|
GHALIEX QED NGHIX? Miktub minn Joe Mizzi Meta kien qed joqrob lejn tarf ħajtu, fl-aħħar album tiegħu Freddie Mercury jistaqsi: What are we living for? Ried jagħlaq il-kotba u jara xi qliegħ kien għamel. Kien raġel intelliġenti fix-xjenza u ġenju fl-arti u l-mużika. Għix kif xtaq mingħajr irbit u indħil ta’ ħadd. Kiseb popolarità enormi u magħha, propjetà u flus bir-radam. Iżda milli jidher xejn minn dawn il-ħwejjeġ ma kellu valur dejjiemi f’għajnejh. Kellu kulma tista’ toffri d-dinja iżda ma kellux it-tweġiba għall-mistoqsija fundamentali: What are we living for? Għaliex qed ngħixu? Neżiti -- imma għal liema raġuni? Ħaj -- imma xi skop għandha l-ħajja? Forsi hi dramm traġiku fuq palk imċappas b’għaraq, demm u dmugħ? Nirreċta l-parti tiegħi għal ftit mumenti biex imbagħad nidħol wara l-kwinti u ma nidhirx aktar? Il-ħajja forsi dawra sfrenata ma’ roundabout sakemm ngħajjew u nistordu? Jew vjaġġ li jieħdok x’imkien? U jekk il-ħajja hi vjaġġ, x’inhi d-destinazzjoni finali? Il-qabar? Jgħidu li hemm ħajja oħra wara l-mewt. Min jaf? Min mar u reġgħa ġie? Kultant nissuspetta li l-ħsieb ta’ l-immortalità hu l-invenzzjoni tal-bniedem għatxan qed jipprova jagħti tifsira lill-frugħa ta’ l-erbat ijiem qorsra li jqatta’ fuq l-art. Jgħidu li l-iskop tal-ħajja hi l-imħabba. Imma xejn daqs l-imħabba ma tnissel imrar u dwejjaq. Staqsi li min kien tradut mill-akbar ħabib. Mur sabbar il-qalb maqsuma ta’ tfajla li afdat f’ġuvni li daħaq biha. Kellem lill-armla li tilfet is-sieħeb ta’ ħajjitha. Il-mewt tibdel l-imħabba u kulma hu sabiħ fi frugħa u disprament. Għax kollox jissaddad, jeqdiem, jitħassar u jispiċċa. L-istudent jaħseb li se jistrieħ meta jgħaddi mill-eżami. It-teenager jaħseb li jsib il-milja fin-namur u d-divertiment. L-għarajjes meta jiżżewġu, jibnu ‘il-palazz’ tagħhom u jkollhom tarbija. L-isportiv meta jirbaħ il-kampjonat. Min hu qiegħed meta jsib impjieg. Min jaħdem meta joħroġ bil-pensjoni. Il-fqir meta jsir sinjur. Is-sinjur meta jkollu dak li għad m’għandux. U nibqgħu sejrin... sa l-Addolorata. Qed niġru wara bżieżaq tas-sapun, imsaħħra bl-ilwien sbieħ tagħhom, li meta jirnexxielna naqbudhom f’idejna jinfaqgħu u jisparixxu fix-xejn. Madankollu, donnu ma nistgħux ngħixu bla skop. Xi ħaġa fina ġġagħlna nkomplu nsegwu l-ħolmiet tagħna. Bħal raġel għattxan ikompli jfittex qatra ilma, hekk aħna nkomplu nittamaw li nsibu għan dejjiemi. Xi traċedja tkun jekk meta nsarrfu l-ħolm tagħna f’realtà, nintebħu li r-realtà mhix għajr ħolm u illużjoni. Fuq is-sodda tal-mewt tħares lura u tirrealizza tard wisq li kont tiġri wara r-riħ. Li ħajtek ma tiswa’ xejn, bla valur, frugħa. Li ilma bqajt ma sibt imkien, u meta ħsibt li rajt l-ilma jleqq, kien biss miraġġ. Ghaliex Qed Nghix? Il-mistoqsija ssir aktar urġenti: Għaliex qed