L-ISTORJA TAL-BIBBJA BIL-MALTI

Miktub minn Paul Mizzi

X'wassal biex l-Iskrittura Mqaddsa tiġi tradotta bil-Malti? Il-ġrajja ta' din il-ħidma għandha tqanqal is-sentimenti tagħna l-Kristjani biex ngħożżu u napprezzaw aktar u aktar il-Kelma t'Alla, u ngħodduha bħala indispensabbli għall-ħajja spiritwali tagħna. U hekk kif insiru midħla minn xiex għaddiet il-knisja ta' Kristu f'pajjiżna biex kisbet l-Iskrittura f'ilsienna stess, tabilħaqq ma jistax jonqos milli nesprimu gratitudni sħiħa lil Sidna talli għoġbu jagħtina ‘l-Kelma tiegħu, li hi spirtu u ħajja’ f'lingwa li nistgħu nifhmu faċilment.Traduzzjonijiet Protestanti

Qabel ma waslu l-Ingliżi f'pajjiżna, il-Bibbja f'Malta kienet biss bil-Latin, u kienet tinsab fil-pussess esklussiv tal-kleru Kattoliku li kien jiddomina x-xena reliġjuża. Għalkemm naqraw xi ġrajjiet dwar kif xi wħud xandru tagħlim pjuttost bibliku, madankollu ma nsibu ebda ħjiel li għamlu xi attentat biex jaqilbu l-Bibbja bil-Malti.

Mal-miġja ta' l-Ingliżi, missjonarji Protestanti tefgħu l-attenzjoni tagħhom fuq Malta għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwelnett komunita’ ġdida ta' Protestanti Ingliżi, nies militari u ċivili, kienet qed tistabilixxi ruħha bil-mod il-mod f'Malta. Barra minn hekk, dawn il-ħaddiema għas-saltna t'Alla bdew iqisu lil Malta bħala għatba ideali biex l-Evanġelju glorjuż ta' Kristu jippenetra fil-Mediterran kif ukoll fl-Afrika ta' Fuq. Lil Malta kienu jistmawha bħala bażi mhux biss militari iżda wkoll reliġjuża ghat-tixrid tal-Vanġelu.Mhux għaġeb mela li naraw soċjetajiet missjonarji jinbtu fostna ftit wara l-pussess tal-gżejjer mill-Imperu Ingliż. Fosthom insemmu l-London Society of Missionaries, il-Wesleyan Missionaries, is-Society for Promotion of Christian Knowledge, l-American Board of Missionaries u finalment iċ-Church Missionary Society.

Din ta' l-aħħar, taħt it-tmexxija dinamika u għaqlija ta' William Jowett, kienet l-iżjed attiva u rnexxielha testendi l-attivitajiet tagħha 'l barra mix-xtut ta' Malta sa l-Indja, il-Krimea u l-Eġittu.

Is-Soċjeta’ kienet mistiedna twaqqaf l-uffiċċju tagħha f'Malta minn Dr Cleardo Naudi, dak iż-żmien Professur tal-Kimika fl-Universita’. Jowett kien għadu żagħżugħ meta ġie Malta fl-1816: kien ħawtiel, ċert minnu nnifsu, bla ma jaqta' qalbu u determinat. Il-Mulej għoġbu jinqeda bih biex ta bidu għall-ħidma siewja ta' traduzzjoni tal-Bibbja; l-ispirazzjoni u l-isforzi ta' Jowett swew ħafna. Bl-għajnuna ta' Naudi u ħbieb oħra, Ingliżi kif ukoll Maltin, waqqaf il-Malta Bible Society (iżjed tard magħrufa bħala Bible Society in Malta).Wieħed mill-oġġettivi prinċipali ta' l-għaqda kien biex tħejji traduzzjoni tal-Bibbja bil-Malti, jew għallinqas xi porzjonijiet minnha. Naturalment ma kinitx missjoni faċli. Kellhom jifformulaw alfabett Malti, jistabilixxu regoli ta' ortografija u tal-grammatika, u jissieltu kontra l-injoranza u nuqqas ta' edukazzjoni fost il-poplu. Fuq kollox kienu qed jaħdmu fost ġens mogħmi b'reliġjon falza, b'mexxejja reliġjużi preġudikati kontra l-Iskrittura u bla ebda ħajra biex javvanzaw 'il quddiem it-tagħrif ta' Kristu Ġesu’.Imma d-determinazzjoni kienet hemm, u kull bidu hu naturalment diffiċli: Jowett ried jintroduċi l-poplu Malti, mitluf kien kien bi tradizzjonijiet fiergħa, għat-tagħrif tal-Bibbja, ‘li tista' tagħmlek għaref għas-salvazzjoni li hi permezz tal-fidi fi Kristu Ġesu’.’ Mill-frott spiritwali li kellu jirriżulta, Jowett u sħabu ppjanaw biex imbagħad, minn Malta, missjonarji oħra setgħu jidħlu fl-Afrika ta' Fuq bl-evanġelju ta' Kristu.Giuseppe Canolo (1819-22)

