Ġesù Taparsi

Jekk jiġi wieħed ixandrilkom Ġesù ieħor...
intom taħmluh (2 Korintin 11:4).

Miktub minn Joe Mizzi

Satana jipprova b’kull mezz joskura ’l Alla veru.

Alla juri l-glorja tiegħu f’wiċċ Kristu, ix-xbieha perfetta tiegħu. Mhux għaġeb għalhekk li Satana dejjem stinka biex jixħet għajb fuq il-persuna u x-xogħol ta’ Kristu. Il-ministri ta’ Satana ħadmu bi sħiħ biex jeliminaw lil Kristu ta’ l-Iskrittura, u minfloku xandru Ġesù ieħor – taparsi, falz! Mawmettu sejjaħlu profeta. Il-moderni jsejjħulu superstar (‘he’s just a man’). Arjus fis-seklu ħamsa u l-mexxejja tax-Xhieda ta’ Jehovah matul dan is-seklu jinnegaw id-Divinità tiegħu.

Insejjaħ lill-membri fil-Jehovah Witnesses biex jerġgħu jikkonsidraw it-tagħlim tal-Kingdom Hall u tal-WatchTower fid-dawl tal-Kelma t’Alla. Forsi l-Mulej ikollu ħniena minnek, jiftaħlek għajnejk biex tara l-glorja ta’ Ibnu u temmen fih għall-ħajja ta’ dejjem.

Nistħajlek tirrispondi, “Jien diġà nemmen li Ġesù huwa l-Iben t’Alla!”

Mela ħallini nistaqsik: Taf jekk għandikx il-ħajja eterna? Jekk int sinċier ma tweġibx, “Iva, naf li għandi l-ħajja ta’ dejjem.” Iżjed tirrispondi: “Le, jien qed naħdem biex forsi xi darba jkolli din il-ħajja. Imma għalissa ma nistax inkun naf fiċ-ċert.”

Nitolbok isma’ issa x-xhieda li Alla ta dwar Ibnu: ‘Ktibt dan lilkom li temmnu fl-isem ta’ l-Iben t’Alla, biex tkunu tafu li għandkom il-ħajja ta’ dejjem’ (1 Ġwanni 5:13).

Innota li l-Bibbja ma tgħidx “biex tkunu tafu li se jkollkom” (fil-futur); iżda biex tkunu tafu li għandkom (fil-preżent, illum) il-ħajja eterna. Iżda int tammetti li m’għandikx il-ħajja eterna (u sewwa tagħmel, għax hekk hu). Madankollu xorta mingħalik temmen fl-Isem ta’ l-Iben t’Alla.

Kieku temmen tassew fl-isem ta’ l-Iben t’Alla għandek il-ħajja eterna (għax hekk tistqarr il-Bibbja); iżda ladarba m’għandikx din il-ħajja mhux tassew temmen fl-isem ta’ l-Iben t’Alla kif imxandar fl-Iskrittura. Inti temmen f’Ġesù ieħor – “Ġesù” immaġinarju li ma jsalvax u li ma jagħtix assigurazzjoni tal-ħajja eterna.

Int temmen li Ġesù hu l-anġlu Mikiel. Iżda l-Iskrittura tikkontradixxi din t-teorija. Għax fl-ittra lil-Lhud naqraw: “Għax lil min mill-anġli xi darba qal: Int, Ibni, illum jien nissiltek?...meta ġieb l-iben il-kbir fid-dinja, qal: Ħa jqimuh l-anġli kollha t’Alla” (Lhud 1:5,6). Ċertament mela, Kristu mhux anġlu, għax il-Missier lil ħadd mill-anġli ma qal “Int Ibni.” Mhux talli mhux anġlu; Kristu hu meqjum mill-anġli kollha kif jixraq lil Alla waħdu.

Qrajt u smajt l-argumenti ta’ Arjus u l-verżjoni moderna tagħhom fil-WatchTower. Nixtieq nurik kemm huma qarrieqa biex teħles mll-irbit li jżommok milli tersaq bil-fidi u l-qima lejn l-Iben t’Alla.

