IL-MAHFRA BEJN IL-KRISTJANI

Miktub minn Joe Mizzi

Sikwit nirfsu l-kallu ta’ xulxin. Messna ngħixu fis-sliem, inkunu qalbna tajba u nħennu għal xulxin kif tgħallimna l-Iskrittura (Efesin 4:32). Iżda b’mistħija nammettu li mhux dejjem inġibu ruħna denji ta’ Sidna. Dan jafu sew l-Mulej: għallimna nitolbu għall-maħfra mal-ħobżna ta’ kuljum. Tassew, l-Insara normali jidinbu kontra Alla u joffendu wieħed lill-ieħor. Immedjatament wara li tħeġġigna nkunu qalbna tajba ma’ xulxin, l-Iskrittura tkompli tgħidilna ‘aħfru ‘l xulxin, bħalma ħafrilkom Alla għal Kristu.’

Jekk nibqgħu ma naħfrux mill-qalb, il-konsegwenzi huma traġiċi. Kemm firdiet għalxejn fil-ġisem wieħed ta’ Kristu! Il-knisja bħal armata mifruda kontra tagħha stess -- mhux ta’ b’xejn ma timpressjonax id-dinja. Kemm uġigħ ta’ qalb, rabja u qrusa fil-familji Kristjani, li suppost huma xempju tal-għaqda! L-isem ta’ Kristu hu mżeblaħ minħabba l-ġlied, il-firda u l-ipokrezija ta’ dawk li jipprofessaw li huma dixxipli tiegħu.

Għaliex huwa tant diffiċli għan-Nisrani jlissen mill-qalb il-kelma ‘aħfirli’? Jew li l-ieħor jgħidlu ‘naħfirlek’? M’humiex l-Insara l-esperti fuq il-maħfra? Ma jiftaħrux li Alla ħafrilhom dnubiethom b’xejn, bil-grazzja tiegħu? Madankollu sikwit inħallu x-xemx tinżel fuq għadabna, ninjoraw il-kelma u l-unur ta’ Sidna, u nibqgħu nżommu f’qalbna għal xulxin. Kull dnub isir ġebla oħra mibnija f’ħajt diviżorju bejnietna.

Dan m’għandux ikun u m’hemmx għalfejn jibqa’. M’għandniex nikkuntentaw b’relazzjoni medjokra. Forsi qalbek maqtugħha: “M’hemmx x’tagħmel! Kollu ta’ xejn; is-sitwazzjoni impossibli.’ Tassew, bil-ħila tiegħek ma tasal imkien. Imma bl-għajnuna t’Alla tasal. Il-kmand t’Alla, ‘aħfru lil xulxin’ jnissel tama, għax mal-kmand, il-Mulej tana wkoll l-Iskrittura Mqaddsa biex jgħallimna x’għandna nagħmlu u l-Ispirtu s-Santu biex iqawwina.

Xi tfisser il-maħfra?

Il-maħfra mhix sempliċiment sorry jew skużani. Meta xi ħadd jitlob skuża ma jkunx jammetti tort jew ħtija. Ikun aktarx qed jiġġustifika l-ħażen tiegħu. Ikun iqis dnubu bħala ħaġa ħafifa. Ovvjament jekk xi ħadd jirfsek bi żball, bla ma ried u mingħajr malizzja, ikun xieraq jitolbok skuża. Imma meta għajatt, issuppervjajt, gdibt, jew għamilt xi dnub ieħor ma tistax tiskuża ruħek. Hemm bżonn tammetti l-ħtija u titlob maħfra.

X’inhi mela l-maħfra skond l-Iskrittura? David jikteb: ‘Ħieni min ħtijietu maħfura, min dnubu mistur. Ħieni l-bniedem li l-Mulej ma jgħoddlu l-ebda ħtija’ (Salmi 32:1,2). Bil-maħfra d-dnub jindifen, il-Mulej ma jibqax jgħodd lill-midneb ħati. Alla jaħbi l-offiża u jingassa d-dejn, kif iwegħdna l-Mulej: ‘Fi dnubiethom u ħtijiethom ma niftakarx aktar’ (Lhud 10:17).

Mela, l-maħfra hi wegħda minn min kien offiż li ma jsemmix iżjed id-dnub ta’ min offendih. Ma jqajjimx aktar il-kwistjoni ma’ ħadd. Id-dejn tħassar darba għal dejjem u fil-futur qatt ma jerġa’ jixlih bih. Meta taħfer lil xi ħadd effettivament tkun tgħidlu: “Jien inwegħedek li ma nibqax insemmi d-dnub tiegħek iżjed.’

