiftakar meta Ġesu' stieden lill-midinbin imsejkna, 'Ejjew għandi'?” “Iva, niftakar.” “Xi darba rtira din l-istedina?” “Le!” “U min hu, mela, l-iżjed qawwi biex isalva l-midinbin?” staqsejt. “Ġesu', bla dubju!” “Issa, Eċċellenza, ladarba Ġesu' u Marija jinsabu l-Ġenna, tista' turini mill-Iskrittura li x-xewqa u l-qawwa ta' Ġesu' li jsalva tnaqqsulu b'xi mod, jew li ddelega din il-qawwa lil Marija?” U l-Isqof wieġeb, “Ma nistax.” “Mela, Eċċellenza,” staqsejt, “għaliex ma mmorrux direttament għandu, u għandu biss? Għaliex qed inħajru u nistiednu midinbin imsejkna biex imorru għand Marija, meta, fuq l-istqarrija tiegħek stess, mhi xejn meta mqabbla ma' Ġesu', fil-qawwa, fil-ħniena, fl-imħabba, u fil-mogħdrija lejn il-midneb?” L-Isqof deher bħal ħabsi kkundannat għall-mewt. Triegħed quddiemi, ġabli skuża li mħabbat ħafna, u ħallieni. Ovvjament ma setax jagħlaqli ħalqi. Imma kont għadni ma kkonvertejtx. Kien għad fadalli ħafna ħbula li fihom kont marbut ma' saqajn il-Papa. Kien hemm battalji oħra x'nitqabad qabel ma stajt inkisser il-ktajjen li xekkluni. Imma f'dawk il-jiem, għad li kont inkwetat, ma kont tlift xejn mill-ħeġġa tiegħi lejn il-Knisja. L-isqfijiet kienu żejnuni b'setgħa u awtorita' kbira, u l-Papa refagħni ogħla minn ħafna oħrajn, u kont ittamat, flimkien ma' ħafna minn sħabi, li bil-mod il-mod, inkunu nistgħu nirriformaw il-Knisja f'ħafna oqsma. L-Ġħotja Fl-1851 mort Illinois biex inwaqqaf kolonja Franċiża. Ħadt miegħi madwar 75,000 Kanadiż Franċiż, u bnejna l-għamara tagħna fuq il-wesgħat ta' Illinois, biex nipposseduhom f'isem il-Knisja ta' Ruma. Wara li kont bdejt ix-xogħol ta' kolonjalizzazzjoni sirt raġel sinjur. Xtrajt ħafna Bibbji u tajt kopja lil kważi kull familja. L-Isqof tmasħan wisq għalija minħabba din il-mossa, iżda ma nkeddejtx. Ma kelli ebda idea li noħroġ mill-Knisja Kattolika, iżda ridt niggwida lil niesi bl-aħjar mod possibbli fil-mogħdijiet li Kristu riedni neħodhom. Issa l-Isqof ta' Chicago għamel ħaġa li aħna l-Franċiżi ma stajniex nittolleraw. Kien delitt kbir, u ktibt lill-Papa u dan qaċċtu mill-kariga tiegħu. Intbagħat Isqof ieħor minfloku, u ma damx ma bagħtli l-Vigarju biex iżurni. Il-Vigarju qalli, “Mons. Chiniquy, ninsabu ferħanin ħafna li kont strumentali biex l-Isqof l-ieħor tneħħa; tabilħaqq kien raġel indenju. Iżda f'ħafna lokalitajiet hu suspettat li m'għandikx iżjed fil-Knisja Kattolika. Hawn ħafna xnigħat li int eretiku u Protestant. Lest tagħtina dokument li bih tindika ċar quddiem id-dinja kollha li int u niesek għadkom Kattoliċi fidili?” Għidtlu, “Ma nsib ebda oġġezzjoni.” Issokta, “Hi x-xewqa ta' l-Isqof il-ġdid, mibgħut mill-Papa, li jkollna f'idejna dokument bħal dan.” Qbadt biċċa karta; din l-azzjoni kkonsidrajtha bħala opportunita' tad-deheb biex insikket il-leħen li kien qed ikellimni lejl u nhar, u jfixkel il-fidi tiegħi. Ridt nipperswadi lili nnifsi b'dan il-mod li fil-Knisja Kattolika Rumana konna verament qed insegwu l-Kelma