|
L-INDULGENZI Miktub minn Joe Mizzi Patri Mark Montebello kiteb dwar patri ieħor, Martin Luteru:
Illum il-knisja Kattolika tammetti l-iżbalji u l-abbużi li sara 500 sena ilu. Iżda t-tagħlim dwar l-indulġenzi għadu hemm. “Sal-lum, din il-ħrafa bla bażi u eretika għadha tiġi ppridkata minn ċerti nies tal-Knisja, u anki reġgħu ħarġu biha biex taparsi jżidu fil-festeġġjamenti tal-Ġublew il-Kbir tas-Sena 2000.” Nistħajlek tistaqsi: “Għalfejn għandi nħabbel rasi dwar l-abbużi li saru 5 sekli ilu? X’jimportani jekk xi wħud, inkuż il-Papa, għadhom jgħallmu l-indulġenzi?” Naħseb li jimportak ħafna. Is-suġġett jolqotna lkoll fil-laħam il-ħaj għax għandu x’jaqsam mal-maħfra tad-dnubiet. Aħna min aħna - Kattoliċi, Evanġeliċi jew ateisti - ilkoll midinbin, u għalhekk neħtieġu l-maħfra qabel nidhru quddiem it-Tribunal t’Alla f’Jum il-Ġudizzju. X’inhuma l-indulġenzi? Il-knisja Kattolika tispjega t-tagħlim tagħha dwar l-indulġenzi fil-Katekiżmu (paragrafi 1471 sa 1479).
Kif bdew l-indulġenzi? Mhux fil-knisja appostolika li naqraw dwarha fit-Testment il-Ġdid. Lanqas fl-ewwel sekli wara Kristu skond il-kotba ta’ l-istorja. Mhux qabel is-seklu tlettax ma nibtet l-idea tat-teżor tal-mertu. Ludwig Ott, storiku Kattoliku, jikteb: The teaching of the existence of the thesaurus Ecclesiae and of the Church’s power over it was developed by the Scholastic Theologians at the begining of the 13th century...and was officially proposed by Pope Clement VI (in 1343), and later by Pope Leo X (in 1518). It-teżor tal-knisja ‘It-teżor tal-merti’ huwa insult u dagħwa kontra Kristu u s-salib tiegħu. L-ewwel jitkellmu fuq ‘is-siwi bla qies li ma jintemm qatt tat-tpattija u tal-merti ta’ Kristu’, u fl-istess nifs iżidu ‘is-siwi tassew kbir, li ma jistax jitqies’ ta’ l-għemejjel tajba ta’ Marija u tal-qaddisin kollha. Jekk il-merti ta’ Kristu huma ta’ siwi bla qies għaliex hemm bżonn iżżid il-merti tal-ħlejjaq tiegħu? Jgħidu x’jgħidu, mhux tassew jemmnu li Kristu waħdu hu biżżejjed. Kristu għandu bżonn il-ħlejjaq tiegħu biex jifdina! Dan mhux il-Kristu ta’ l-Iskrittura. U minn fejn ġabu din l-idea li bniedem jista’ jaħdem biex jimmerita is-salvazzjoni? Żgur mhux minn fomm Kristu. Għax dwar il-qaddej li jagħmel kulma ordnalu sidu, Kristu jistaqsi: ‘Jaqaw jiżżiħajr lil dak il-qaddej talli għamel dak li kien ordnalu?’ Sabiex ma jħallina f’ebda dubju, Kristu jwieġeb għalina: ‘Naħseb li le.’ X’irid jgħallimna b’daqshekk? Isma’ t-tweġiba tiegħu: ‘Hekk intom, meta tagħmlu dak kollu li jordnawlkom, għidu: Qaddejja bla fejda aħna; dak li kellna nagħmlu għamilnieh’ (Lq. 17:9,10). Ankle kieku bniedem kellu jobdi l-liġi t’Alla kompletament, mingħajr l-iċken falliment, xorta ma kienx jista’ jgħid li ħaqqu l-ħajja eterna. Kien ikun jista’ jgħid biss: ‘Jien qaddej bla fejda, għamilt biss id-dmir tiegħi.’ Imma liema bniedem jista’ jgħid li għamel kulma ordnalna Alla? Mhux kulħadd midneb mis-sema ’l isfel? Mela kif tippretendi Ruma li ‘l-qaddisin’ għamlu biżżejjed opri tajba biex jiksbu s-salvazzjoni? Mhux biss. Għamlu aktar milli kien meħtieġ u ż-żejjed mar fit-teżor tal-knisja biex jintuża għas-salvazzjoni ta’ oħrajn! Meta niftaħ l-Iskrittura ma nsib xejn minn dawn il-ħrejjef. Anzi bil-kontra: l-Insara huma ‘salvati bil-grazzja permezz tal-fidi, u dan mhux minnkom infuskom, mhux mill-opri biex ħadd ma jiftaħar...mhux bl-opri tajba li konna għamilna, iżda skond il-ħniena tiegħu salvana’ (Efesin 2:8,9; Titu 3:5). Midneb la jsalva lilu nnifsu bl-opri, wisq anqas jibqagħlu xi mertu biex isalva lil ħaddieħor. Tgħidilna ċar l-Iskrittura fuq il-merti ta’ min nikbsu l-maħfra: ‘Kristu...b’demmu stess daħal darba għal dejjem fis-santwarju, billi kiseb fidwa għal dejjem għalina...aħna tqaddisna bl-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu darba għal dejjem...b’offerta waħda (għamilhom) perfetti għal dejjem’ (Lhud 9:12; 10:10,14). Il-Bibbja tisħaq fuq id-demm ta’ Kristu. Ruma tħallat miegħu d-demm tal-martri. Ma’ l-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù fuq is-salib, Ruma żżid l-offerti ta’ l-opri tal-qaddisin. Għal Ruma Kristu mhux biżżejjed. X’iwieġeb San Pawl jekk ngħidulu li qed inserrħu s-salvazzjoni tagħna fuq Kristu u fuq il-martirju tiegħu ukoll? Naf eżatt x’iwieġeb. Kif qal lill-Insara f’Korintu, jgħid lilna: ‘Jaqaw Pawlu kien imsallab għalikom?’ (1 Kor. 1:13). Min jaf x’jagħmel San Ġwann jekk nibdlu li kiteb: ‘dnubietkom huma maħfurin minħabba ismu’ u minflok niktbu, ‘dnubietkom huma maħfurin minħabba isem Kristu u isem San Ġwann’? (1 Ġw. 2:12). Jew x’tgħid l-imbierka fost in-nisa, Marija omm Ġesù, jekk minflok ‘Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-salvatur tiegħi’ nġegħluha tgħid: ‘Ruhi tfaħħar is-siwi li ma jistax jitqies ta’ l-għemejjel tajba tiegħi, u l-ispirtu tiegħi jifrah bl-opri tajba li bihom immeritajt is-salvazzjoni tiegħi u ta’ ħafna oħrajn.’ Jew x’jagħmel San Pietru jekk ngħawwġulu kliemu, u minflok ‘dawk kollha li jemmnu fi Kristu jaqilgħu l-maħfra tad-dnubiethom b’ismu’ inġegħluh jgħid: ‘dawk kollha li jemmnu fih u jwettqu ċerti kundizzjonijiet oħra determinati minn Ruma, jaqilgħu l-maħfra tad-dnubiethom b’ismu u b’ismi San Pietru’? (Atti 10:43). Min jaf?! Ruma tgħid li għandha t-teżor tal-mertu, it-teżor tal-knisja. Tassew, il-Vatikan għandu teżor - ta’ flus, propjetà u artijiet mad-dinja kollha, arti imprezzabbli u fidda u deheb bir-radam. Imma dan hu ġid li jinsteraq, jissaddad u jintemm. L-ebda bniedem qatt ma kien mifdi bil-fidda u deheb, imma biss bis-demm prezzjuż ta’ Kristu. Il-knisja vera ta’ Kristu għandha teżor. Kif qal Luteru: ‘It-tezor veru tal-knisja huwa l-evanġelju tal-glorja u l-grazzja t’Alla.’ Biex tistagħan u tikseb il-maħfra, mur bil-fidi fi ħdan Dak li għandu idejh u riġlejh minfuda; mur għand Dak li kien mejjet, u li issa ħaj għal dejjem ta’ dejjem. Għandu ssib is-sliem, il-ħajja u l-maħfra sħiħa. Għand min immoru? Ruma tqis lilha nfisha‘d-dispensatriċi tal-fidwa.’ Għandek bżonn il-knisja biex tagħtik it-twelid mill-ġdid bil-magħmudija; il-maġisteru biex jinterpretalek l-Iskrittura u t-Tradizzjoni; il-qassisin biex ikomplu jġeddu s-sagrifiċċju ta’ Kristu u sabiex jaħfrulek dnubietek bil-qrar. Għandek bżonn il-knisja biex teħilsek mill-piena taż-żmien bl-indulġenzi issa u fil-purgatorju. Il-messaġġ ċar tal-knisja Kattolika hu, jekk trid issalva, ejja għandi. Ruma żżomm lill-Kattoliċi skjavi. Tqarraq bihom billi tgħidilhom li hi għandha l-awtorità tagħtihom is-salvazzjoni ftit ftit. Mhux hekk għamlu l-appostli. Huma xandru lil Kristu. Għallmu n-nies imorru għandu direttament. ‘Emmen fil-Mulej Ġesù u tkun salvat’ kien il-messaġġ tagħhom. Kristu - mhux il-knisja - jiddispensa l-maħfra u l-ħajja eterna. Hu s-salvatur. Hu jagħti l-ħajja. ‘Qam Ġesù bil-wieqfa u għajjat, billi qal: “Jekk xi ħadd għandu l-għatx, ħa jiġi għandi, u jixrob”’ (Ġw. 7:37). Kundizzjonijiet għall-maħfra Ruma tippretendi wkoll li għandha dritt toħroġ ‘ċerti kundizzjonijiet’ biex bniedem jikseb il-maħfra. Il-kundizzjonijiet biex nikbsu l-maħfra jagħmilhom Alla li tiegħu ksirna l-Liġi. Il-kundizzjonijiet jagħmilhom Alla li bagħat ‘l Ibnu l-waħdieni. Il-kundizzjonijiet jagħmilhom Alla, is-Salvatur. Il-kundizzjonijiet biex niksbu l-maħfra diġà għamilhom u ħallihom bil-miktub fl-Iskrittura u l-ebda bniedem m’għandu jedd ibagħbas mal-Kelma t’Alla. Il-kundizzjonijiet huma l-indiema u l-fidi fi Kristu. L-indiema tfisser iddur mid-dnub lejn Alla, mhux iddur lejn l-ajruport u tmur pelleggrinaġġ Ruma! Il-fidi tfisser fiduċja sħiħa fi Kristu biss, mhux fit-teżor immaġinarju tal-Vatikan. Bi ħlas jew b’xejn? Ruma tibqa’ tinsisti fuq xi ħlas - dukati fi żmien Luteru; jew liri Maltin kif ħallsu missirijietna għall-quddies, jew f’forma ta’ sagrifiċċju - hu x’inhu, ħlas. L-Iskrittura tinsisti li l-fidwa tagħna inxtrat bi prezz ferm ogħla: id-demm prezzjuz ta’ Kristu. Lilna Alla jagħtina l-maħfra u l-ħajja ta’ dejjem b’xejn, bil-grazzja tiegħu. Il-Mulej Alla jsejjħilna: “O intom ilkoll li intom bil-għatx, ejjew għall-ilma; u intom li m’għandkomx flus, ejjew, ixtru, u kulu, iva, ejjew, ixtru nbid u ħalib bla flus u bla ma tħallsu. Għalfejn tonfqu l-flus f’dak li mhux ħobż? U l-qliegħ ta’ xogħlkom f’dak li ma jxabbax? Isimgħu sewwa lili, u kulu dak li hu tajjeb, u ħallu ruħkom tihenna bil-benna! Mejlu widintkom, u ejjew għandi” (Isaija 55:1-3). |