X'GHANDI NAGHMEL BIEX INSALVA?

Miktub minn Joe Mizzi

Ilkoll għandna sehem mit-tiġrib, tbatija u nkwiet. L-għerq tal-miżerja tagħna huwa d-dnub għax jifridna minn Alla u jġib fuqna l-korla tiegħu. Agħar minn hekk, riesaq Jum il-Ġudizzju u jekk nibqgħu ma neħilsux minn dnubietna nispiċċaw l-Infern għall-kastig ta’ dejjem.

Nisimgħu diversi ilħna jwiegħdu l-ħelsien u l-ħajja. M’aħniex interessati fl-opinjoni tal-bniedem għax l-Iskrittura twissina li d-dinja b’għerfha m’għarfitx ’l Alla. Irridu nifhmu l-messaġġ t’Alla miktub fil-Ktieb tiegħu għax żguri li l-Iskrittura Mqaddsa tgħarrafna s-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesu’ (2 Timotju 3:15).

Dan il-ktejjeb jispjega mill-Iskrittura l-pjan tas-salvazzjoni. Aqrah b’attenzjoni u itlob l-għajnuna tal-Mulej Ġesu’ għax hu biss jista’ jiftaħlek moħħok biex tifhem Kelmtu. Tagħtix mistrieħ lil ruħek qabel tagħraf twieġeb sew il-mistoqsija kruċjali: ‘X’għandi nagħmel biex insalva?’

Il-Problema Tagħna

Ħafna jippretendu li m’għandhomx bżonn salvazzjoni. Taparsi kuntenti u ma jonqoshom xejn filwaqt li jinjoraw id-dejn ta’ dnubiethom u l-qalb ħażina tagħhom. Qajla jistgħu jkunu aktar mqarrqin. Tista’ tkun b’saħħtek, intelliġenti u jkollok flus u ħbieb kemm trid. Dawn il-ħwejjeġ jintemmu bħad-duħħan. Qalbek ma ssibx mistrieħ qabel tagħraf ’l Alla u ssib il-paċi miegħu. Fih biss hemm il-milja tal-ferħ.

Kondotta Ħażina

Alla huwa l-Ħallieq u s-Sid ta’ kollox. Ladarba ħalaqna u qed iżommna ħajjin, aħna obbligati nħobbuh b’qalbna kollha, nobduh u nqimuh. Iżda mill-bidu nett irribellajna kontra l-ħakma tiegħu u għamilna kulma fettlilna.

Meta tigdeb jew tisraq ma tkunx biss toffendi bniedem ieħor. Qabel xejn tkun qed teħodha kontra Alla għax tkun tikser il-Liġi tiegħu. Tkun tgħidlu: ‘Għalkemm naf x’inhu tajjeb f’għajnejk, jien nisfidak u nagħmel kif jogħġob lili u mhux kif tikkmandani int!’

Alla jara l-azzjonijiet ħżiena kif ukoll l-attitudni mħassra tagħna. Jistkerraħ il-kburija, l-għira, is-suppervja u r-rebgħa. Min joqtol u jagħmel adulterju ħaqqu il-kundanna. Daqshekk ieħor ħaqqu l-infern min jobgħod, jirrabja għalxejn jew iħares lejn mara b’għajn żienja.

Għandna ħabta nċekknu d-dnub u nippretendu li m’aħniex daqshekk ħżiena. Bina nfusna nistgħu nidħqu faċilment iżda mhux b’Alla. ‘Bl-għebusija ta’ rasek u qalb bla ndiema int taħżen fik innifsek il-għadab għal jum il-għadab, meta jidher il-ħaqq ġust t’Alla’ (Rumani 2:14).

Inkwetat minħabba l-kondotta ħażina tiegħek? Ma tibżax li Alla jqisek ħati ta’ kull kelma baxxa, dagħwa, it-tqasqis kontra għajrek u tal-qerq kollu li ħareġ minn fommok? Ma tibżax minħabba d-diżonesta’ u s-serq li sraqt (avolja sejjaħtlu ‘negozju’ jew għax irraġunajt li ħadd ma jiddikjara kollox fl-income tax)? Ma tistħix tersaq quddiem il-Qaddis imċappas kollok żena u immoralita’? Fittex sew fil-kuxjenza tiegħek; ftakar fil-ħażen li wettaqt u d-dnubiet li għadek tħaddan miegħek. Int responsabbli ta’ dnubietek kollha quddiem l-Imħallef tad-dinja.