Nistgħu ngħidu li kien Dr Naudi li ġietu l-ewwel l-idea li jaqleb il-Bibbja sħiħa bil-Malti. Fl-1811 kien diġa’ pprepara abbozz ta' l-Evanġelju skond San Ġwann. Din l-inizjattiva, madankollu, sfumat u mietet fuq ruħ ommha.Ix-xogħol beda bis-serjeta’ fl-1817 bl-assistenza attiva ta' Giuseppe Canolo, bniedem semi-litterat, li, minħabba li kien skonta sentenza ta' jasar f'artijiet Misilmin, kien irnexxielu jaqbad l-Għarbi u ilsna semitiċi oħra. Ħadem bħala interpretu ta' l-ilsiera Misilmin meta l-Kavallieri kienu jiggvernaw f'Malta.Dan l-Evanġelju kien ippubblikat f'żewġ kolonni maġenb xulxin, waħda t-traduzzjoni Maltija u l-oħra l-verżjoni Taljana ta' l-isqof Martini. L-alfabett ta' Canolo kien jinkludi karattri Għarbin u l-istil u l-lingwa tiegħu kienu kemm jista' jkun iqarrbu lejn l-Għarbi. Canolo kompla jaqleb il-bqija tat-Testment il-Ġdid u saħansitra l-Qadim, iżda Jowett u l-kollegi tiegħu ma kienux sodisfatti b'xogħolu.

Mikiel Anton Vassalli (1823-29)

Jowett iltaqa' ma' Vassalli (missier l-ilsien Malti), li kien irritorna Malta wara għoxrin sena eżiljat, f'Marzu ta' l-1822. Vassalli kien skular tal-prima klassi, awtur ta' Grammatika Maltija u Lessiku. Kien imqabbad minn Jowett biex jittraduċi t-Testment il-Ġdid. Vassalli ntefa' fuq xogħolu bla telf ta' żmien, u dam sitt snin biex lesta l-Erba' Vanġeli u l-Atti, li kienu ppubblikati wara mewtu f'volum wieħed f'Lulju ta' l-1829.

Vassalli nqeda b'alfabett maħluq minnu nnifsu u segwa r-regoli spjegati fil-grammatika tiegħu stess. Il-paġna kienet maqsuma f'żewġ kolonni biswit xulxin, waħda t-test Malti, u l-oħra t-test tal-Vulgata.

Vassalli kien ixaqleb lejn l-użu ta' Malti semitiku u introduċa karattri ġodda fl-alfabett tiegħu. Minħabba dawn iż-żewġ fatturi xogħolu ma tantx gawda popolarita’.Wara mewtu s-Soċjeta’ ma setgħetx issib raġel kompetenti biex jissokta jittraduċi l-bqija tal-Bibbja. L-attentat ta' Canolo falla.M.A.Camilleri (1842-47)

F'April ta' l-1842 twaqqfet id-djoċesi Anglikana ta' Ġibilta’, b'George Tomlinson bħala l-ewwel isqof tagħha. Tomlinson qabbad lil M.A.Camilleri, ex-qassis Kattoliku Malti, biex jittraduċi l-Book of Common Prayer li kien ippubblikat mis-Society for Promoting Christian Knowledge fl-1845. Dan kien jinkludi l-qari kollu tal-Bibbja u s-Salmi. Fl-1847 l-istess Soċjeta’ ppubblikat it-Testment il-Ġdid sħiħ imħejji mill-istess Camilleri.Camilleri rreveda t-traduzzjoni ta' Vassalli (l-Evanġelji u l-Atti) u traduċa l-bqija tat-Testment il-Ġdid. Fassal alfabett ġdid imsejjes fuq dak ta' l-Ingliż u mmodernizza l-istil u l-vokabularju ta' Vassalli.

British and Foreign Bible Society

Kellhom jgħaddu tletin sena qabel grupp ta' rġiel fid-Dockyard, mitfugħin b'qalbhom kollha biex jevanġelizzaw permezz tat-tixrid tal-Kelma t'Alla mitbugħa, ħadu l-inizjattiva biex iħajru l-British and Foreign Bible Society tippubblika xi siltiet mit-Testment il-Ġdid. Kienu mmexxija minn George Wisely, ministru tal-Knisja Skoċċiża f'Malta.

Imqanqla minn dawn l-irġiel, il-BFBS ippubblikat l-Evanġelju skond San Mattew, San Ġwann u l-Atti ta' l-Appostli fl-1870-72. Dawn il-kotba kien riveduti minn M.A.Camilleri fi xjuħitu; il-lingwa għamilha iżjed kurrenti u ssimplifika l-ortografija. Il-promoturi ma kellhom ebda pretensjonijiet letterarji. L-għan tagħhom kien sempliċement it-tixrid ta' l-Evanġelju f'pajjiżna. Dawn l-edizzjonijiet f'daqs żgħir kienu printjati kemm-il darba sat-tletinijiet tas-seklu dsatax.