Kif taħfer?

Nissaponu kellek xi tgħid ma xi ħadd u issa tixtieq tirranġa. Ir-rikonċiljazzjoni teħtieġ il-komunikazzjoni. Ironikament id-dnub stess jifred u jżommkom ‘il bogħod minn xulxin. Tistenniex iż-żmien inissi jew ifejjaq. Iż-żmien waħdu ma jġibx maħfra iżda biss bruda u qrusa. Hemm bżonn tavviċinaw lil xulxin. Dan l-ewwel pass jidher ovvju, imma forsi hu l-aktar diffiċli.

Min għandu d-dmir li javviċina lill-ieħor? Naturalment min għamel l-iżball -- ta’ lanqas hekk hi l-idea popolari. “Mhux hu offendieni; ħa jiġi hu jekk irid!’ Tassew, hu fid-dmir ifittex il-maħfra. Ġesù jinsisti fuq l-urġenza tar-rikonċiljazzjoni u jagħtiha prijorita’ fuq il-qima. ‘Jekk iġġib fuq l-artal il-għotja tiegħek, u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli hemm l-għotja tiegħek quddiem l-artal, u mur l-ewwel issewwa ma’ ħuk, imbagħad ejja, u offri l-għotja tiegħek’ (Mattew 5:23,24). Fi kliem ieħor, qabel tmur il-knisja tkanta tifħir u titlob ‘l Alla, qis li tkun għamilt l-almu kollu biex tirranġa ma’ dak li offendejt. Anke jekk ma kellux għalfejn jieħu għalih.

Min jaf kemm jinqala’ nkwiet fuq sempliċiment nuqqas ta’ ftehim? Jew kemm tkun qed tirritah b’affarijiet li int tqishom ċuċati? Għalhekk huwa dejjem dmirek tmur tfittex tirranġa meta taf li ħuk offiż, avolja forsi m’għandekx tort.

Kif jgħallimna Kristu, mela, min jidneb għandu dmir imur ifittex rikonċiljazzjoni. Mhux biss: min ġie offiż għandu l-obbligu wkoll ifittex il-paċi. Nistħajlek tiprotesta: “Le, jiġi hu. Mhux hu weġġgħani?’ Il-Mulej Ġesù jgħallimna mod ieħor: ‘Jekk ħuk jidneb kontra tiegħek, widdbu’ (Luqa 17:3). Ma jgħidx, jekk jidneb kontra tiegħek stennih jiġi jitolbok taħfirlu. Imma jridek tieħu l-inizzjattiva u tmur twiddbu. Tmur u tkellmu fuq id-dnub tiegħu kontrik, bl-intenzjoni li tirranġaw. F’Mattew 18:15 il-Mulej Ġesù jinsisti fuq dan id-dmir: ‘U jekk ħuk jonqsok, mur u għidlu ħtijietu bejnek u bejnu weħidkom; jekk jisimgħek, tkun irbaħt lil ħuk.’

Fi ftit kliem huwa dejjem l-obbligu tiegħek tfittex lill-ieħor, kemm jekk kont int, kif ukoll jekk kien ħaddieħor li dineb.

Sewwa tipprepara ruħek minn qabel. Ma tridx minflok tirranġa l-affarijiet, tkompli tgħarraqhom. Itlob ‘l Alla jaħfirlek dnubietek. Itlobu jagħtik qalb ta’ ħniena u mogħdrija, u itlob għal persuna l-oħra wkoll. Hi ħaġa sorprendenti kemm tinbidel l-attitudni tiegħek meta tikkonsidra s-salib ta’ Kristu. Ftakar li min qed jibgħatek tirranġa ma’ sieħbek, hu stess bata u miet għalik biex jeħilsek minn dnubietek! Barra minn hekk ikun jaqbel taħseb minn qabel x’se tgħidlu. Hekk għamel l-iben il-ħali qabel irritorna d-dar.