Hemm xabla imdendla fuq rasek. Meta jrid Alla jsejjaħlek quddiem it-tribunal tiegħu biex tagħti kont t’għemilek u jwaddbek fl-Infern għall-kastiġ li jixraqlek.

Qalb Ħażina

Minbarra l-kondotta kriminali, għandna wkoll problema oħra: għandna qalb ħażina. L-inkwiet tagħna ġej sew minn għemilna kif ukoll min dak li aħna. Adam, l-ewwel bniedem, kien maħluq ġust iżda meta waqa’ fid-dnub sar midneb. Issa bħalma ż-żerriegħa ta’ siġra ħażina tnibbet pjanti ħżiena bħalha, hekk ukoll aħna, ulied Adam, imnissla midinbin. ‘Bin-nuqqas ta’ l-ubbidjenza ta’ bniedem wieħed ħafna saru midinbin’ (Rumani 5:19).

Il-Mulej Ġesu’ jirreferi għall-qalb korrotta tagħna. Jgħid: ‘Għax minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, joħorġu l-ħsibijiet ħżiena, l-adulterji, iż-żena, is-serq, ix-xeħħa, il-ħżunija, il-qerq, il-ħajja bla rażan, il-għajn ħażina, id-dagħa, il-kburija, il-bluha’ (Mark 7:21,22). Il-qalb umana hi l-ispiera li minnha tintrefa' l-ħama u l-ħmieġ li jniġġsu l-bniedem u jifirduh minn Alla. Innota li Ġesu’ ma qalx: ‘Għax minn barra, mill-pressjoni tas-soċjeta’ jew frott ta’ trobbija ħażina, jiġu l-qtil, l-adulterju, il-kburija u s-serq.’ Kuntrarju għat-tagħlim tal-psikoloġija li tisħaq li l-bniedem hu tajjeb, l-Imgħallem iwaħħal fil-qalb korrotta tagħna. ‘Għax minn ġewwa, mill-qalb,’ joħroġ kull xorta ta’ dnub.

Aħna kburin bl-għemejjel ‘tajba’ li nagħmlu iżda ma nintebħux li taħt il-qoxra ta’ barra hemm qalb ħażina li saħansitra tqarraq bina stess. L-Iskrittura twissina: ‘Qarrieqa l-qalb aktar minn kollox, u mħassra wkoll’ (Ġeremija 17:9). X’tistenna li joħroġ minn qalb imħassra? Opri tajba jew ħżiena? Ġesu’ jwieġeb, ‘Mix-xewk ma jaqtgħux tin, u mill-għollieq ma jiġbrux għeneb.’

Taħsibx għalhekk li kapaċi togħġob ’l Alla jew li għandek il-ħila, jekk trid, iddur minn dnubietek u tobdih. Bħalma l-ħanex jaħrab mid-dawl tax-xemx u jistaħba fond fid-dlam ta’ l-art, hekk ukoll il-midneb jistaħba mill-glorja t’Alla. ‘Kif inhu miktub: m’hemm ħadd tajjeb, le, lanqas wieħed; m’hemm ħadd li jifhem; m’hemm ħadd li jfittex ’l Alla’ (Rumani 3:10,11).

Ma nistagħġeb xejn jekk twarrab dan t-tagħlim. Forsi tirraġuna: ‘Jien m’inix daqshekk ħażin! Tassew nagħmel ftit żbalji, iżda ma naħsibx li ħaqqni l-Infern. Lanqas nemmen li għandi qalb ħażina. Jekk irrid nista’ nobdi ’l Alla.’ Diskors bħal dan jikkonferma l-ingann ta’ qalbek għax mhux il-kelma ta’ bniedem tkun tirrifjuta, iżda l-ġudizzju t’Alla fuqek.

It-triq tas-salvazzjoni żgur ma ssibha qatt jekk ma tinżax minn fuqek il-kburija u l-ipokrezija. Lejn Alla jeħtieġ tersaq għeri, fqir, maħmuġ u midjun - kif tassew int.

