TEMMEN FL-IBEN T'ALLA?

Miktub minn Joe Mizzi

Fil-Kredu ta’ l-Appostli nistqarru, "Jiena nemmen f'Alla, il-Missier li jista' kollox...u f'Ġesù Kristu, l-Iben waħdieni tiegħu." X'irridu nfissru meta ngħidu li Ġesù hu l-Iben il-waħdieni t'Alla? Xi trid tgħid l-Iskrittura meta ssejjaħlu b'dan it-titlu?

Il-poplu ta' Iżrael (Esodu 4:22), l-anġli (Ġob 1:6), u l-aħwa Kristjani (Ġwanni 1:12) ilkoll jissejħu wlied Alla; evidentament għax huma maħluqa jew adottati minn Alla. Barra minn hekk, Alla jsejjaħ lis-Sultan imwiegħed lid-dar ta' David, “ibni” (2 Samwel 7:14; Salm 89:23; Salm 2), u ċertament dan hu titlu Messjaniku.

Fl-Iskrittura, Ġesù Kristu jissejjaħ l-Iben waħdieni t'Alla, l-Iben t'Alla, Bin Alla, u l-Iben. Xi jfisser dan kollu? F’liema sens huwa Iben? Forsi għax maħluq bħall-anġli, jew addottat bħal mifdijin, kif jgħidu xi wħud, biex jicħdu d-Divinità tiegħu? Jew huwa Iben f’sens għalkollox differenti minn hekk, kif jemmnu l-Kristjani, u għalhekk jagħtuh l-ogħla qima? Ħalli nistħarrġu sew din il-mistoqsija fid-dawl ta’ l-Iskrittura Mqaddsa.

Darba, Sidna Ġesù qal hekk fuqu nnifsu: "Kollox mogħti lili minn Missieri: u l-ebda bniedem ma jagħraf lill-Iben, ħlief il-Missier; lanqas ħadd ma jaf lill-Missier, ħlief l-Iben, u dak li l-Iben irid jgħarrafhulu" (Mattew 11:27).

Ejja għall-argument ngħidu li hu "iben" għax bħali u bħalek Ġesù huwa ħolqien t'Alla. Issa bniedem ma jsibhiex diffiċli jagħraf ħlejjaq bħalu, u għalhekk ma konna nsibu ebda diffikultà biex nagħrfu lil Ġesù. Imma din l-iskrittura tgħallimna li ebda bniedem ma jista jagħraf lill-Iben. Nistaqsu, kemm hu kbir dan l-Iben tant li ma nistgħux nagħrfuh? L-Iskrittura tkompli tinformana li wieħed biss, Alla l-Missier, jagħrfu! Nerġgħu nistaqsu, għaliex għandu jkun xi ħadd ta' għerf infinit biss li kapaċi jagħraf lill-Iben, jekk l-Iben hu finit bħall-ħlejjaq l-oħra lkoll? Evidentament, dak li assumejna fil-bidu kien żbaljat. Ġesù mhux Iben għax hu ħolqien t’Alla. Jekk l-Infinit biss jagħrafu, Ġesù huwa infinit fil-kobor tiegħu.

Meta Ġesù sikket il-maltempata fuq il-baħar, "tawh qima, billi qalu: Tassew, inti l-Iben t'Alla" (Mattew 14:36). Ladarba l-appostli kienu Lhud u jafu sew li hemm Alla wieħed u għalhekk ma setgħux iqimu allat oħra (ara Eżodu 34:14), kif qimuh għaliex hu l-Iben t'Alla, jekk b'dan il-kliem ma kienu jifhmu xejn għajr wieħed maħluq bħalhom?

Meta Xmun Pietru ddikjara li Ġesù hu l-Kristu, Bin Alla l-ħaj, Ġesù wieġbu billi qal, "Mhux il-laħam u d-demm għarrfek dan, iżda Missieri li hu fis-smewwiet" (Mattew 16:17). Jekk bil-kapaċitajiet normali tagħna ("il-laħam u d-demm") ma nsibu ebda diffikoltà nagħrfu lil xulxin bħala wlied Alla, xi bżonn kien hemm tar-rivelazzjoni divina biex Pietru jagħrafu bħala l-Iben, jekk Ġesù hu iben bħalna?

Fil-ġuri ta' Ġesù, "il-qassis il-kbir ċarrat ħwejġu, hu u jgħid, Dagħa, x'għandna bżonn iżjed ta' xhud?" (Mattew 26:63). Jekk meta Ġesù stqarr li hu l-Iben t'Alla, il-Lhud fehmuh li hu membru fil-familja t'Alla bħalhom, għalfejn il-qassis il-kbir irrabja daqshekk? Imma ladarba qiesu l-istqarrija tiegħu bħala dawgħa, żgur li fehmu dan il-kliem f'sens għalkollox differenti.