L-ewwel, hemm argumenti mibnija fuq in-natura umana tiegħu (lil Ġesù rawh, ma kienx jaf il-jum tar-ritorn, eċċ.). Issa d-dixxipli ta’ Kristu jemmnu li s-Sid hu bniedem ukoll. Għalhekk lanqas elf argument bħal dawn ma jċaqlaq pulzier wieħed il-verità glorjuża tad-Divinità tiegħu. Mhux validu l-argument; jiffoka fuq parti mill-istampa u jinjora l-bqija. Bħal dak l-iblah li biex jagħti prova li l-bandiera Maltija mhix ħamra, jurina l-parti bajda, u jgħid, “Qed tara, ladarba hi bajda, ma tistax tkun ħamra.” Lil dan inwiġbuh: ħares lejn il-bandiera kollha. Il-bandiera Maltija hi bajda u ħamra. Kristu hu bniedem u Alla.

Argument ieħor jgħid li ladarba Kristu hu l-Iben t’Alla, ma jistax ikun Alla. Imma Kristu jissejjaħ ukoll Bin il-bniedem. Nistgħu ngħidu mela li ladarba hu Bin il-bniedem, Kristu mhux bniedem? Madankollu jinsistu: Mhux ovvju li l-Missier u l-Iben huma distinti minn xulxin. U aħna nwieġbu: Mhux ovvju li l-WatchTower qed jgħawweġ t-tagħlim tal-Kristjani. Minn mill-Kristjani jiċħad li l-Missier u l-Iben huma persuni distinti minn xulxin? Il-kwistjoni hi dwar id-Divinità ta’ Kristu, mhux id-distinzjoni bejn l-Iben u l-Missier.

Ikomplu: “Anke fil-familji tagħna, l-iben hu dejjem inqas minn missieru.” U aħna nwieġbu: Tassew, imma m’aħniex niddiskutu r-rwol ta’ l-Iben b’paragun mal-rwol tal-Missier, iżda n-natura tagħhom. Aħna nemmnu li l-Missier hu ras Kristu, u l-Iben hu sottomess għal Missieru. Dan ma jfissirx li għandu natura differenti mill-Missier. Min minnkom missirijiet tikkonsidraw lil uliedkom b’umani inqas minnkom? Minn minnkom ulied tikkonsidraw lil missirijietkom umani aktar minnkom? L-Iskrittura tgħallem: “Ir-ras tal-mara hu r-raġel, u ras Kristu hu Alla” (1 Korintin 11:3). Minn minnkom irġiel tqisu n-nisa tagħkom inqas umani minnkom? Minn minnkom nisa tqisu r-raġel tagħkom uman aktar minnkom?

U terġa’, argument ieħor mibni fuq l-istat ta’ umiljazzjoni ta’ Kristu. Mhux Kristu stess, jgħidulna, qal: Missieri akbar minni? U aħna nwieġbu: Għal darb’ oħra qed tħalltu ħaġa m’oħra. Intom tridu tagħtu prova li l-Missier hu akbar mill-Iben fin-natura tiegħu; il-kliem ta’ Ġesù hu paragun, mhux tan-natura, imma ta’ l-istat tiegħu ma’ l-istat tal-Missier. F’dak iż-żmien, l-Iben kien fi stat ta’ umiljazzjoni, fid-dinja, mibgħud, mistkerraħ, jaqdi lill-ħlejjaq tiegħu. Ftit sigħat wara ntrefa’ -- mhux fuq tron ta’ glorja, iżda fuq salib aħrax; u mlibbes -- mhux kuruna tal-glorja, iżda waħda tax-xewk. Fl-istess waqt il-Missier kien fil-glorja tas-sema, meqjum u moqdi minn qtajja ta’ anġli, merfugħ fuq it-tron tal-majestà.