Tamiet Foloz

L-Iskrittura għandha aħbar tajba għall-midneb: ‘Kristu Ġesu’ ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin.’ (1 Timotju 1:15). Qabel nitkellmu dwar il-fidwa ta’ Kristu, hemm bżonn inwissu dwar sqaqien li għalkemm iwiegħdu l-ħajja, fil-fatt iwasslu għat-telfien.

Mhux bil-Liġi

Ħafna jippretendu li jsalvaw għax għamlu ħilithom biex jobdu l-kmandamenti u wettqu xi opri tajba. Staqsejt diversi persuni: ‘Meta tidher quddiem Alla għaliex għandu jdaħħlek il-Ġenna?’ Kważi dejjem l-istess risposta nieħu: ‘Għax nipprova nobdi l-kmandamenti u għax nagħmel il-ġid. L-importanti li tgħix tajjeb.’

Jekk stajna nsalvaw b’ħilitna, għalfejn ġie Kristu fid-dinja u umilja lilu nnifsu sal-mewt tas-salib? Kieku stajna nsiru ġusti permezz tal-liġi, Kristu miet għalxejn!

Ħadd ma jista’ jsalva bil-kmandamenti għax ħadd ma jobdihom kif imiss. Għall-kuntrarju, il-Liġi li ksirt u għadek tikser, tikxef ħżunitek u tikkundannak. L-Iskrittura twissina li ħadd ma jkun ġustifikat (meqjus ġust minn Alla) bl-għemil tal-liġi; għax bil-liġi jintgħaraf id-dnub (Galatin 3:21,22; Rumani 3:20). Il-liġi tixbah mera li turik il-ħmieġ ta’ wiċċek iżda ma tistax tnaddfek minnu. Jekk trid il-ħelsien minn dnubietek jeħtieġ tfittex band’ oħra. Fuq is-Sinaj tfittex għalxejn għax il-fidwa tinsab fuq l-Golgota.

Mhux mill-Opri

Lanqas nistgħu nsalvaw bl-opri tagħna. Ma nistgħux inpattu għall-ħażen billi nwettqu ftit għemejjel tajba. Id-dnub ma jitħallasx bl-opri tajba, bil-penitenzi jew bir-riti reliġjużi. L-Iskrittura tgħallem li l-ħlas tad-dnub hu l-mewt, u mingħajr t-tixrid tad-demm m’hemmx maħfra (Rumani 6:23; Lhud 9:22)

Barra minn hekk l-Iskrittura tgħid li wlied Alla jsalvaw bil-grazzja tiegħu u mhux bl-opri tagħhom. ‘Għax bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi, u dan mhux minnkom infuskom: dan hu don t’Alla, mhux mill-opri biex ħadd ma jiftaħar’ (Efesin 2:8).

Ħafna Maltin għandhom idea żbaljata tal-grazzja t’Alla. Jaħsbu li jistgħu jagħmlu tajjeb għal dnubiethom u jimmeritaw (ikun jistħoqqilhom) il-grazzja.

Kieku stajt tikseb is-salvazzjoni bil-merti ta’ l-opri, Alla kien ikun midjun miegħek għax ‘min jaħdem, il-ħlas ma jingħaddlux bi grazzja, imma bħala dejn’ (Rumani 4:4). Iżda Alla mhu midjun ma’ ħadd. Alla jsalva l-midneb mhux għax ħaqqu imma biss skond il-ħniena u l-grazzja tiegħu. Is-salvazzjoni hi don b’xejn, mingħajr ħlas, mogħti mill-qalb tajba t’Alla lil kull min jemmen fi Kristu. Ma tistax issalva ruħek bil-grazzja u bil-merti ta’ għemilek. ‘Jekk bi grazzja, mela mhux minħabba l-għemil; inkella l-grazzja mhix aktar grazzja’ (Rumani 11:6).

Sikwit nisma’ l-istess oġġezzjoni: ‘Mela allura nista’ ma nagħmel xejn tajjeb u xorta nsalva!’ Jitkellem hekk min għadu ma fehemx il-messaġġ tal-Bibbja. Ulied is-saltna huma salvati ‘mhux mill-opri’ iżda ‘għall-opri tajba’ (ara Efesin 2:8-10). L-opri tajba mhumiex il-kawża iżda l-frott tas-salvazzjoni. Min jagħraf l-imħabba t’Alla, iħobb u jagħmel it-tajjeb mill-qalb.