Laqgha

Mort tfittex lil sieħbek biex tkellmu. Naturalment tħossok nervuż għax ma tafx kif se jieħdok. Infatti ir-rispons tiegħu jista’ jkun varju. Jista’ jwieġbek b’mod aggressiv. Forsi għax ikun irrabjat jew għax ma jkunx żgur mill-mottivi tiegħek. Tinħasadx. Taqax fin-nassa, tirribattix b’ton aggressiv. Jekk tagħmel hekk titlef kollox. Jekk jieħdok ħażin, għandek opportunita’ tad-deheb biex turi s-sinċerita’ tiegħek. Attent mhux biss xi twieġeb, imma ukoll kif twieġeb. ‘Tweġiba ħelwa tikkalma s-saħna, iżda kelma iebsa tqajjem l-għadab’ (Proverbji 15:1). Jekk jgħolli leħnu, wieġbu b’leħen ħiemed. Bl-għajnuna t’Alla malajr tkunu tistgħu titkellmu sew u tirranġaw kollox.

Mill-banda l-oħra t-tweġiba tiegħu tista’ tkun għal kollox differenti. Qisu jipprova jċekken il-kwistjoni: “U ejja, m’aħniex ħbieb jew? Se noqogħdu nieħdu għalina?’ Jew, “Ma jimportax, ma ġara xejn, dak għadda u spiċċa.’ It-tentazzjoni tkun li ttemm l-kwistjoni qabel il-waqt, qabel ma tkun ingħatat maħfra. Għandek minflok tkun ġentili iżda sod fit-tweġiba tiegħek: “Iva jimporta ħafna. Dnibt kontra Alla u kontrik. Nixtieqek taħfirli. Imbagħad tassew inkunu nistgħu ninsew il-passat u nħarsu ’l quddiem.’

Kif qatt nistgħu nqisu d-dnub, il-ksur tal-Liġi t’Alla, qisu ħaġa żgħira? Jekk ma jitteħidtx bis-serjeta’ iħarbat ir-relazzjoni tagħna m’Alla u ma’ xulxin. Barra minn hekk bi kliem bħal ‘ma ġara xejn’ l-ieħor ikun qed jevadi r-responsabilta’ tiegħu, u bi skuża jibqa’ ma jaħfirlikx. Jekk ma tingħatax maħfra, tibqa’ bejn ħaltejn. Tiskanta xejn jekk għada pitgħada jerġa’ jiftaħlek il-kotba. Għalhekk bil-ħlewwa insisti fuq il-maħfra.

Kif se tibda titkellem? x’taqbad tgħid? Il-Bibbja tgħallimna nistqarru dnubietna lil xulxin (Ġk 5:16). It-tort rari jkun ta’ wieħed biss. Naturalment, kull wieħed jiffoka fuq il-ħtija ta’ l-ieħor u jipprova jiġġustifika lilu nnifsu. L-ieħor diġa’ ħerqan biex jitkellem dwar ħtijietek. Ħu l-inizjattiva u ibda tkellem dwarek innifsek u stqarr il-ħtijiet tiegħek. Stiednu jkompli jgħidlek fejn offendejtu. Itolbu jaħfirlek. B’hekk tiftaħ beraħ il-komunikazzjoni bejnietkom. L-ieħor sikwit jirrispondi tajjeb u jkun aktar dispost jitkellem dwar il-ħtijiet tiegħu.

Tista’ taħfer b’mod informali?

Allura kull meta xi ħadd jidneb kontrija hemm bżonn noqgħod nikkonfrontah u naħfirlu formalment? It-tweġiba tiddependi fuq iċ-ċirkostanzi -- kultant iva, kultant le. Allaħares noqgħod nfittxu lil xulxin għal kull ħaġa. Altrimenti ftit li xejn jibqa’ ħin għal ħwejjeġ oħra! Il-Bibbja tgħid li l-imħabba tgħatti kotra ta’ dnubiet...u ma tiħux malajr għalija (1 Pietru 4:8; 1 Korintin 13:5).

Madankollu jekk id-dnub hu serju, rikorrenti, ma tistax tinsih, jew b’xi mod ieħor qed ifixkel ir-relazzjoni bejnietkom, ikun meħtieġ jiġi trattat formalment. ‘Jekk ħuk jidneb kontra tiegħek, widdbu, u jekk jindem, aħfirlu’ (Luqa 17:4). Mur kellmu biex isir konxju tal-problema, tingħata l-maħfra u minn hemm-il quddiem tkunu tistgħu taħdmu biex l-offiża ma tirrepetix.

“Ma nistax naħfer! Inħossni mweġġa’ wisq!’