Il-Mulej Ġesù stess jistaqsi: ‘Min hu l-akbar, dak li qiegħed fuq il-mejda, jew dak li jaqdi? Mhux dak li qiegħed fuq il-mejda?’ (Ġwanni 14:28). Iva, imma min minnkom, meta tmur tiekol ġo ristorant, u tiġi servut minn wejter, tikkonsidra lilek innifsek uman akbar mill-wejter? Għalkemm int tkun f’pożizzjoni akbar minnu, ma jfissirx li għandu natura inferjuri għalik. Jew min minnkom, meta qdejtu lil xi ħadd ħassejtukom umani anqas minn dak li qdejtu? Min jaqdi u min hu moqdi huma umani l-istess għalkemm l-istat tagħhom hu differenti. Bl-istess mod, meta kien fid-dinja Ġesù kien fi stat ta’ umiljazzjoni, il-qaddej t’Alla l-Missier, imma b’daqshekk ma jfissirx li kellu natura differenti jew anqas minn tiegħu.

B’dawn it-tipi ta’ argumenti banali jridu jneżżgħu lil Kristu mid-Divinità tiegħu, sempliċement għax Kristu nnifsu għażel li jumilja lilu nnifsu biex isalva lill-Knisja tiegħu.

Tassew Kristu, li minn natura tiegħu kien, għadu u jibqa’ Alla, sar bniedem. Sar bniedem biex jitgħabba bi dnubiet il-poplu tiegħu, jerfa’ salib ta’ l-injam, jiġi msammar miegħu, ixiddulu kuruna tax-xewk, iħoss l-għatx u t-tbatija, u jxerred sa l-aħħar qatra demm għall-fidwa tagħhom. Sar bniedem biex isir ir-rappreżentant tagħna l-bnedmin, il-medjatur bejn Alla u l-bniedem.

Tassaw sar ubbidjenti. “Għalkemm kien Iben, tgħallem l-ubbidjenza minn dawk il-ħwejjeġ li bata” (Lhud 5:8); Alla bagħat ’l Ibnu, imwieled taħt il-liġi biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-kundanna tal-liġi. Għax kif bid-diżubbidjenza ta’ wieħed, Adam, il-bnedmin kollha saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’ wieħed ieħor, Kristu, ħafna jsiru ġusti u jiksbilhom l-ħajja ta’ dejjem.

Tassew ukoll li Kristu tbaxxa s’isfel nett. Niżel fl-inħawi l-aktar saflenija ta’ l-art. Kien għani; sar fqir minħabba l-Knisja tiegħu, biex permezz tal-faqar tiegħu tistgħana. Sar saħta għalihom, biex jakkwistalhom il-barka t’Alla. Sar dnub għalihom, biex isiru l-ġustizzja t’Alla fih.

Kif iwieġeb il-bniedem midneb għal dan kollu? Billi jiċħad id-Divinità tiegħu! X’mistħija! X’għama spiritwali!

Iżda wlied Alla bil-grazzja tiegħu jemmnu fl-isem ta’ l-Iben t’Alla u jafu li għandhom il-ħajja ta’ dejjem. Darba kien fid-dinja, issa fl-għola tas-smewwiet. Darba neżżgħuh ħwejġu. Illum imlibbes bil-glorja. Darba dendluh ma’ salib. Illum bil-qiegħda fuq it-tron t’Alla. Darba libbsuh kuruna tax-xewk. Illum imlibbes kuruna ta’ ġieħ. Darba d-dixxipli tħawwdu u ħarbu. Illum id-dixxipli ta’ Kristu jgħarfuh, iħobbuh, iqimuh, jgħixu u jmutu għalih. Din hi l-istqarrija tagħhom quddiem Kristu: ‘Mulej tiegħi, u Alla tiegħi.’

Jekk s’issa kont membru fil-Jehovah Witnesses, kont imqarraq b’tagħlim ta’ għajb kontra l-Mulej tal-glorja. Indem mill-iżball tiegħek; tagħtix mistrieħ lil ruħek qabel tfittex fl-Iskrittura u tifhem x-xhieda ġenwina li Alla l-Missier tana dwar Ibnu l-maħbub. Għax fih biss tinsab il-ħajja, u jekk tibqa’ ma temminx fl-Iben t’Alla, tmut fi dnubietek u ma jkollok lil ħadd f’Jum il-Ħaqq biex jeħilsek mill-għadab ġust t’Alla.

Kitba Evangelika Online