Ebda Isem Ieħor

L-appostlu Pietru jgħid bla tlaqliq li Ġesu’ hu l-uniku Salvatur. ‘F’ħadd ieħor m’hemm salvazzjoni: għax m’hemm ebda isem ieħor taħt is-sema mogħti fost il-bnedmin, li bih nistgħu nkunu salvati’ (Atti 4:12).

F’Malta lkoll smajna b’Ġesu’ Kristu. Madankollu, minflok ifittxu l-ħelsien fi Kristu, ħafna Kattoliċi isejħu l-isem ta’ Marija jew xi wieħed mill-qaddisin. Marija hi omm il-Mulej skond il-ġisem u kull nisel isejħilha hienja. Iżda Marija mhix is-salvatur jew il-medjatur. Marija ma mititx fuq is-salib bi tpattija għal dnubietna. ‘Hemm Alla wieħed, u medjatur wieħed bejn Alla u l-bnedmin: il-bniedem Kristu Ġesu’, li ta lilu nnifsu b’fidwa għal kulħadd’ (1 Timotju 2:5,6).

Nappellaw lid-devoti ta’ Marija biex jagħtu kas il-Kelma t’Alla. Ma tistax issejjaħ l-isem ta’ Ġesu’ u l-isem ta’ Marija għas-salvazzjoni ta’ ruħek. Hemm isem wieħed li bih nistgħu nkunu salvati: l-isem ta’ Ġesu’ Kristu. Fuq kollox għandna nsegwu l-eżempju ta’ Marija, u bħalha nafdaw fil-Mulej Alla għas-salvazzjoni tagħna. Imbagħad flimkien magħha nkunu nistgħu nkantaw: ‘Ruħi tkabbar il-Mulej. U l-ispirtu tiegħi jithenna f’Alla s-Salvatur tiegħi’ (Luqa 1:46,47).

Il-Mulej Ġesú Kristu

‘X’għandi nagħmel biex insalva?’ L-Iskrittura twieġeb: ‘Emmen fil-Mulej Ġesu’ Kristu, u tkun salvat’ (Atti 16:30,31). Kristu jistieden lill-midinbin: ‘Ejjew għandi, intom ilkoll li taħdmu, u li intom mgħobbijin wisq, u jien inserraħkom’ (Mattew 11:28).

Min hu Ġesu’ u x’għamel speċjali biex nafda s-salvazzjoni ta’ ruħi f’idejh? B’kull rispett nistaqsu, għalfejn il-midneb għandu jmur għandu? L-Iskrittura tagħtina raġuni fuq raġuni...

1. Ejja għand Ġesu’ għax hu l-Iben etern t’Alla, il-Mulej tal-glorja. Kien minn dejjem mal-Missier, u bħalu, l-Iben għandu kull setgħa, jaf kollox, jinsab kullimkien u jagħti l-ħajja lil min irid. Kollox sar bih, u kollox iżomm bil-kelma setgħana tiegħu. Il-Mulej Ġesu’ jiggverna fuq il-ħolqien kollu bħala s-Sid tas-sidien, u s-Sultan tas-slaten.

Meta kien fid-dinja, Ġesu’ stqarr: ‘Jiena u Missieri ħaġa waħda aħna.’ Is-semmiegħa fehmuh sewwa x’ried ifisser. Qalulu: ‘Int, bniedem, tagħmel lilek innifsek Alla’ (Ġwanni 10:29-39). Ħasbuh qed jidgħi u ma striħux qabel sallbuh. Oħrajn emmnuh, qimuh, għexu u mietu għalih.

2. Ejja għand Ġesu’ għax hu l-Kristu, il-mibgħut t’Alla. Għalkemm id-dinja rribellat kontrih, Alla hekk ħabbha li ta l-Ibnu l-Waħdieni. Għalina l-bnedmin u għas-salvazzjoni tagħna l-Iben t’Alla sar bniedem bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu u twieled mill-verġni Marija. Il-profeziji miktuba sekli qabel fit-Testment il-Qadim li seħħew fih u l-mirakli bla għadd li għamel huma l-prova li Ġesu’ ta’ Nażaret huwa l-Kristu, is-salvatur mibgħut mis-sema.

