Sola Scriptura

L-Unika Regola Infallibli tal-Fidi

Miktub minn Joe Mizzi

Il-knisja vera t’Alla tixbaħ dar mibnija fuq sisien sodi: ‘mibnijin fuq il-pedamenti ta’ l-appostli u tal-profeti, b’Ġesu' Kristu nnifsu bħala l-ħaġra ta’ l-għareb’ (Efesin 2:20).

Matul l-istorja, Alla rrevela lilu nnifsu u r-rieda tiegħu permezz tal-profeti, li ħabbru l-miġja tal-Messija li fih għarafna ’l Alla veru u ksibna s-salvazzjoni. L-appostli xandru lil Kristu, li fih ‘it-teżori kollha tal-għerf u tat-tagħlim.’ Għalhekk dawk li jgħallmu u jobdu t-tagħlim tal-profeti u l-appostli huma tassew il-poplu li jisma’ minn Alla.

Min jgħallem dottrina ta’ oriġni umana, jew iħallat il-Kelma t’Alla mat-tagħlim tal-bniedem, mhux tassew dixxiplu ta’ Kristu għax ma jserraħx fuq il-pedament mqiegħed minn Alla. Il-Kelma tal-Mulej hija blata soda; għerf il-bniedem hu tafal. L-appostlu Pawlu jwissina biex ma nħallu lil ħadd iħassarna b’filosofija u tagħlim tal-bniedem. Hekk ukoll Sidna Ġesu' ċanfar bl-aħrax lill-mexxejja Lhud u wissihom li l-qima tagħhom ma kinitx aċċettata minn Alla. Mhux għax ma kinux reliġjużi. Mhux għax ma kellhomx ħeġġa. Mhux għax ma kienux jemmnu tagħlim ta’ l-Iskrittura. Iżda għax żiedu t-tagħlim tax-xjuħ mal-Kelma t’Alla. Iż-żieda ta’ l-ideat umani, bħaż-żieda tal-valenu ma’ l-ilma pur, iħassar Kelmet il-Mulej (Mark 7:5-13).

Tagħlim l-Appostli

Il-mistoqsija tiġi weħidha: X’inhu t-tagħlim tal-profeti u l-appostli? X’kienu jxandru u jgħallmu? Kif nistgħu nagħrfu d-dottrina tagħhom ladarba llum m’għadhomx magħna? Alla, fil-providenza għarfa tiegħu, ried jiġbor ir-rivelazzjoni tiegħu għall-ġenerazzjonijiet ta’ wara sa l-aħħar taż-żmien fi Ktieb -- l-Iskrittura Mqaddsa. Mose', Isaija, Pawlu u Pietru niżżlu bil-kitba t-tagħlim fdat lilhom minn Alla. Għalhekk illum, għalkemm ilhom li mietu, xorta waħda nistgħu niskopru tagħlimhom billi nistudjaw il-Bibbja.

Irridu nżidu li l-kotba tal-Bibbja mhumiex sempliċement kitbiet umani. L-Iskrittura hi ispirata minn Alla. L-Ispirtu s-Santu mexxa lill-awturi sagri biex jiktbu eżattament dak li riedhom Hu. Għalhekk bir-raġun kollu nsejħu l-Bibbja l-Kelma t’Alla.

Il-Pożizzjoni Evanġelika

L-Insara Evanġeliċi jsostnu li ‘t-tagħlim ta’ l-appostli u tal-profeti’ huwa miġbur fil-kotba tat-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid. Konvinti li l-Iskrittura biżżejjed biex twassalna għas-salvazzjoni. Ma jonqosna ebda tagħlim ieħor biex nogħġbu ’l Alla tul ħajjitna. Din iċ-ċertezza ksibniha mill-Bibbja stess:

L-Iskrittura Mqaddsa...tista’ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi, li hi fi Kristu Ġesu'. L-Iskrittura kollha hi mogħtija b’ispirazzjoni minn Alla, u tiswa għat-tagħlim, għaċ-ċanfir, għat-twiddib, għat-taħriġ fil-ħaqq, biex il-bniedem t’Alla jkun perfett, imrawwam għal kull għemil tajjeb (2 Timotju 3:15-17).