Iva, tista’! Tista’ għax Sidek jikkmandak taħfer. Infatti ma tistax titlob ‘l Alla jaħfirlek ħtijietek jekk int ma taħfirx lil għajrek. Il-Mulej Ġesù għallimna nitolbu: ‘Missierna li inti fis-smewwiet... aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.’ Jekk tibqa’ twebbes rasek u ma taħfirx tkun qed tistieden l-għadab t’Alla fuqek. Tkun qed titolbu jittratta miegħek bl-istess mod kif int trattajt lil sieħbek - effettivament tkun titlob ‘l Alla ma jaħfirlikx. Meta l-Mulej għallimna t-talba tal-Missierna, immedjatament jikkummenta hekk: ‘Għax jekk taħfru lill-bnedmin ħtijiethom, jaħfrilkom ukoll Missierkom li hu fis-smewwiet. Iżda jekk ma taħfrux lill-bnedmin ħtijiethom, lanqas Missierkom ma jaħfrilkom ħtijietkom’ (Mattew 6:14,15).

Nistħajlek tipprotesta: “Kif nista’ naħfirlu jekk għadni nħossni rrabjat u mweġġgħa? Jekk naħfirlu nkun nuri wiċċ b’ieħor.’ Il-Mulej Ġesù jwieġeb din l-oġġezzjoniji f’Luqa 17:3-10. Meta ħuk jidneb kontrik u tmur tkellmu, huwa d-dmir tiegħek taħfirlu meta jindem. Taħfirlu dak il-ħin stess mhux meta jgħaddi ż-żmien u juri li verament iddispjacih. M’hemmx kundizzjonijiet, bħal ngħidu aħna, “Naħfirlek jekk ma terġax.’

X’jiġri jekk jirrepeti l-offiża? Sempliċi: jekk jgħidlek jisgħobbija, aħfirlu. Avolja jkun għadu bil-kemm għaddielek mill-oħra, il-Mulej Ġesù jikkmandak terġa’ taħfirlu meta sempliċiment jgħidlek ‘jiddispjaċini.’ Dan hu kmandament iebes. Jekk tiffissa fuq l-emozzjonijiet tiegħek ma twettqux. Jekk toqgħod tistenna lill-ieħor jinbidel, ma twettqu qatt (u lanqas tagħtih opportunita’ jinbidel).

Biex żgur ma ninsewx dan il-prinċipju, il-Mulej Ġesù qalilna hekk: ‘Jekk jidneb kontra tiegħek seba’ darbiet f’jum, u seba’ darbiet idur lejk igħid: Jisgħobbija; aħfirlu’ (v. 4).

L-appostli kienu sorpriżi b’dan il-kliem iebes, u talbu l-Mulej iżidilhom il-fidi tagħhom. Il-Mulej ikkummenta dwar il-fidi ċkejna tagħhom u qalilhom storja biex ifakkarhom li mhux aktar fidi kellhom bżonn biex jaħfru lil xulxin.

Mela wieħed qaddej irritorna d-dar ta’ sidu, bil-ġuħ, għajjien wara ġurnata xogħol fir-raba. Jixtieq biss jixrob u jiekol xi ħaġa u jintefa’ fuq sodda jistriħ. Imma qabel għandu dover iħejji l-ikel u jservi lil sidu. Minkejja l-protesti tal-emozzjonijiet tiegħu, il-qaddej għandu jwettaq dmirijietu. U meta jkun wettaqhom ma jkun għamel xejn straordinarju. Dak hu dmiru.

Hekk ukoll, hu dmirna naħfru. Aħna l-qaddejja tal-Mulej; hu jordnalna naħfru lil xulxin. Dak kollox. ‘Hekk intom, meta tagħmlu dak kollu li jordnawlkom, għidu: Qaddejja bla fejda aħna; dak li kellna nagħmlu għamilnih’ (v.10)

Il-maħfra mhix emozzjoni iżda wegħda li ma tibqax tgħodd id-dnub ta’ sieħbek kontrih. Tista’ mela taħfer minkejja dak li għadek tħoss. Dan mhux faċċjoliżmu. Tkun ipokritu jekk tippretendi li qed tħossok tajjeb meta fil-fatt ma’ tkunx. Mhix ipokrezija jekk tobdi lil Sidek u taħfer minkejja l-emozzjonijiet tiegħek. Tkun wettaqt dak li kellek tagħmel. U l-barka tal-Mulej tkun fuqek.

“Ma nistax ninsa”

Hawn min jgħid: “Naħfer, iva, imma ma ninsiex. Inkun iblaħ jekk ninsa.’ Din skuża falza. Il-Bibbja ma tippermettilniex inżidu kundizzjonijiet mal-maħfra.

Imma hemm problema differenti li jeħtieġ ninvestigaw. Wieħed ikun jixtieq jinsa l-offiża imma t-tifkiriet ikomplu jittormentawh. Naturalment dan ifixkel il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni. Għalkemm il-gwerra ntemmet, il-ħbiberija ma terġax tieħu ruħ.

Qabel xejn irridu niddistingwu bejn ‘taħfer’ u ‘tinsa.’ M’humiex l-istess. Il-Bibbja tikkmandana naħfru dak il-mument stess meta l-ieħor jisgħobbih, imma ma tikkmandaniex ninsew il-passat immedjatament. Il-maħfra mhix amnesija. Il-Mulej Alla (li wegħdna ‘fi dnubiethom ma niftakarx aktar’) huwa omnixjenti u ma jinsa xejn. Imma għax ħafrilna, l-Mulej ma jerġa’ qatt jakkużana bi dnubiet ta’ l-imgħoddi. Ma jibqax tfixkil bejn Alla u l-bniedem niedem. Għalhekk in-Nisrani jista’ jħares ‘l quddiem b’kunfidenza lejn xirka u relazzjoni ħelwa m’Alla.

Mhux sorprendenti jekk tibqa’ tiftakar l-offiża għal xi żmien. Ferita ma tfiqx mill-lum għall-għada. Imma tippermettix dik il-memorja tfixkel ir-rikonċiljazzjoni. Żomm f’moħħok li meta ħfirt għamilt wegħda li ma ssemmix d-dnub iżjed. Ma ssemmih ma’ ħadd. Ma tmurx ‘tiftaħ qalbek’ ma’ dik u l-oħra. Ma toqgħodx issemmih ma’ Alla fit-talb. U fl-aħħarnett, ma toqgħodx thewden fuqu waħdek. Meta jinbtu ħsibijiet negattivi, dur lejn il-Mulej u itlob għall-ġid ta’ ħuk. Itolbu jgħinek iżżomm il-wegħda tiegħek. Itolbu jgħinek tibni relazzjoni aħjar minn qatt qabel. Meta titgħallem taġixxi hekk, malajr tintebaħ kif prattikament tkun insejt il-passat ukoll. Il-Latin li tgħallimt fis-sekondarja insejtu tista’ tgħid kollu għax ma bqajtx nirrevidih. Hekk ukoll meta ma tkomplix tirrevedi d-dnubiet tal-passat, jibdew jitilqu mill-memorja wkoll.

Rikonċiljazzjoni

Il-maħfra hi t-tmiem tal-ġlieda u l-bidu ta’ ħbiberija aħjar. Imma l-ħbiberija mhix ħaġa ta’ mument; il-ħbiberija hi relazzjoni dinamika u jeħtieġ tikber u tiżviluppa. Altrimenti tinxef u titbiel. Wara l-maħfra, it-tnejn għandkom timpenjaw ruħkom biex tibnu mill-ġdid wara li tkunu naddaftu t-tifrik ta’ qabel. Jekk ma jsirx hekk, tidħol il-bruda, jibqgħu s-suspetti u faċilment jiġu repetuti l-istess żbalji.

Nifhem kemm huwa diffiċli terġa’ tafda lil xi ħadd wara li jkun offendik bl-ikrah. Imma l-istess Alla li tak l-imħabba biex taħfirlu, jagħtik ukoll l-imħabba mis-sema biex terġa’ tafdah. L-imħabba ‘kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox issofri’ (1 Korintin 13:7). Aħdem biex tibni relazzjoni mill-ġdid minkejja d-dubji u l-memorji koroh. Oqgħod attent li ma tħallix l-attitudni tiegħek tiskoraġġih. ‘Min jostor il-ħtija, irid il-ħbubija; iżda min itenni l-ħtija, ibiegħed il-ħabib’ (Proverbji 17:9). Tgħamillu l-qalb mhux ftit jekk b’għemilek turih li qed terġa’ tafdah.

Insemmi biss l-importanza ta’ komunikazzjoni sinċiera. Tkellmu regolarment. Fl-aħħarnett, uri bil-fatti l-ħbiberija ġdida tiegħek. Aħtaf kull opportunita’ biex tgħamillu l-ġid.

Għażiż ħija/oħti fil-Mulej: nitolbok, fittex is-sliem ma’ kulħadd u l-barka ta’ Kristu tkun fuqek. ‘Imberkin dawk li jġibu l-paċi; għax għad jissejħu wlied Alla.’

Kitba Evangelika Online