3. Ejja għand Ġesu’ għax hu l-ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja. Għal sekli sħaħ Alla għallem il-poplu tiegħu li t-triq tar-rikonċiljazzjoni hi mċappsa bid-demm. L-eluf ta’ bhejjem sagrifikati fit-Testment il-Qadim huma xhieda li mingħajr tixrid ta’ demm m’hemmx maħfra. Naturalment is-sagrifiċċji tal-ħrief u l-għoġiela kienu stampa simbolika ta’ Kristu, il-ħaruf t’Alla.

Ġesu’ ġie biex jagħti ħajtu b’fidwa għal ħafna. Hu tgħabba bi dnubiet il-poplu tiegħu u patta għalihom darba għal dejjem fuq is-salib tal-Kalvarju.

‘Hu kien miġruħ minħabba ħtijietna, misħuq minħabba l-ħażen tagħna; il-kastig li bih għandna s-sliem kien fuqu...il-Mulej tefa’ fuqu l-ħażen tagħna lkoll’ (Isaija 53:5,6).

Tista’ tirrepeti dan il-kliem tant sinifikanti, u tgħid, ‘Kristu miet għalija’? Tkunu wiċċek tost jekk tgħid li Kristu miet għalik u fl-istess ħin tibqa’ tiffanga fi dnubietek jew ma tafdax kompletament fih. Ġesu’ ġie biex jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu, għal dawk li jisimgħu leħnu u jiġu warajh. Għalihom biss ta ħajtu fuq is-salib; lilhom biss jagħti l-ħajja eterna.

4. Ejja għand Ġesu’ għax hu l-Qassis maħtur minn Alla. Fit-Testment il-Qadim in-nies ma setgħux jidħlu fil-preżenza qaddisa t’Alla fit-tempju. Il-qassisin kienu jidħlu għalihom quddiemu. Din ukoll stampa ta’ verita’ spiritwali. Alla ma jgħammarx f’tempji magħmulin bl-idejn iżda fil-glorja tas-sema. Lanqas jista’ saċerdot uman, li hu nnifsu midneb, jidħol għalina quddiemu. Kristu waħdu huwa s-saċerdot perfett li daħal fis-sema biex jinterċiedi għal niesu fuq il-merti tad-demm li xerred fuq is-salib.

Kristu, ‘għax jibqa’ ħaj għal dejjem, għandu saċerdozju li ma jista’ jghaddi għand ħadd. Għalhekk jista’ wkoll isalva għalkollox lil dawk li bih jiġu għand Alla, billi hu dejjem ħaj biex jidħol għalihom’ (Lhud 7:24,25).

Kristu mhux għal kulħadd jinterċiedi iżda jitlob biss għal niesu: ‘Jien għalihom nitlob; ma nitlobx għad-dinja; iżda għal dawk li tajtni, għax huma tiegħek’ (Ġwanni 17:9). Ma niktibx hekk biex naqtagħlek qalbek, iżda biex noftmok minn tamiet foloz. Ejja għand Alla permezz ta’ dan is-Saċerdot; imbagħad tkun taf li fis-sema għandek difensur quddiem il-Missier.

5. Ejja għand Ġesu’, għax dak li darba umilja lilu nnifsu sal-mewt tas-salib, qam mill-mewt. Kieku kien falz u giddieb, il-mewt kienet ittemmu. Imma Kristu rxoxta, rebbieħ fuq ix-xitan, id-dnub u l-mewt. L-appostli u ħafna nies oħra jixhdu li rawh ħaj, u l-Ispirtu s-Santu kkonferma x-xhieda tagħhom b’sinjali u għeġubijiet, kif inhu miktub fit-Testment il-Ġdid. Kulma stqarr hu veru: huwa l-Kristu, il-Ħellies mibgħut mis-sema, hu tassew l-Iben t’Alla, ugwali mal-Missier. Ix-xogħol tal-fidwa fuq is-salib huwa mitmum, imwettaq u milqugħ minn Alla. Kristu miet darba, iżda issa ħaj għal dejjem. M’inix ngħidlek temmen f’ideal, filosofija jew reliġjon. Qed ngħidlek tiġi għand Salvatur ħaj.