Fl-1912 is-segretarju tal-World Evangelical Alliance ssuġġerixxa lill-BFBS biex tieħu l-inizjattiva u tippubblika l-Bibbja sħiħa bil-Malti. Il-korrispondenza bdiet fi Frar 1912 bejn is-segretarju tal-WEA, Rev.G.A.Sim is-suċċessur ta' Rev.G.Wisely, issa rtirat iżda residenti f'Malta, u l-BFBS. Ir-riżultat ta' dawn in-negozjati kien il-publikazzjoni ta' San Mark ibbażat fuq l-edizzjoni riveduta ta' Camilleri fl-1847. It-test kien imħejji mill-Prof T.Zammit bl-għajnuna ta' waħda Miss Jenkins. Biddel l-ortografija, u flokha uża dak tas-Societa’ Filologica Maltese mgħallma fl-iskejjel, u neħħa kliem u espressjonijiet antikwati.Fl-1926 il-BFBS ippubblikat il-Ktieb tas-Salmi ppreparat mis-Sur J.Falzon, ex-qassis Malti, residenti f'Tunis. Is-Sur Falzon ma ħadimx bit-test Ebrajk, iżda fuq it-traduzzjoni Taljana ta' Diodati mqabbla mal-Verżjoni Awtorizzata bl-Ingliż, il-Vulgata, u t-traduzzjoni qadima Maltija ta' M.A.Camilleri. Stabbilixxa l-prinċipji ortografiċi tiegħu. L-istil kien aktarx fqir iżda jinqara; ma kellu ebda ħajra biex xogħolu jkun ammirat bħala opra letterarja. Dan ix-xogħol kien l-aħħar publikazzjoni maħruġa bis-saħħa tal-BFBS. Dr R.Kilgour, is-segretarju tal-BFBS, iddikjara li s-Soċjeta’ ma kellha ebda intenzjoni biex tkompli taħdem fuq dawn it-traduzzjonijiet. ‘Id-domanda anke għal dawn il-porzjonijiet hi wara kollox limitata ħafna u ninsab ċert li l-Kumitat tagħna qatt mhu se jaħseb li jtemm il-Bibbja sħiħa b'dan id-djalett. Hekk jew hekk kważi dawk kollha li jeħtiġuha diġa’ għandhom Skritturi f'lingwi li jifhmuhom.’Għalkemm kien hemm xi attentati ta' nofs kedda biex jerġa' jibda x-xogħol fit-tletinijiet tas-seklu dsatax, ma rriżultat xejn sostanzjali. Is-suċċess ta' dawn il-kotba żgħar kien ivarja.Il-ġerarkija Kattolika opponiet traduzzjonijiet mingħajr noti awtorizzati; bniet l-argument tagħha kontra t-tixrid tal-Bibbja fil-vernakular fuq il-fatt li l-edukazzjoni fost il-poplu kienet ta’ livell baxx ħafna. Wara kollox, in-nies edukata setgħu jaqraw l-Iskrittura f'ilsna oħra, l-iżjed bit-Taljan, l-Ingliż jew il-Latin.Malta Bible Society: 1815-34

Din is-Soċjeta’ twaqqfet fil-5 ta' Mejju, 1817, sabiex tkompli x-xogħol ta' distribuzzjoni mibdi mil-BFBS fil-Mediterran u anke lil hinn minnu. Il-BFBS kien diġa’ nisslet din l-idea fl-1815 iżda G.Yeoland ma qabilx magħha: ‘peress li jien konvint li tkun opponuta mill-kleru papali hawnhekk u konsegwentament ukoll mill-gvern.’L-għan ta' din is-Soċjeta’ ma kienx biss biex tkattar ix-xhieda ta' Kristu f'Malta, iżda wkoll biex isserva bħala ċentru għat-tqassim tal-Bibbja f'artijiet ġirien u mqar fil-bogħod. Naudi kien wieħed mill-membri fundaturi u wkoll wieħed mis-segretarji.Il-BFBS f'Londra tat lis-Soċjeta’ £500 u 6000 kopja tal-Bibbja fi dsatax-il lingwa. Ir-rapport ta' l-1819 jiddeskrivi lil Malta bħala ċentru ewlieni ta' attivita’ tal-Bibbja fil-Mediterran, b'korrispondenza ma' bliet ‘il bogħod bħal, ngħidu aħna, St.Petersburg, Kalkutta u Bombay. Pajjiżi oħra milħuqa kienu l-Italja, il-Greċja, l-Armenja, is-Sirja, u bliet bħal Lixandra, il-Kajr, Smirna, Aleppo, Kandja, Alġiers u Tunis.Infetħet Bible House fl-1820 fi Strada Ponente, numru 16, il-Belt. Id-dar kellha tintuża bħala maħżen għall-kotba u bħala post għal-laqgħat. Fiha kien hemm impjegati residenti.