Quddiem Pilatu, l-istess Lhud xlewh: "aħna għandna liġi, u skond il-liġi għandu jmut, għax għamel lilu nnifsu Bin Alla" (Ġwanni 19:7). Żgur ma kienx ikun ħaqqu l-mewt kieku bil-kliem 'Bin Alla' kienu jifhmu li hu wieħed minn ulied Alla bħalhom. Imma huma kienu jafu tajjeb x'ried ifisser Ġesù, u għax ma setgħux iniżżluha li hu Bin Alla, riedu jagħtuh il-mewt skond il-Liġi li tibda, "Ma jkollokx allat oħra quddiemi."

F'egħluq l-Evanġelju tiegħu, Ġwanni jiddikjara l-iskop tal-ktieb: "Biex temmnu li Ġesù hu l-Kristu, Bin Alla" (Ġwanni 20:31). Issa jekk "Bin Alla" tfisser biss wieħed fil-familja t'Alla, mhux sforz żejjed ta' l-evanġelista li jikteb 21 kapitlu biex jikkonvinċina dwar fatt sempliċi, komuni u bla ebda konsegwenza?

Il-Bibbja tiddikjara li "dak li jemmen fl-Iben għandu l-ħajja ta' dejjem, u dak li ma jemminx fl-Iben ma jarax il-ħajja" (Ġwanni 3:36). Jekk bit-titlu "Iben," il-Bibbja tfisser xi ħadd li, għoli kemm hu għoli, huwa ħolqien t'Alla; x'inhu, il-ħajja ta' dejjem tiddependi fuq il-fidi fi ħlejqa bħalna?

Il-konklużjoni inevitabbli ta' dawn l-argumenti hi waħda: meta l-Bibbja ssejjaħ lil Ġesù “l-Iben t'Alla,” żgur li mhux fl-istess sens li l-bnedmin u l-anġli huma msejħa wlied Alla. Iżda f'sens wisq ogħla minn hekk. Ġesù hu l-Iben il-waħdieni (jew uniġenitu) t'Alla. Il-kelma “waħdieni” tfisser uniku, wieħed biss tal-ġeneru tiegħu, li bħalu m'hemmx oħrajn. Tassew Alla għandu ħafna wlied iżda ħadd ma hu Iben bħalma Ġesù hu l-Iben t'Alla. Iben bħalu ma hawnx.

F'liema sens, mela, Ġesù hu l-Iben t'Alla? It-tweġiba tinsab fil-Bibbja.

  1. Il-Mulej kien ilu Iben? Hu talab: "Missier, igglorifikani int bik innifsek bil-glorja li kelli miegħek qabel ma kienet id-dinja" (Ġwanni 17:5). L-espressjoni "qabel kienet id-dinja" tfisser "mill-eternita’," għax l-Iskrittura tgħallem li "qabel ma int għamilt l-art u d-dinja, minn dejjem għal dejjem, int Alla" (Salm 90:2). Ma kienx hemm żmien meta Ġesù ma kienx, jew xi żmien li sar l-Iben t'Alla. Kien mill-eternità l-Iben mal-Missier. Għalhekk insejħulu l-Iben etern t'Alla.

  2. Alla għamel lil Ibnu "werriet tal-ħwejjeġ kollha, u bih ukoll għamel id-dinjiet...u jżomm il-ħwejjeġ kollha bil-kelma tas-setgħa tiegħu" (Ebrej 1:2,3). Issa hu ċar li l-ħwejjeġ kollha huma "minnu, u bih u għalih," jiġifieri, minn Alla, b'Alla, u għal Alla (Rumani 11:36). L-Iben hu dak li bih sar kollox; u kollox kien maħluq għalih (ara wkoll Kolossin 1:16). L-Iben hu l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem: il-Ħallieq u l-għan ta' kollox.

  3. Il-ħwejjeġ kollha li jagħmel il-Missier juru l-qawwa infinita tiegħu. Ġesù stqarr li "dawk il-ħwejjeġ kollha li jagħmel (il-Missier), dawn l-Iben jagħmel ukoll" (Ġwanni 5:19). Ladarba l-Iben jagħmel il-ħwejjeġ kollha li jagħmel il-Missier, l-Iben, bħall-Missier, hu omnipotenti.

  4. L-Iben, bħall-Missier, għandu l-ħajja fih innifsu (Ġwanni 5:26), u kif il-Missier jagħti l-ħajja, "hekk l-Iben jagħti l-ħajja lil min irid" (Ġwanni 5:21). Ġesù qal: "Jien hu l-ħajja" (Ġwanni 11:25). Dak li "jagħti lil kulħadd il-ħajja" (Atti 17:25) hu Alla.