6. Ejja għand Ġesu’ għax hu ħanin u tajjeb. Meta għex fuq l-art, irċieva għandu lil kulħadd: tfal, xjuħ, irġiel, nisa, l-għani, il-fqir, l-għaref u l-injorant. Laqa’ bil-qalb lill-midneb imwarrab u mistkerraħ mis-soċjeta’. Ilkoll ġew għandu u tahom merħba b’idejh miftuħa. L-istorja bdiet tinkiteb fil-Vanġelu u għadha tinkiteb sal-lum. Miljuni għadhom jiġu għandu u jixhdu li l-Mulej Ġesu’ rċevihom fi ħbiberija miegħu, u tahom maħfra u mħabba. Il-wegħda tiegħu tibqa’: ‘Dak kollu li jagħtini l-Missier, jiġi għandi; u min jiġi għandi żgur ma nitfgħux ’il barra’ (Ġwanni 6:37).

7. Ejja għand Ġesu’...għax hu ġej għandek. L-ewwel darba ġie fl-umilta’, fil-faqar u fid-dgħufija. Kristu għad jirritorna fil-glorja u qawwa kbira. Meta jiġi x’se jkun għalik: l-Imħallef li jikkundannak biex titbiegħed minnu u tinxteħet fl-Infern għall-kastig bla tmiem? Jew is-Salvatur u l-ferħ tiegħek għal dejjem? Jiddependi biss jekk tkunx smajt is-sejħa tiegħu u ġejt għandu.

Ejja Għand Kristu!

Sabiex tirċievi l-maħfra mingħand il-Mulej jeħtieġlek tindem u temmen fih. Ikun għalxejn tagħraf ħtijietek jekk tibqa’ ma tindimx. Hekk ukoll, xejn ma jiswielek jekk taf bil-qawwa ta’ Kristu li jsalva u tibqa’ ma temminx fih. Il-messaġġ tal-Evanġelju huwa ‘l-indiema lejn Alla u fidi f’Sidna Ġesu’ Kristu’ (Atti 20:21).

L-indiema ġenwina tinbet f’qalb maqsuma u sogħbiena. Sewwa tagħmel jekk tibki u tagħli meta tagħraf il-vilta’ ta’ qalbek u kif sfidajt ’l Alla bi dnubietek. Sewwa tammetti quddiemu li int ħati u ħaqqek il-kundanna u l-għadab tiegħu fl-Infern. Iżda l-indiema hi aktar minn dispjaċir. Jeħtieġ tieqaf tgħix skond ir-rieda u l-pjaċiri tiegħek. Bħall-iben il-ħali, qum u ħalli warajk il-ħajja tad-dnub, u ejja lura d-dar biex taqdi l-Mulej Alla l-jiem kollha ta’ ħajtek. ‘Ħalli l-ħażin jitlaq triqtu, u r-raġel tal-ħażen ħsibijietu u ħa jerġa’ lejn il-Mulej, u hu jħenn għalih; u lejn Alla tagħna għax hu mimli bil-maħfra’ (Isaija 55:7).

Il-fidi ġenwina hi fiduċja sħiħa fil-Mulej Ġesu’. Agħmel kuraġġ u mur għandu. F’idejk tiħux ‘il-merti tiegħek’ iżda ħu l-ħażen u l-mistħija tal-wiċċ. Sejjaħ ’l Ismu u itolbu jkollu ħniena minnek. Itolbu jaħfirlek f’ġieħ id-demm li xerred fuq is-salib. Jekk tassew temmen fi Kristu tkun tista’ tgħidlu: Mulej Ġesu’, int waħdek is-Salvatur tiegħi. Ma nittamax iżjed fija nnifsi, fl-opri tajba, fil-penitenzi jew f’xi ħadd ieħor. Int biss it-tama tiegħi.

Fittixna fl-Iskrittura t-triq tas-salvazzjoni. It-tweġiba sibniha: Il-Mulej Ġesu’ Kristu hu s-salvazzjoni.

Qed tħoss il-piż ta’ dnubietek fuq spallejk? Qed tagħraf li b’ħiltek ma tista’ qatt tixtri l-ħelsien? Aqta’ qalbek, mela, minnek innifsek u appella għall-ħniena t’Alla. Ejja għand Kristu. Ejja b’qalb niedma u b’fiduċja fih, u ssib is-serħan għal ruħek. Jekk illum tisma’ leħnu, la twebbisx qalbek.

‘Ejjew għandi!’

Kitba Evangelika Online