Attentat biex jinfetaħ ħanut tal-kotba għall-biegħ tal-Bibbja f'279, Stada Reale, Valletta, fl-1825, ma rnexxiex.

L-MBS sfaxxat fl-1834 u Mr Isaac Lowndes ħa postha bħala aġent tal-BFBS, u kompla jqassam il-Bibbja. Baqa' Malta sa' l-1860.

Ir-reazzjoni tal-Kurja Kattolika

Il-kleru Kattoliku ma baqax mans hu u jara din l-attivita’ evanġelika. Anzi l-attitudni tiegħu wriet, bħal drabi oħra fl-istorja, xi ssarraf il-knisja Rumana meta tkun minaċċjata bit-tixrid fl-apert ta’ l-Iskrittura.Skond dak li kiteb F.Reynolds f'Lulju ta' l-1810, l-isqof ma oġġezzjonax għaċ-ċirkolazzjoni tal-Bibbja ta' Martini bit-Taljan fuq l-inizjattiva ta' Dr Naudi. Jgħid l-istess ħaġa fl-1815, iżda jżid jgħid ukoll li l-isqfijiet kienu ordnaw li jinġabru dawn il-Bibbja u jinqerdu.

Mat-twaqqif tal-MBS, ix-xogħol evanġeliku ffaċċja oppożizzjoni ħarxa. Jowett jirrapporta li l-isqof u l-Gvern kienu qed jipponu bil-qawwa kollha lill-MBS. Jgħid li l-Vigarju kien sejjaħ lil Naudi biex jistaqsih: ‘X'inhu s-sigriet tal-Bible Society?’ Naudi wieġeb li ma kien hemm ebda sigriet u li l-għan tagħha kien iċ-ċirkolazzjoni ta' l-Iskrittura. Il-vigarju qallu: ‘Din skuża.’Fir-rapport ta' l-1821 is-segretarji ta' l-MBS jistqarru li qabel ma kienet teżisti l-MBS il-Bibbja kienet qed titqassam bi gwadann kbir, iżda malli twaqqfet is-Soċjeta’, ‘l-attenzjoni ta' l-egħdewwa tagħha tqanqlet, u kalunji, ċensuri, u theddid kienu kollha wżati biex jeqirduha.’Dan jidher ukoll mir-rapport ta' l-isqof Mattei lill-Vatikan fl-1823, fejn semma l-MBS b'isimha. L-isqof ukoll inkluda lista ta' dottrini u denominazzjonijiet li kienu qed jispontaw u kulma jmur jitferrxu ma' kullimkien - fosthom isemmi l-Anglikani, il-Metodisti, il-Kalvinisti u l-Luterani; jgħid li l-Bibbja kienet qed tiġi interpretata mingħajr il-kunsens tal-Knisja Kattolka, jgħid li s-sagramenti kienu qed jitwarrbu, ħlief il-magħmudija, il-verġinita’ perpetwa ta' Marija kienet miċħuda, il-qaddisin ma jkunux invokati fit-talb u l-Bibbja bla noti kienet imqassma fost in-nies.’Fuq il-livell uffiċjali l-isqof protesta mal-gvern peress li ta permess lill-MBS biex tqassam il-Bibbja, u allura kien kiser il-patt li bih l-Ingliżi kienu ntrabtu li jħarsu r-reliġjon dominanti f'Malta.Sentejn wara l-isqof ipprotesta għal darb'oħra kontra ċ-ċirkolazzjoni tal-Bibbja f'Malta, jiġifieri, id-distribuzzjoni tagħha fuq il-vapuri, laqgħat reliġjużi f'sala pubblika għad-detriment tar-reliġjon lokali u ċ-ċirkolazzjoni tal-Bibbja fost in-nies ta' klassi baxxa kontra r-rieda tal-qassisin u ta' l-awtorita’ ekkleżjastika. Il-BFBS wieġbet li l-isqof ma kellu ebda ġurisdizzjoni fuq il-vapuri; li ma kellhiex swali għal-laqgħat reliġjużi u li l-Bibbja kienet qed titqassam bil-biegħ.Jowett irrapporta fl-1826 illi ‘ntweriet oppożizzjoni konsiderevoli għad-distribuzzjoni ta' l-Iskrittura, iżda l-Kumitat f'Malta se jippersevera fix-xogħol.’Minħabba li pprotesta uffiċjalment, l-isqof ħa l-passi kollha meħtieġa biex jiġbor kopji kemm seta', kemm bit-Taljan u l-Malti, u qeridhom. Azzjoni radikali bħal din, li tesprimi l-avversjoni tar-Rumaniżmu għar-reliġjon evanġelika, kienet ilha tirrepeti ruħha fl-istorja. Biżżejjed insemmu kemm-il darba ħarqet kopji tal-Bibbja biex f’attentat sfrenat biex ma toħroġx għad-dawl. Bhalma ġara minn ħafna kopji tat-Testment il-Ġdid kif tradott għall-Ingliż minn Tyndale, kif kienu maħruqa f’Londra fuq l-ordni ta’ l-isqof Kattoliku, hekk ġara hawn ukoll.Tlett partiti kellhom sehem attiv f'dan iż-żmien. Il-missjonarji Ingliżi riedu jaqilbu lil Malta f'ċentru ta' evanġelizzazzjoni, bil-għan li jinvolvu l-knejjes Kristjani fir-reġjun b'ħajja ġdida. Permezz tagħhom xi Maltin ikkonvertew lejn Kristu u ħadmu id f'id magħhom, fosthom Dr Naudi li ċaħad il-Kattoliċeżmu u ddikjara lilu nnifsu uffiċjalment bħala Anglikan. Vassalli probabbilment ukoll wasal għat-tagħrif tal-verita’ li hi fi Kristu Ġesu’.L-awtoritajiet Kattolċi naturalment ma xtaqux jerħu lil Malta f'idejn ħaddieħor, u malli raw l-ewwel possibilta’ li l-Bibbja tidħol fid-djar tal-poplu, bdew joqomsu u għamlu ħilithom kollha biex jirreżistu din il-mewġa ta’ ħajja spiritwali. Għal darb’ ohra, bl-iskuża ewlenija li l-poplu ma kienx edukat biżżejjed, opponew l-idea li l-Bibbja tingħata f'idejn in-nies, u enkoraġġew anke l-użu tal-vjolenza kontra l-ħaddiema ta' Kristu. Din ir-reazzjoni negattiva tal-knisja Kattolka ma kienet xejn ġdida: dak li ġara f'pajjiżi oħra, kellu xi darba jiġri f'pajjiżna wkoll.Storikament il-Kattoliċeżmu, peress li fih ħafna dottrini li jeħduha kontra l-Iskrittura, ma ħax pjaċir kulfejn daħlet l-Kelma t'Alla l-ħaj. Il-Konċilju ta' Valencia, fl-1229, saħansitra poġġa l-Bibbja fl-indiċi ta' kotba projbiti. ‘Aħna nipprojbixxu wkoll li l-lajċi jkollhom permess jippossiedu l-kotba tat-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid.’ U din il-pożizzjoni estrema kienet imtennija fis-seklu sittax mill-Konċilju ta' Trentu: ‘Billi jidher ċar mill-esperjenza, illi jekk il-Bibbja Mqaddsa, tradotta f'ilsna oħra, tkun imħollija f'idejn kulħadd bla diskriminazzjoni, it-tferfix tan-nies joħloq iżjed deni milli ġid mill-qari tagħha.’Il-knisja Kattolika lokali, mela, rat kif għamlet biex trazzan id-dawl ta' l-evanġelju f'pajjiżna. Insistiet mal-Gvern Ingliż biex iżomm kelmtu u jissalvagwardja l-interessi reliġjużi tal-popolazzjoni Kattolika Maltija. Il-Gvern adotta politika newtrali, u xaqleb iżjed lejn l-awtoritajiet ekkleżjastiċi. Ried jiddefendi d-dritt tal-missjonarji li jissoktaw fuq xogħolhom fost il-poplu f'isem il-liberta’ demokratika Ingliża, mingħajr ma joffendi s-sentimenti tal-poplu; u dan għamlu għal raġunijiet politiċi u biex iżomm l-ordni pubblika.Karm Zammit (1962-80)