t'Alla, u mhux sempliċement “it-tradizzjonijiet tal-bnedmin.” Ktibt dan il-kliem eżatti: “Eċċellenza, aħna l-Kanadiżi Franċiżi tal-kolonja ta' Illinois irridu ngħixu fil-Knisja Kattolika Rumana, Qaddisa u Appostolika, li barra minnha m'hemmx salvazzjoni, u biex nagħtu prova ta' dan lill-Eċċellenza tiegħek inwiegħdu li nobdu l-awtorita' tiegħek skond il-Kelma t'Alla, bħalma nsibuha fl-Evanġelju ta' Kristu.” Iffermajt u offrejtha lin-nies tiegħi biex jiffermaw ukoll, u hekk għamlu. Imbagħad għaddejtha lill-Vigarju, u staqsejtu x'kien jidhirlu minnha. Qalli, “Propjament din li xtaqna.” Assigurani li l-Isqof kien se jaċċettaha, u kollox kien se jimxi ħarir. Meta l-Isqof qara l-ittra ta' sottomissjoni, hu wkoll ma sab ebda intopp, u bi dmugħ ta' hena qalli: “Ninsab tant ferħan li stqarrejt is-sottomissjoni tiegħek, għax konna mħassba li kemm int kif ukoll niesek kontu se taqilbu għall-Protestantiżmu.” Ħbieb, biex nurikom l-għama tiegħi, jeħtieġ nammetti għall-mistħija tiegħi nnifsi, illi kont kuntent li ksibt is-sliem ma' l-Isqof, raġel bħali, meta kien għad m'għandix sliem m'Alla. L-Isqof tana “ittra ta' sliem,” li fiha ddikjara li kont wieħed mill-aħjar saċerdoti tiegħu, u mort lura lejn niesi bid-determinazzjoni li nibqa' hemmhekk. Imma Alla ħares lejja fil-ħniena tiegħu; u kien se jkisser dik il-paċi li kienet biss paċi mal-bniedem, mhux miegħu. Wara t-tluq tiegħi, l-Isqof mar l-uffiċċju tat-telegraf u għarraf l-isqfijiet l-oħra bis-sottomissjoni tiegħi, u talabhom l-opinjoni tagħhom dwarha. Unanimament weġbuh dik il-ġurnata stess: “M'intix tinduna li Chiniquy hu Protestant fil-moħba, u li għamel lilek ukoll Protestant? Mhux lejk qed jissottometti; lejn il-Kelma t'Alla qed iwiegħed il-lealta' tiegħu. Jekk ma teqridx dik is-sottomissjoni tkun sirt Protestant int innifsek.” Għaxart ijiem wara rċevejt ittra mingħand l-Isqof, u meta dħalt għandu staqsieni jekk kellix “l-ittra tas-sliem” li kien tani qabel. Ħriġtha, u meta ra li kienet l-ittra mixtieqa, mar b'pass ħafif lejn il-kuċiniera u tefagħha fin-nar. Bqajt imnixxef. Ħebbejt lejha biex ma nħallihiex tinħaraq, iżda kien tard wisq. Laħqet saret irmied. Imbagħad dort lejn l-Isqof, u għidtlu, “B'liema awtorita', Eċċellenza, tieħu minn idi dokument li hu propjeta' tiegħi, u taħarqu mingħajr il-kunsens tiegħi?” Weġbni, “Mons. Chiniquy, jien is-superjur tiegħek, u mhux lilek irrid nagħti kont.” “Tabilħaqq, Eċċellenza, int is-superjur tiegħi, u jien m'jien xejn ħlief qassis fqajjar, iżda hemm Alla Omnipotenti li hu ogħla minnek daqskemm hu ogħla minni, u dak Alla tani ċerti drittijiet li qatt mhu se nċedihom biex nogħġob il-bniedem; fil-preżenza t'Alla nipprotesta kontra dan l-aġir tiegħek.” “Tajjeb,” qalli, “ewwilla ġejt hawn biex tagħtini lecture?”Irrispondejtu, “Le, Eċċellenza; iżda nixtieq inkun naf jekk ġibtnix hawn biex tinsultani?” “Mons. Chiniquy,” qalli, “ġibtek hawn għax tajtni dokument li mhu xejn att ta' sottomissjoni, u dan tafu