  5. L-Imħallef tad-dinja hu Alla, u quddiem Alla se jidhru l-bnedmin kollha għall-ħaqq (ara Rivelazzjoni 20:12). L-Iben għandu kemm l-inkarigu mill-Missier kif ukoll il-kapaċità meħtieġa – jaf kull għemil, motivazzjoni u l-qalb ta’ kull bniedem li qatt għix - biex jagħmel ħaqq ġust mid-dinja. Il-Missier "ta kull ħaqq lil Ibnu" (Ġwanni 5:22). L-Iben hu l-Imħallef tad-dinja.

  6. Lill-Missier inweġġħuh (nonorawh) meta nobduh, nitolbuh, nafdawh, inqimuh u nadurawh. Lil ebda kreatura oħra, lanqas lill-ogħla anġli ma nistgħu inweġġħu bħall-Missier. “Rispett” bħal dak ikun idolatrija. Issa lill-Iben kemm nistgħu nweġġħuh? X'tgħallimna l-Iskrittura? "Il-bnedmin kollha jweġġħu l-Iben, bħalma jweġġħu l-Missier" (Ġwanni 5:23). Il-bnedmin għandhom jonoraw lill-Iben daqskemm jonoraw lill-Missier, la iżjed u lanqas anqas: iweġġħu l-Iben bħalma jweġġħu lill-Missier! Infatti, hu impossibbli li tweġġaħ 'l Alla fis-sewwa jekk ma tweġġaħx l-Iben l-istess. "Min ma jweġġaħx l-Iben, ma jweġġaħx lill-Missier li bagħtu" (Ġwanni 5:23).

  7. L-Iben hu preżentat bħala s-Salvatur. "Kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta' dejjem" (Ġwanni 3:16). Abraham emmen f'Alla u kien magħdud ġust; aħna bħalu jeħtieġ insalvaw bil-fidi. Mhux fidi fina nfusna, jew f'xi krejatura oħra, iżda fidi f’Alla li dnibna kontrih u madankollu juri ħniena ma' dawk li jafdaw fih. Ladarba l-Iskrittura tordnalna nemmnu fl-Iben għas-salvazzjoni tagħna, ma nistgħux inqisu lill-Iben anqas minn Alla, għax li temmen fl-Iben u temmen f'Alla huwa l-istess ħaga – kif fil-fatt jikkonferma Ġesù stess: "Min jemmen fija, mhux fija jemmen, iżda f'min bagħtni" (Ġwanni 12:44). U hekk kif bniedem li jibqa' ma jemminx f'Alla għas-salvazzjoni, ikun ikkundannat, l-istess jista’ jingħad fuq Ġesù: "Min ma jemminx hu diġa’ kkundannat, għax ma emminx fl-Isem ta' l-Iben waħdieni t'Alla" (Ġwanni 3:18).

  8. Bl-Iben il-bnedmin jagħrfu 'l Alla. "Ħadd qatt ma ra 'l Alla f'xi żmien. L-Iben waħdieni, li hu fi ħdan il-Missier, hu għarrfu" (Ġwanni 1:18). Jekk ix-xewqa tiegħek hi bħal ta' Filippu, "Mulej, urina 'll-Missier," it-tweġiba ta' l-Iben hi: "Min ra lili ra lill-Missier" (Ġwanni 14:10).

Dak li hu (1) etern, (2) omnipotenti, (3) il-bidu u t-tmiem tal-ħolqien kollu, (4) l-għajn tal-ħajja, (5) l-Imħallef tad-dinja, (6) meqjum, (7) is-salvatur tad-dinja, u (8) Alla magħruf, ma jista’ jkun ħadd għajr Alla, ugwali u ħaġa waħda mal-Missier. Mela, meta fil-Kredu nistqarru li nemmnu f'Ġesù Kristu, l-Iben il-waħdieni t'Alla nkunu nfissru li Ġesù hu tabilħaqq Alla.

Ħalli nġebbdu l-argument. Ħalli nerġgħu nsejħu l-Bibbja tagħti xhieda, u nistaqsu: "X'ried ifisser Ġesù?" u x'kienu jifhmu n-nies ta' żmienu meta kien jgħid li hu l-Iben t'Alla, u li Alla hu Missieru?