Mela, għall-għerf li jwassal għas-salvazzjoni, neħtieġu l-Iskrittura Mqaddsa. Biex inkunu perfetti, preparati għal kull għemil tajjeb, neħtieġu biss l-Iskrittura kollha. Ma nażżardawx naqbżu l-limiti ta’ dak li ġie miktub b’ispirazzjoni minn Alla. (Dewteronomju 4:2; Proverbji 30:5,6; Rivelazzjoni 22:18,19).

Il-Pożizzjoni Kattolika

Il-knisja Kattolika twieġeb mod ieħor. Filwaqt li tilqa’ l-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla, tinsisti li l-Bibbja mhix biżżejjed. Magħha tqis il-ħtieġa ta’ għajn oħra, ‘it-tradizzjoni.’ Il-knisja Kattolika ‘ma tiksibx iċ-ċertezza tagħha dwar kull ma ġie rivelat mill-Iskrittura Mqaddsa biss. Għalhekk, kemm it-Tradizzjoni, u kemm l-Iskrittura Mqaddsa, għandhom jiġu milqugħin u meqjuma bl-istess sentimenti ta’ tjieba u qima’ (Konċilju Vatikan II, Dei Verbum).

Skond id-dottrina ta’ Ruma, it-tradizzjoni twasslilna it-tagħlim ta’ Ġesu' u l-Ispirtu s-Santu mogħti lill-appostli li mhux imniżżel fit-Testment il-Ġdid. It-Tradizzjoni hi meqjusa bħala ‘trasmissjoni ħajja’ permezz ta’ l-isqfijiet, li Ruma tqishom is-suċċessuri ta’ l-appostli (ara Katekiżmu 77-82).

Il-knejjes Evanġeliċi u l-knisja Kattolika t-tnejn isostnu li huma msejsa fuq il-pedament ta’ l-appostli u l-profeti. Għall-Evanġeliċi dan it-tagħlim hu miġbur fil-Bibbja biss (Sola Scriptura); għall-Kattoliċi, fil-Bibbja u t-Tradizzjoni. Il-Kattoliċi jakkużaw l-Evanġeliċi li għandhom parti mill-pedament nieqes. L-Evanġeliċi jwissu lill-Kattoliċi biċċa mill-pedament tagħhom hu tafal.

Argumenti Kontra Sola Scriptura

Kittieba kattoliċi jippreżentaw diversi argumenti kontra Sola Scriptura u favur il-ħtieġa tat-Tradizzjoni. Ħalli naraw tlieta minnhom.

1. Il-Bibbja ma tinkludix dak kollu li għamel u għallem Ġesu', lanqas m’hemm miktub kulma xandru l-appostli.

Tassew! L-Iskrittura ma fihiex kull m’għamel Ġesu' jew kull kelma li xandru l-profeti u l-appostli. Fi tmiem l-evanġelju, Ġwanni jammetti li minbarra l-ħwejjeġ li kiteb, hemm ħafna oħrajn li ma kitibx. Kieku kellhom jinkitbu, jkompli jgħid, naħseb li lanqas id-dinja nfisha ma tista’ tasa’ l-kotba li jinkitbu (Ġwanni 21:25).

Iżda dan mhux argument favur il-ħtieġa tat-tradizzjoni. Għax lanqas it-tradizzjoni ma twasslilna kulma għamel u qal Ġesu'. Anzi nistaqsi, x’għemejjel u diskors ta’ Ġesu' jew l-appostli twasslilna fiċ-ċert it-tradizzjoni? Xi kliem jew għemil ta’ Ġesu' tgħallimt mit-tradizzjoni u mhux mill-Bibbja? Xejn!

Il-kwistjoni mhix jekk fil-Bibbja għandniex tagħrif komplet li ma jħalli xejn barra (ladarba lanqas it-tradizzjoni ma twasslilna tagħrif bħal dan). Iżda l-mistoqsija hi din: Dak li hu miktub hu biżżejjed għas-salvazzjoni tagħna? L-appostlu Ġwanni jgħid: ‘U tassew ħafna mirakli oħra għamel Ġesu' quddiem id-dixxipli tiegħu, li ma nkitbux f’dan il-ktieb.’ Le, mhux kollox inkiteb. Iżda dak li nkiteb hu biżżejjed? Ġwanni jkompli: ‘Imma dawn inkitbu, biex temmnu li Ġesu' hu l-Kristu, Bin Alla; u biex billi temmnu, ikollkom il-ħajja f’ismu’ (Ġwanni 20:30,31). Iva, biżżejjed biex nagħrfu lil Kristu u jkollna il-ħajja eterna fih. Kif rajna qabel, l-Iskrittura Mqaddsa ‘tista’ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni.’