tajjeb.” Imbagħad weġibt, “Għidli, x'att ta' sottomissjoni tirrekjiedi mingħandi?” Qal, “L-ewwelnett trid tibda biex tingassa dawk il-ftit kelmiet 'skond il-Kelma t'Alla, bħalma nsibuha fl-Evanġelju ta' Kristu,' u tgħid sempliċement li twiegħed li tobdi l-awtorita' tiegħi mingħajr ebda kondizzjoni; twiegħed li tagħmel kulma ngħidlek.” Hawnhekk qomt bilwieqfa, u għidtlu, “Eċċellenza, dan li qed titlob mingħandi mhux att ta' sottomissjoni, iżda att ta' adorazzjoni, u għaldaqstant nirrifjuta li nagħtih.” “Mela,” wieġeb, “jekk ma tistax tagħtini dak l-att ta' sottomissjoni, ma tistax tibqa' qassis Kattoliku.” Erfajt idejja 'il fuq, u għidt, “Ikun imbierek Alla Omnipotenti għal dejjem,” u qbadt il-kappell u ħriġt 'il barra. Bqajt sejjer lejn il-lukanda fejn kont alloġġjat, u sakkart il-bieb warajja. Intfajt għarkopptejja biex nifli dak li kont għamilt fil-preżenza t'Alla. Imbagħad rajt, ċar u tond għall-ewwel darba, li l-Knisja ta' Ruma ma tistax tkun il-Knisja ta' Kristu. Tgħallimt din il-verita' terribbli, mhux minn fomm il-Protestanti, mhux mill-għedewwa tagħha, iżda minn fomm il-Knisja ta' Ruma stess. Rajt li ma stajtx nibqa' fiha jekk ma nċedix il-Kelma t'Alla b'dokument formali. Imbagħad rajt li għamilt sewwa ħriġt mill-Knisja ta' Ruma. Iżda, ħbieb, xi sħaba sewda barmet fuqi! Fid-dlam tiegħi għajatt, “Alla tiegħi, għaliex ruħi tinsab imgeżwra fi sħaba hekk mudlama?” Imbikki għajatt lil Alla biex jurini t-triq, iżda għal xi żmien ebda tweġiba ma waslitli. Kont ċedejt il-Knisja ta' Ruma; kont ċedejt il-pożizzjoni tiegħi, l-unur, lil ħuti, dak kollu li kien għażiż għalija! Ikkonsidrajt kif il-Papa, l-isqfijiet, u l-qassisin kienu se jattakkawni bil-kitbiet tagħhom, u minn fuq il-pulptu. Ikkonsidrajt li kienu se jneżżgħuni mill-ġieħ u l-isem tiegħi - u forsi minn ħajti wkoll. Rajt kif inbdiet tislita bejni u l-Knisja ta' Ruma, u ħarist madwari biex nara kienx fadalli xi ħbieb biex jgħinuni niġġieled il-battalja, iżda ebda ħabib ma kien baqa'. Indunajt li mqar l-egħżeż ħbieb tiegħi kienu mġegħlin jisħtuni, u jittrattawni bħala traditur notorju. Indunajt kif issa niesi stess kienu se jwarrbuni, anke l-istess patrija tiegħi, fejn kelli tant ħbieb, kienet se tisħitni, u li kont diġa' sirt oġġett ta' orrur għad-dinja. Imbagħad provajt niftakar jekk kellix xi konoxxenzi fost il-Protestanti, iżda billi kont tkellimt u ktibt kontrihom ħajti kollha, ma kelli ebda rifuġju hemmhekk. Rajt li kont imħolli waħdi, biex niġġieled waħdi. Kien piż kbir wisq, u f'dik is-siegħa terribbli, li kieku Alla ma weżinnix, ma kontx inkun kapaċi nissaporti. Dehret xi ħaġa impossibbli għalija li noħroġ minn dik il-kamra u nperreċ lili nnifsi f'dinja kiesħa, fejn ma kont se nsib ebda id ta' faraġ, ebda wiċċ jitbissem lejja, iżda fejn stajt insib biss nies li jqisuni bħala traditur. Alla stħajjiltu 'il bogħod wisq, iżda infatti kien ħdejja, maġenbi. Ħin bla waqt daħal ħsieb f'moħħi: “Għandek l-Evanġelju; aqrah, u