Kien biss sitta u tletin sena wara, fl-1962, illi t-Trinitarian Bible Society ħadet l-inizjattiva biex tippublika l-Bibbja sħiħa bil-Malti. Ix-xogħol, mibdi u mitmum minn Karm Zammit b'ħila, bil-perseveranza u b’sabar kbir, tlesta fl-1980. Hi traduzzjoni pjuttost mexxejja u ħafna drabi dipendenti fuq it-traduzzjonijiet ta' Saydon. It-traduttur jirrikonoxxi l-għajnuna dderivata mill-istudju komparattiv tat-traduzzjonijiet bikrija bil-Malti, bħalma huma dawk ta' Canolo, Vassalli, Camilleri u Alfons Marija Galea.Fil-Kelmtejn Qabel tat-traduzzjoni tiegħu, Zammit jgħid hekk: ‘Filwaqt li dawn it-traduzzjonijiet Maltin kollha kienu moqrijin u studjati b'attenzjoni kbira, din it-traduzzjoni kienet magħmula mill-Verżjoni Awtorizzata Ingliża, b'referenza ta' spiss lit-test Grieg, lill-Verżjoni Franċiża ta' Louis Segond, u lill-Verżjoni Taljana ta' Dottore Giovanni Luzzi.’Għall-ewwel l-Evanġelji u l-Atti kienu ppublikati separatament, u wara, fl-1971, it-Testment il-Ġdid kollu. Bl-għajnuna tal-ħanin Alla, Zammit għandu l-krettu li hu l-ewwel wieħed, minkejja n-nuqqas ta' riżorsi u enkoraġġiment lokali, li ppublika l-Bibbja sħiħa fil-lingwa tagħna. F'dan ir-rispett hu bħalma John Wycliffe kien għall-Ingilterra fis-seklu erbatax. B'ċerta sens ta' sodisfazzjon, Zammit ippreżenta t-traduzzjoni tiegħu ‘lill-qarrej bl-intenzjoni li tkun, bil-għajnuna t'Alla, ta' ġid spiritwali għal dawk kollha li jaqrawha.’U tabilħaqq, dan ix-xogħol ta' fejda sab suq konsiderevoli, minkejja li mhux approvat mill-knisja Kattolika (peress li ma kienx magħmul taħt l-awspiċi tagħha). Il-biegħ ta' din it-traduzzjoni kien immexxi 'l quddiem sforz l-interess ġdid fl-Iskrittura wara d-digrieti tal-Konċilju Vatikan II, l-issodar ta' l-ilsien Malti b'ortografija standard, u l-progress tal-Malti fis-soċjeta’, iż-żieda ta' l-edukazzjoni fost il-poplu, u l-assenza ta' verżjoni Kattolika f'volum wieħed meta t-traduzzjoni ta' Zammit kienet ippublikata.L-ewwel edizzjoni ta' din it-traduzzjoni kienet ta' 3,000 kopja; illum tinsab fit-tieni edizzjoni, riveduta (fl-1983) b'5,000 kopja. Bħalissa t-Trinitarian Bible Society qed tnaqqi l-iżbalji ortografiċi minnha, kif ukoll ittejjeb xi passi tradotti b’mod inadekwat. Dan il-proċess qed isir bi tħejjija għat-tielet edizzjoni bl-għajnuna tal-knejjes evanġeliċi Maltin.Traduzzjonijiet Kattoliċi