2. Il-knisja ġiet qabel l-Bibbja. Fil-bidu l-Insara kienu mgħallmin bil-fomm mill-appostli. Fil-knisja bikrija ma kellhomx l-Iskrittura.

Veru, fil-bidu l-knisja kienet mgħallma mill-appostli bil-fomm u bil-kitba (ara 2 Tessalonikin 2:15; 1 Korintin 11:2). Iżda llum m’għadniex fil-bidu. L-appostli mietu u m’għandniex il-privileġġ nisimgħu l-Kelma t’Alla direttament minn fommhom. X’aċċess għandha il-knisja llum, fl-assenza ta’ l-appostli, għat-tagħlim tagħhom? Il-kotba tat-Testment l-Ġdid iwasslulna tagħlimhom bl-iswed fuq l-abjad. Imma t-tradizzjoni, xi twasslilna? Forsi l-isqfijiet kattoliċi jfesfsu f’widnejn xulxin xi tagħlim sigriet ta’ appostli biex jgħadduh minn ġenerazzjoni għall-oħra?

Mhux veru li fil-bidu l-knisja kienet nieqsa mill-Iskrittura. Kellhom il-kotba kollha tat-Testment il-Qadim, li jagħmlu madwar tlett kwarti tal-Bibbja kollha. Sidna Ġesu' u l-appostli tiegħu kienu kontinwament jirreferu għal ‘kif inhu miktub’. Fit-Testment il-Ġdid hemm mijiet ta’ referenzi u kwotazzjonijiet mit-Testment il-Qadim. Għaffru li l-Iskrittura tal-profeti tagħti xhieda dwar Kristu. Fi żmien l-appostli, l-Insara kienu jfittxu kuljum fl-Iskrittura (Atti 17:11). Sa tmiem l-ewwel seklu, il-kotba tat-Testment il-Ġdid kienu kollha miktuba, moqrija u mgħallma fil-knejjes ta’ Kristu.

3. Kienet il-knisja Kattolika li tatna l-Bibbja. Kieku ma kinitx għall-knisja li għarrfitna liema huma l-kotba ispirati, lanqas biss kien ikollna Bibbja. Għaliex mela ma nafdawx il-knisja li twasslina wkoll it-tagħlim t’Alla permezz tat-Tradizzjoni?

Dan l-argument iqiegħed il-mexxejja tal-Knisja Kattolika ’l fuq mill-Bibbja u mit-Tradizzjoni. Għalkemm popolari, dan l-argument imur kontra t-tagħlim uffiċjali tal-Knisja Kattolika. Il-Konċilju Vatikan I jammetti li ‘dawn il-kotba li l-knisja tqis bħala qaddisa u kanoniċi, mhux għax approvathom bl-awtorita' tagħha...iżda għax, billi inkitbu bl-ispirazzjoni ta’ l-Ispirtu s-Santu, l-awtur tagħhom hu Alla, u hekk kienu fdati lill-knisja.’

Il-knisja ma tatniex il-Bibbja. Kien Alla li ta l-Bibbja lill-Knisja. L-Iskrittura hi l-Kelma t’Alla mhux il-kelma tal-knisja.

Huwa veru li l-Insara ħadmu biex jagħżlu minn fost ħafna kitbiet reliġjużi l-kotba ispirati. Il-Mulej Ġesu' qal li n-ngħaġ tiegħu jisimgħu leħnu, u bl-għajnuna t’Alla ġabru flimkien il-kotba kollha tat-Testment il-Ġdid u warrbu fil-ġenb kitbiet oħra ta’ oriġni umana. B’daqshekk ma jfissirx li l-valur tat-Testment il-Ġdid jiddependi fuq il-knisja. L-Insara għażlu l-ġawhar minn fost il-biċċiet tal-ħġieġ. Ma tawx il-valur lill-Kotba Mqaddsa, iżda għarfu l-istima infinita tagħhom. Jonqos minna biss li nitgħallmuhom, nemmnuhom u nobduhom.