ssib id-dawl.” Mixħut għarkoptejja, u b'idejn mimlija rogħda, ftaħt il-volum sagru. Mhux jien, iżda l-Mulej fetħu, u għajnejja waqgħu fuq l-1 Korintin 7:23: “Kontu mixtrijin bi prezz: la ssirux ilsiera tal-bnedmin.” B'dawn il-kelmiet id-dawl żernaq fuqi, u għall-ewwel darba rajt il-misteru kbir tas-salvazzjoni, daqskemm bniedem jista' jarah. Għidt bejni u bejn ruħi, “Ġesu' xtrani; mela, jekk Ġesu' xtrani, salvani; jien ninsab salvat! Ġesu' hu Alla tiegħi! L-egħmejjel kollha t'Alla huma perfetti! Jien, mela, salvat perfettament - Ġesu' ma jistax isalva biċċa minni. Jien salvat bid-demm tal-Ħaruf; jien salvat bil-mewt u l-qawmien tiegħu.” U dawn il-ħsibijiet kienu tant ħelwin illi tfawwart b'ferħ li ma jistax jingħad, bħallikieku l-għejjun tal-ħajja infetħu u għargħar ta' dawl ġdid kien qed igelgel ġewwa ruħi. Għidt bejni u bejn ruħi, “M'inix salvat, kif kont naħseb qabel, billi nirrikorri għand Marija; m'inix se nindaf minn dnubieti bil-purgatorju; l-indulġenzi, il-qrar u t-tewbiet ma jiswewli xejn. Ġesu' Kristu biss kapaċi jsalvani, u difatti hekk għamel!” U d-dottrini foloz ta' Ruma tmermru minn moħħi bħalma jisfronda torri meta jitheżheż mill-pedament tiegħu. X'sens ta' ferħ u ta' sliem għattieni! Naħseb l-anġli t'Alla ma setgħux ikunu iżjed ferħanin minni. Id-demm tal-Ħaruf naddafli ruħi mit-tebgħat u l-ħtija kollha tagħha. B'għajta kbira ta' ferħ għidt: “Ġesu' tiegħi, issa naf, issa nemmen fik; salvajtni mid-dnub u l-mewt! O! Għotja t'Alla, naċċettak! Ħudni kollni kemm jien u żommni fi ħdanek għal dejjem. Għotja t'Alla, għammar ġewwa fija biex issaffini u tqawwini; ibqa' fija biex tkun int it-triq, id-dawl u l-ħajja tiegħi; agħmel li nibqa' mlaqqam fik issa u għal dejjem! Imma, Mulej u Alla tiegħi, issalvax lili biss; eħles mill-Infern lil niesi wkoll; agħtini grazzja nurihom l-Għotja! O! Ħallini narahom jilqgħuk biex huma wkoll jistagħnu fik u jiksbu l-milja ta' ruħhom fik.” Hekk il-Mulej mexxieni għad-Dawl tiegħu u wassalni biex nagħraf il-misteru kbir tas-salvazzjoni, li hu tant sempliċi u mimli ġmiel, tant sublimi u grandjuż. Ftaħt idejja u aċċettajt l-għotja - b'fidi sempliċi. Sirt sinjur bl-għotja - għotja bla ma kien jistħoqqli, mogħtija lili skond il-ħniena tiegħu lejja. Is-salvazzjoni, ħbieb tiegħi, hi għotja; ma tista' tagħmel xejn ħlief tilqagħha. Alla jagħti; jistenna minna li nirċievu s-salvazzjoni mingħandu bi gratitudni. Għafast l-Evanġelju ma' fommi, u ħlift li ma nxandar xejn ħlief lil Ġesu' Kristu. Wasalt fil-kolonja tiegħi l-Ħadd filgħodu. Il-parruċċani dehru eċċessivament eċitati u ġrew lejja, u talbuni x'aħbarijiet kien hemm. Meta nġabru għalenija fil-knisja, preżentajtilhom l-Għotja. Urejthom x'kien irregalali l-Mulej. Kellimthom dwar Ibnu Ġesu' bħala Għotja - u, permezz ta' Ġesu', għarrafthom bil-maħfra tad-dnubiet, u l-ħajja eterna bħala għotja b'xejn. Imbagħad, billi ma kontx naf jekk kinux lesti jirċievu l-Għotja jew le, għidtilhom: “Għalaqli ż-żmien; jeħtieġ nitlaqkom issa, ħbieb tiegħi. Warrabt il-Knisja Kattolika Rumana darba għal dejjem. Minflokha lqajt l-Għotja ta' Kristu, iżda nirrispettakom wisq, u ma nixtieqx ninponi lili nnifsi fuqkom. Jekk taħsbu li aħjar għalikom issegwu lill-Papa milli 'l Kristu, u aħjar tinvokaw l-isem ta' Marija milli l-isem ta' Ġesu', sabiex tkunu salvati, uruni dan il-ħsieb tagħkom billi tqumu bil-wieqfa.” Ħriġt sorpriż immens. Il-ġemgħa sħiħa baqgħet ankrata fejn kienet, u mliet il-bini bl-ilfiq u l-biki. Ħsibt li fl-aħħar xi wħud kienu se jitolbuni nitlaq, iżda ebda wieħed ma ċċaqlaq. U jiena u nħares rajt bidla fihom - bidla meraviljuża, li ma tistax tkun spjegata b'mod naturali - u għidtilhom b'għajta ta' ferħ: “Alla setgħan li salvani l-bieraħ jista' jsalva lilkom ukoll. Miegħi tistgħu taqsmu l-Baħar l-Aħmar u tidħlu fl-Art Imwiegħda. Miegħi tistgħu taċċettaw l-Għotja unika - tkunu mbierka u għonja bid-don divin. Inqiegħed quddiemkom il-mistoqsija mod ieħor. Jekk jidhrilkom li jaqblilkom timxu wara Kristu aktarx milli wara l-Papa, tinvokaw l-isem ta' Ġesu' biss aktarx milli tfittxu medjaturi oħra, illi hu aħjar għalikom tafdaw biss fid-demm prezzjuż tal-Ħaruf imxerred fuq is-salib għad-dnubiet, aktarx milli sserrħu fuq il-ħrafa fabuluża tal-Purgatorju Ruman wara mewtkom biex tissaffaw fih; u jekk jidhrilkom li jaqblilkom nippridkalkom l-Evanġelju safi ta' Kristu, milli jkollkom qassis ibellagħlkom d-dottrini foloz ta' Ruma, uruni xewqitkom billi tqumu bil-wieqfa - jien ninsab għad-dispożizzjoni tagħkom!” U lkoll, mingħajr ebda eċċezzjoni, qamu dritt fuq riġlejhom, u bid-dmugħ, talbuni nibqa' magħhom. L-Għotja, l-Għotja hekk kbira li ma titfissirx, għall-ewwel darba ġiet quddiem għajnejn ruħhom fil-ġmiel kollu tagħha; stmawha bħala Għotja prezzjuża; laqgħuha; ma nistax infissrilkom l-hena ta' dik il-folla. Bħali saru sinjuri bl-Għotja; il-grazzja t'Alla laħqet lilhom ukoll; il-Mulej ġibidhom lejh skond l-għan etern tiegħu. Ismijiethom kienu miktubin fil-Ktieb tal-Ħajja, u għaldaqstant il-Mulej fetħilhom qalbhom biex jemmnu fl-Iben etern tiegħu. Sitt xhur wara konna ngħoddu ma' l-elfejn Kristjan; sena wara lħaqna l-erbat elef. U issa ninsabu kważi ħamsa u għoxrin elf, li ħsilna ħwejjiġna u għamilnihom bojod fid-demm tal-Ħaruf. L-aħbar infirxet malajr fl-Amerika kollha, u saħansitra waslet fi Franza u l-Ingilterra - illi Chiniquy, il-qassis l-iżjed renomat tal-Kanada, kien abbanduna l-Knisja ta' Ruma, u warajh ħareġ eżerċtu sħiħ ta' rġiel nobbli. U kulfejn waslet il-bxara, l-isem ta' Ġesu' Kristu kien imsebbaħ, u nittama li llum int ukoll tbierek is-Salvatur ħanin u adorabbli miegħi, meta huwa l-privileġġ tiegħi ngħidlek x'għamel lil ruħi msejkna. Itolbu għall-Kattolċi, u biex nagħraf inkun strument tal-ħniniet t'Alla lejhom; biex huma jirċievu, flimkien miegħek, l-Għotja għażiża; biex iħobbu u jigglorifikaw l-Għotja matul il-ftit jiem tal-pellegrinaġġ tagħna hawnhekk, u matul l-eternita' kollha. |