L-ewwel Kattolku li ppublika għallinqas porzjonijiet tal-Bibbja kien Richard Taylor (1818-1868), wieħed Malti minkejja kunjomu Ingliż. Qablu kien hemm il-Kanonku Ġanpiet Aguis De Soldanis (1712-1770), F.Panzavecchia (+1850), u awtur anonimu, li rreveda t-traduzzjoni ta' Canolo.

Dawn l-attentati għadhom priżervati fl-għamla manuskritta tagħhom (bl-eċċezzjoni tal-Ġenesi 1 ta' Panzavecchia printjat fl-1850) fil-Mużew tal-Kattidral jew inkella fil-Librerija Nazzjonali.

Taylor ippubblika n-narrativa tal-Passjoni ta' Sidna skond l-Erba' Vanġeli (1844), verżjoni ritmika tas-Salmi (1846), u l-Uffizzju tal-Ġimgħa Mqaddsa (1848). Għamel użu sħiħ mit-traduzzjoni tal-Book of Common Prayer. L-istil tiegħu kien pjuttost sempliċi, li seta' jintlaħaq minn nies komuni, bħalma juru sew il-ħafna edizzjonijiet tal-Uffizzju tal-Ġimgħa Mqaddsa sa tletin sena ilu.

Sebgħa u erbgħin sena wara, fl-1895, meta l-perċentwal ta' nies litterati kien kull ma jmur qed jikber, is-Sur Ġuże’ Muscat Azzopardi (1853-1927) ippubblika l-ewwel parti ta' l-Evanġelju skond San Mark; u ssokta jippublika l-bqija ta' l-Evanġelji kull ġimgħa sakemm ħariġhom kollha flimkien ma' l-Atti ta' l-Appostli, mitmum fl-1924. Muscat Azzopardi kien mgħallem prim tal-proża Maltija li tista' tintlaħaq mill-klassijiet kollha; l-istil kien mexxej, faċli ssegwih u qawwi fl-idjoma. L-isforzi tiegħu kellhom effett profond fuq l-iżvilupp tal-Lingwa Maltija, kif ukoll fuq il-kultura u l-ħajja reliġjuża tan-nies.Bikri fl-għoxrinijiet tlett kittieba prominenti - Rev Peter Paul Grima (1894-1932), Alphonse Maria Galea (1861-1941) u Rev P.P.Saydon (1895-1971) - ippjanaw li jittraduċu l-Bibbja sħiħa bil-Malti u jippublikawha f'partijiet. F'perjodu ta' sitt snin (1926-1932) il-Bibbja kollha kienet tradotta u ppublikata f'numru ta' kotba. Hekk fl-1932 kellna l-Bibbja sħiħa bil-Malti, iżda mhux f'volum wieħed. Din it-traduzzjoni kienet ibbażata fuq il-Vulgata u popolari fl-istil, ħlief dawk il-partijiet tradotti minn Saydon. Kliem antikwat u kostruzzjonijiet qodma ma kinux nieqsa, madankollu, biex ma nsemmux l-espressjonijiet artifiċjali u sforzati.