L-argumenti Kattoliċi ma jġarrfux s-swar ta’ Sola Scriptura. Wisq anqas jagħtu prova favur l-ħtieġa jew l-awtorita' tat-tradizzjoni.

Bit-tradizzjoni l-knisja Kattolika daħħlet tagħlim żejjed li ma jinstabx fil-Bibbja (bħala huma d-dommi tal-Kunċizzjoni, 1854; u l-Assunzjoni, 1950). Ruma tinsisti li dawn huma veritajiet neċċessarji għas-salvazzjoni, u min ma jilqagħhomx ikun ċaħad il-fidi. Imma, peress li l-Bibbja hi biżżejjed biex tgħarrafna s-salvazzjoni bil-fidi fi Kristu Ġesu', il-tagħlim Kattoliku jgiddeb l-istess il-Kelma t’Alla.

Mhux biss, matul is-sekli l-knisja Kattolika żiedet tagħlim kuntrarju għat-tagħlim ċar ta’ l-Iskrittura. Ngħidu aħna, it-tieni kmandament jipprojbixxi l-użu ta’ xbihat minquxa fil-qima t’Alla. Iżda flok tinsisti fuq dan il-kmandament, Ruma tenkoraġġixxi l-qima ta’ l-istatwi. Il-Bibbja tgħallem ukoll li b’sagrifiċċju wieħed darba għal dejjem Kristu jeħles lill-poplu tiegħu minn dnubiethom. Illum m’hemmx iżjed offerti għad-dnub. Iżda Ruma tisħaq li l-quddiesa hija t-tkomplija ta’ l-istess sagrfiċċju. Il-Bibbja tgħallem li s-salvazzjoni tinkiseb bil-fidi fi Kristu biss, bil-grazzja pura t’Alla fuq il-merti ta’ Kristu waħdu; Ruma tgħallem li l-mertu tas-salvazzjoni hu tal-bniedem ukoll li jikseb bl-opri tiegħu.

Sola Scriptura!

Minn żmien ir-Riforma Protestanta, eluf ta’ Kattoliċi sabu l-ħelsien u l-ħajja meta fetħu u studjaw il-kotba ta’ l-Iskrittura. It-tradizzjoni li nibtet u nġabret matul is-sekli għakkset id-dawl ta’ l-Evanġelju. Imma issa skoprewh. Sabuh fil-Kotba Mqaddsa. It-tagħrif li l-Mulej għoġbu jurina fl-Iskrittura dwaru u dwar il-bniedem huwa biżżejjed. Biżżejjed ukoll il-kmandamenti tiegħu biex iddawwlulna l-mogħdija tagħna. Biżżejjed il-wegħdi prezzjużi li tana. Għax l-Iskrittura turina lil Kristu, is-salib tiegħu, il-qabar vojt, it-tron glorjuż, it-tama tal-miġja tiegħu. Ma neħtieġu xejn iżjed.

Għalhekk għollew leħinhom u għajjtu: Sola Scriptura! Telqu mill-knisja li gerfxet it-tagħlim pur tal-Kelma biż-żieda tat-tradizzjoni. U nġabru fi knejjes mmexxija mill-Ispirtu ta’ Kristu permezz tal-Kelma tiegħu miktuba fil-Bibbja.

Jekk inti Kattoliku, qis sewwa l-pedament tal-fidi tiegħek. Wissiena Kristu li jekk dar ma tinbeniex fuq il-blata tal-Kelma tiegħu tiġġarraf f’jum il-prova. Warrab it-tagħlim tal-bniedem, ħu f’idejk il-Bibbja, il-Kelma t’Alla. Fiha hemm it-triq ċerta tas-salvazzjoni.

Jekk int Evanġeliku, tinsiex min fejn ġejt. Inti wkoll darba kont tafda tagħlim it-tradizzjoni. Bil-grazzja t’Alla għaraft lil Kristu permezz tal-messaġġ bibliku. Tħalli lil ħadd issa jqarraq bik b’rivelazzjonijiet taparsi ta’ l-Ispirtu, bil-psikoloġija jew il-filosofija umana, jew bit-tradizzjoni umana li nibtet fid-denominazzjoni tiegħek.

Kitba Evangelika Online