ngħixu? Is-siġra tagħmel il-frott. L-għasfur itir u jogħla lejn is-sema. U jien, bniedem, x’inhu l-iskop tiegħi? X’inhu dak l-ispazju immens f’ruħi li d-dinja kollha ma tistax timla? X’inhu dak l-għatx li l-ilmijiet kotrana ma jistgħux jissodisfaw? Fittixt it-tweġiba fix-xjenza u ma sibthiex. Staqsejt lix-xjentist jekk jeżistix Alla. Weġibni li meta telgħu fl-ispażju ma rawħx. Staqsejtu min fejn oriġina l-univers u weġibni li l-univers beda mix-xejn mingħajr ebda kawża. Staqsejtu kif bdiet il-ħajja u qalli li din ukoll bdiet weħida. Mingħajr disinn intelliġenti, il-kaos inbidel spontanjament f’ordni u ħajja. U fl-aħħar staqsejtu min hu l-bniedem u x’inhu l-iskop tiegħu. Qalli, il-bniedem hu annimal li evolva aktar minn annimali oħra. Iżda fl-aħħar mill-aħħar il-bniedem hu annimal bħall-oħrajn. Jgħix u jmut biex jitkompla ċ-ċirklu tal-ħajja. Min jista’ jgħix bi ħsibijiet bħal dawn? Kif nista’ nissaporti ħajja bla skop? Mhux għalhekk kulħadd jiffissa f’xi ħaġa: fl-istudja, xogħol, sports, fil-partner, id-divertiment jew flus? Irridu naljenaw ruħna u aktar min kollox irridu ninsew li l-fissazzjoni tagħna wkoll tintemm bħal sigarett. Għalhekk morna Paceville, il-każin, it-tombla u l-ground. Jekk ma nieħdux ‘buzz’ issa meta se neħduh? Il-Hajja Ghandha Valur! Imma l-ħajja bil-fors għandha valur aktar minn hekk. Xi darba messejt, imqar għal mument wieħed, realtà ogħla u sublimi. Tiftakar meta darba ħabbejt? Tiftakar meta darba ħarist mistagħġeb lejn is-sema bil-lejl mixgħul b’elf musbieħ inemnem? Tiftakar meta ħassejt il-weġgħa tal-ħtija tad-dnub? Hemm Ktieb li jisfida l-filosofija materjalista tagħna. ‘Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art . . . Alla ħalaq il-bniedem fuq xbieha tiegħu’ jgħarrafna l-Ħallieq fl-ewwel paġna tal-Bibbja. Hemm realtà ogħla mill-ħolqien. U jien għandi sinifikat għax kont magħmul fuq is-sura ta’ Alla. Nixbaħ ‘l Alla għax bħalu nifhem, naħseb, nagħżel u nħoss. Jien persuna u għaldaqstant nista’ nidħol f’relazzjoni personali miegħu u ma bnedmin oħra. Ħalaqni biex inħobbu, inqimu u ngawdih. ‘Bħal għażżiela mlebilba għall-ilma ġieri, hekk ruħi hi mlebilba għalik, o Alla. Ruħi għatxana għal Alla.’ (Salm 42:1,2). Iżda l-personalità tagħna hi mgħarrqa bid-dnub, l-isfida kontra l-ħakma tal-Ħallieq. Ħajt tal-konkos jifred il-bniedem minn Alla. Il-bniedem jixbaħ għasfur bi ġwinħajh miksurin imsakkar ġo gaġġa. Għandu l-aspirazzjoni li jtir iżda minflok iġarrab il-frustazzjoni ta’ l-għeluq. Il-Mulej Ġesu’ Kristu hu l-uniku tama għall-bniedem. Hu qal ‘Jien hu l-Ħajja.’ Lili fejjaqli ġwinħajja, fetaħli beraħ il-gaġġa biex nogħla lejn is-sema, għax wara kollox, dan hu l-iskop ta’ l-eżistenza tiegħi. Is-sejħa tiegħu għadha tidwi sal-lum. ‘Jekk xi ħadd għandu l-għatx, ħa jiġi għandi u jixrob.’ |