Bejn l-1939 u l-1965 Rev G.Paris OP (1893-1973) ippublika l-Erba' Vanġeli, l-Atti, ir-Rumani u l-ittri ta' Ġwanni u Ġakbu, imsejsa wkoll fuq il-Vulgata. Xogħolu ma kien fih ebda pretensjonijiet letterarji jew esiġetiċi. Dawn it-traduzzjonijiet fuq livell popolari mlew vojt serju fil-letteratura reliġjuża Maltija u bil-popolarita’ tagħhom introduċew l-qarrejja tal-Malti għall-Kelma t'Alla. Min kien iżjed edukat baqa' jaqra l-Bibbja f'lingwi oħra, speċjalment bit-Taljan, Ingliż jew Latin.It-Traduzzjoni ta' Saydon

Rev Pietru Pawl Saydon, Professur ta' l-Iskrittura Mqaddsa, ta' l-Ebrajk u l-Grieg bibliku fl-Universita’ ta' Malta, kien l-ewwel qassis Malti li kien igawdi taħriġ akkademiku sħiħ fl-istudji bibliċi u suġġetti relatati fl-Istitut Pontifikali Bibliku f'Ruma. Kellu ħakma tajba fuq l-Ebrajk, l-Arami u l-Grieg, kif ukoll midħla sew tal-filoloġija u l-lingwistiki b'mod ġenerali. Barra minn hekk, kien wieħed mill-promoturi ewlenin tal-lingwa Maltija u l-letteratura tagħha; hu nnifsu kien mgħallem espert fit-tħaddim ta' proża Maltija.Dawn il-fatturi kollha webbluh biex jilqa' l-isfida li jittraduċi l-Bibbja sħiħa mit-testi oriġinali tagħha stabbiliti kritikament, li japplika l-aħħar riżultati ta' riċerka biblika u juża lingwa letterarja għolja skond in-natura semitika tal-Malti. Hekk għolla u żviluppa l-lingwa u l-letteratura Maltija, u refagħha fil-qagħda soċjali tagħha u fl-istima ta' l-imħuħ tal-poplu u tal-klassijiet koltivati.

Meta t-tlett tradutturi, Grima, Galea u Saydon, ippjanaw it-traduzzjoni tal-Bibbja sħiħa, Saydon ħa l-ewwel kotba, biex ikun jista' mbagħad ikompli l-bqija waħdu. Il-Ġenesi kien ippublikat fl-1929 u r-Rivelazzjoni fl-1959: tletin sena ta' xogħol iebes, bla għajnuna barranija. L-idea tiegħu li jippubblika kollox f'volum wieħed qatt ma mmaterjalizzat minkejja l-isforzi tal-Malta Bible Society.

It-traduzzjoni ta' Saydon kellha riċeviment kontroversjali minħabba diversi fatturi interni u esterni, xi wħud minnhom ma kellhom x'jaqsmu xejn mal-Bibbja nfisha. Fl-istess żmien il-kwistjoni tal-lingwa Maltija kien fl-eqqel tagħha. Kien hemm żewġ estremi: dawk li kienu jistinkaw biex iżommu l-Malti fit-togħma semitika tiegħu (u allura riedu l-Malti ‘safi’), u dawk li preferew il-Malti taljanizzat. Ta' l-ewwel taw merħba lit-traduzzjoni ta' Saydon bħala kapulavur ta' proża Maltija, u tat-tieni bħala kitba li ma tiftihemx, imbiegħda mil-lingwa mitħaddta u merfugħa mir-raġel tat-triq. Madankollu, ħadd ma sfida l-valur xjentifiku solidu tat-traduzzjoni.L-Għaqda Biblika Maltija

L-Għaqda Biblika Maltija twaqqfet fl-1958. Saydon kien l-ewwel President tagħha u l-Professur Carmel Sant l-ewwel Segretarju. Wieħed mix-xogħolijiet bikrija tagħha kien li tgħin lil Saydon jiddisponi mill-kopji li kien baqagħlu tat-traduzzjoni tiegħu, u mbagħad li tippublika t-tieni edizzjoni tal-Bibbja Saydon f'volum wieħed.

Fil-11 ta' Frar 1965 intlaħaq ftehim ma' Saydon li l-Għaqda tippublika l-Bibbja Maltija f'volum wieħed bl-għajnuna finanzjarja ta' l-Arċisqof Gonzi. Il-pubblikaturi Nelson and Co Ltd ta' Londra aċċettaw li jippublikawha. Madankollu dan il-proġett miet fuq ruħ ommu u ma wassal għal ebda riżultat konkret. Saydon innifsu rtira l-permess tiegħu. Hekk it-traduzzjoni tiegħu qatt ma kienet ippublikata f'volum wieħed. Is-Soċjeta’ tal-MUSEUM, il-werrieta tal-copyright, ippublikawlu xogħolu fi tlett volumi: it-Testment il-Ġdid fl-1977, l-ewwel volum tat-Testment il-Qadim fl-1982, u t-tieni wieħed fl-1990.Id-Deċiżjoni Finali

Bħala konsegwenza tad-digrieti tal-Konċilju Vatikan II u l-introduzzjoni tal-lingwa lokali fil-liturġija Kattolika f'Novembru ta' l-1964, kien hemm stejqien ta' interess fl-Iskrittura. Il-pubbliku xtaq traduzzjoni ġdida tal-Bibbja f'Malti kurrenti. L-Għaqda Biblika Maltija ma kellha ebda għażla ħlief li tidħol għal dan ix-xogħol biex tissodisfa x-xewqa tan-nies u l-vojt fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Id-deċiżjoni ttieħdet f'laqgħa ġenerali ta' l-Għaqda miżmuma fl-Istitut Kattoliku, il-Furjana, li għaliha attendew iżjed minn mitejn membru.