Darba nhar ta' Sibt fejjaq wieħed li kien ilu marid 38 sena. Il-Lhud ippersegwitaw lil Ġesù u fittxew li joqtluh għax fejjqu nhar ta' Sibt. Ġesù weġibhom: "Missieri għadu jaħdem s'issa, u jien qiegħed naħdem." Forsi qed jgħid li Alla hu Missieru bħalma aħna nsejħu 'l Alla Missierna? Jew f'sens ogħla? Qal li l-Missier qed jaħdem s'issa; wara li ħalaq kollox baqa' jaħdem biex jieħu ħsieb il-ħolqien tiegħu, inkluż nhar ta' Sibt. Ġesù qal li hu qed jaħdem l-istess, u allura qed jimplika li hu daqs il-Missier. U l-Lhud fehmu dan sew, għax fittxew iżjed li joqtluh "għax qal li Alla hu Missieru, u b'hekk għamel lilu nnifsu daqs Alla" (Ġwanni 5:18).

Darba oħra l-Lhud riedu joqtluh meta Ġesù stqarr li, "Jiena u Missieri ħaġa waħda aħna" (Ġwanni 10:30). Meta ra li se jħaġġruh staqsihom, "Urejtkom ħafna għemejjel tajba mingħand Missieri; għal liema għemil tħaġġruni?" Din hi t-tweġiba preċiża tagħhom: "Għal xi egħmil tajjeb ma nħaġġrukx iżda għad-dagħwa, u għax int bniedem tagħmel lilek innifsek Alla."

Jista' jkun forsi li fehmuh ħażin; li Ġesù ma riedx ifisser hekk? Issa kien il-mument opportun biex jiċċara kliemu u jikkoreġi kwalunkwe ambigwità jekk kienx Alla jew le. X'wieġeb? Weġibhom b'argument mill-Iskrittura (Salm 82). L-imħallfin li kienu fdati minn Alla bil-kelma tiegħu kienu msejħa 'allat.' Huma kienu mid-dinja, l-Iben ġie fid-dinja mis-sema; huma rċevew il-kelma minn Alla, l-Iben hu l-Kelma; u l-Missier qaddes lil Ibnu, jiġifieri ħatru biex ikun il-Messija. Jekk mela dawk kienu msejħa 'allat,' kemm aktar kien jixraqlu hu l-isem "Bin Alla." Ċaħad għalhekk li kien dagħa, u afferma dak li kien stqarr qabel fuqu nnifsu. U biex isaħħaħ l-argument appella għall-għeġubijiet li kien qed iwettaq fosthom bħala xhieda li l-Missier fih u hu fil-Missier. Xorta ma emmnuhx, imma fehmu li kien għadu jsostni li hu Bin Alla, jew fi kliemhom li "int bniedem tagħmel lilek innifsek Alla." Għalhekk reġgħu pprovaw jaqbduh biex joqtluh.

Forsi tiddubita li Ġesù hu l-Iben t'Alla. Imma issa taf sewwa x'ifisser dan it-titlu skond l-Iskrittura. Ġesù hu Bin Alla għax hu Alla, ugwali u ħaġa waħda mal-Missier.

Ma tistax tibqa' passiv quddiem dan Ġesù li jesiġi li hu l-Iben t’Alla. Id-destin tiegħek jiddependi fuqu; jekk temmen fih ikollok il-ħajja eterna permezz tiegħu, jekk ma temminx tintilef. Jekk ma temminx li Ġesù hu l-Iben t’Alla, tagħtihx ġieh b’ipokrezija. Toqgħodx tgħid li hu għalliem tajjeb u x’naf jien – l-għalliema tajba ma jippretendux li huma daqs Alla! Jekk ma temmnix fih, itfa l-vot tiegħek mal-Lhud għall-qtil ta’ qarrieq, giddieb u midgħi. Imbagħad mur fittex is-salvazzjoni tiegħek x’imkien ieħor.

Qabel tiddeċiedi, nitolbok tikkonsidra fatt ieħor biss. Jekk Ġesù kien qarrieq, u kien sempliċiment dixxendent uman tas-sultan David u xejn aktar, allura tassew kien ħaqqu l-mewt tas-salib. Iżda jekk Ġesù kien jgħid il-verità, nippretendu li l-Missier jikkonferma li hu tassew l-Iben waħdieni tiegħu. Gidba jew verità? Bin Alla jew le? L-Iskrittura (Rumani 1:3,4) twieġeb: "Ibnu Ġesù Kristu Sidna, li ġej minn nisel ta' David skond il-ġisem, u li skond l-ispirtu tal-qdusija kien iddikjarat Bin Alla bis-setgħa, bil-qawmien mill-imwiet."

Jeħtieġ tiddeċiedi...jeħtieġ tiddeċiedi ħdejn qabar vojt. Imma jeħtieġ tiddeċiedi. Il-mastrudaxxa ta' Nazaret huwa jew mhuwiex l-Iben t'Alla? U jekk fil-ħniena tiegħu l-Missier jiftaħlek qalbek biex tagħrfu, nitolbok, emmen fih u tkun salvat; emmen fih u agħtih qima.

Kitba Evangelika Online