Il-Kummissjoni tat-Traduzzjoni

Inħatret kummissjoni għal din it-traduzzjoni ġdida. Il-membri tagħha kienu l-Professur C.Sant (Chairman), A.Said Pullicino (Segretarju), John Azzopardi, Valentin Barbara OP, Edward Fenech OSA, Joachim Schembri, Gwido Schembri OFM, Donat Spiteri OFM Cap, Mattew Sultana OFM Cap, U Marjanu Vella OFM (kollha membri tal-kleru). Barra minn dawn inħatru għadd ta' konsulenti. Maż-żmien din il-kummissjoni tnaqqset għal erba' membri, jiġifieri, Sant, Rev. Eġidju Mizzi OFM Conv, Donat Spiteri u Joe Agius OP.

Fl-ewwel sessjonijiet tagħha, il-kummissjoni stabbiliet ċerti prinċipji bażiċi li kellhom jiggwidawha f’ħidmietha. L-iżjed importanti kienu dawn: it-traduzzjoni kellha ssir mit-testi oriġinali skond l-aħħar edizzjonijiet kritiċi; il-lingwa wżata kellha tkun il-Malti modern, fil-vokabularju, struttura u stil, irfinat u mirqum skond il-prinċipji letterarji ta' traduzzjoni dinamika. It-tradutturi kellhom jagħtu każ it-test oriġinali u l-qarrejja prospettivi. Dawn il-prinċipji kienu iżjed tard modifikati biex jikkonformaw mal-Guiding Principles for Interconfessional Co-operation in Translating the Bible, ippublikati mill-Vatican Secretariat for Promoting Christian Unity u l-United Bible Societies f'Ġunju ta' l-1968.Printjar u ppublikar

L-ipprintjar u l-ippublikar beda fl-1967 bil-publikazzjoni ta' l-ewwel testi liturġiċi; sa l-1976 it-testi liturġiċi bibliċi kollha, inklużi dawk ta' l-Uffizzju Divin, kienu ppublikati; fl-1971 kien ippublikat l-Evanġelju skond San Mark, biċċa xogħol ekumenika bejn l-Għaqda Biblika u l-United Bible Societies. Fl-ewwel ħmistax inbiegħu għaxart elef kopja. Il-Ktieb tas-Salmi (2,000 kopja) ħareġ fl-1973; l-Evanġelji u l-Atti (2,000 kopja) fl-1974; it-Testment il-Ġdid kollu (10,000 kopja) fl-1975 u reprint tiegħu (15,000 kopja) kienet ippublikata mill-Klabb Kotba Maltin fl-1977.

Il-Bibbja sħiħa, bil-kotba Apofriki inklużi, ħarġet fit-23 ta' Novembru, 1984, u l-ewwel kopja kienet preżentata lill-Arċisqof. Fis-26 ta' Frar, 1986, kopja oħra kienet preżentata lil Ġwanni Pawlu II. Ir-reazzjoni tal-poplu kienet immedjata: 15,000 inbiegħu fi ftit ġimgħat, rekord assolut għal kwalunkwe publikazzjoni bil-Malti. Il-biegħ ta' din il-Bibbja għadu sejjer lokalment u barra kulfejn hemm emigranti Maltin.

Konklużjoni

Minkejja l-oppożizzjoni, imqar minn bnadi li qajla tippretendi li jeħduħa kontra l-Kelma u l-avvanz tagħha, illum ingawdu l-Bibbja Mqaddsa bil-Malti. Alla, fil-providenza għarfa tiegħu, għoġbu jwassalha saħansitra fi djarna, avolja l-għedewwa ħabtu jfixklu u jagħmlu l-bsaten fir-roti. Pawlu qal: ‘Għalih jien inbati, bħal wieħed li għamel id-deni, saħansitra l-ktajjen; imma l-kelma t’Alla mhix marbuta’ (2 Timotju 2:9).Jixraq li nkunu grati lejn il-Mulej, għax hu biss fid-dawl tiegħu li naraw id-dawl, id-dawl li jwassal għas-salvazzjoni ta’ ruħna. U nagħrfu napprezzaw ukoll lil dawk kollha li stinkaw, urew inizjattiva u determinazzjoni biex din l-opra hekk neċessarja sseħħ.‘Il-Mulej Sidi ta ordni: ħafna kienu n-nies li xandruha’ (Salm 68:11).

Artikli - Knisja Evanġelika Trinita'