|
Kif nista' nemmen f'Alla li ma narax? Miktub minn Joe Mizzi Mort inżur lil Joe, ħabib minn tfuliti, u miegħi ħadt geġwiġija ħsibijiet. Sa minn ċkuniti ommi, missieri u l-għalliema tar-reliġjon indottrinawni fuq Alla. “Alla jinsab fis-sema... Alla ħalaq kollox... Alla jarak il-ħin kollu... Alla ma jiħux pjaċir jekk ma tobdix...” Qatt ma niftakar żmien li ma kontx nemmen f’Alla, imma qatt ma kont staqsejt għaliex nemmen. Fejn jifhmu l-ġenituri jew l-għalliema? Lanqas huma qatt ma rawh. Għallmuni li fil-bidu Alla ħalaq il-bniedem. Min jaf kienx il-bniedem li ħalaq ‘l Alla fl-immaġinazzjoni tiegħu? Dħalt id-dar ta’ sieħbi. Sibtu qed jilgħab bil-Lego fuq mejda fil-kamra tat-televixin. ‘Joe,’ bdejt mingħajr ma tajtu ċans isellimli, ‘kif taf li hemm Alla?’ Baqa’ jilgħab donnu ma semgħanix. ‘Ix-xjenza qatt ma skopriet lil Alla, anzi, għall-kuntrarju, illum l-evoluzzjoni skreditat il-ħrafa ta’ Adam u Eva u tal-ħolqien. Alla, tgħid int, ma jidhirx. Skuża konvenjenti! Irrid evidenza loġika li hemm Alla...’ Dar fuqi, tani f’idejja blokka ħamra tal-Lego, u qalli, ‘L-evidenza qiegħda f’idek.’ Bqajt niċċassa lejn il-blokka. X’għandha x’taqsam mal-mistoqsija? Ipprovajt naħseb... imma ma stajtx nara x’ried ifisser. Waqaf mil-logħob. Dar fuqi u staqsieni: ‘Dik il-blokka eterna?’ ‘Le, xi ħadd għamilha mill-plastik, imma x’għandu x’jaqsam...’ ‘U l-plastik li għamluha minnu, etern?’ ‘Le, il-plastik għamluh miż-żejt.’ ‘U ż-żejt etern?’ ‘Le, ifforma eluf ta’ snin ilu mis-siġar u l-ħxejjex.’ ‘Is-siġar u l-ħxejjex eterni?’ ‘Le! Le!’ weġibt irritat, ‘Infatti la d-dinja, la s-Solar System, la l-Milky Way, u lanqas l-univers m’huma eterni.’ ‘Allura?’ staqsieni. ‘Trid tgħid li xi ħadd għamilhom?’ ‘Huwa loġiku jew illoġiku tgħid li x-xejn sar xi ħaġa? Huwa loġiku jew illoġiku tistqarr li xi ħadd ħalaq kollox?’ ‘Skond it-teorija tal-Big Bang jingħad li l-univers beda bi spluzzjoni ta’ ‘primeval atom’ 13-il biljun sena ilu.’ ‘Ejja nassumu li din it-teorija korretta. Min fejn oriġinat dik il-‘primeval atom’, weġibni?’ ‘Xi xjentisti jemmnu li dik il-‘primeval atom’ kienet minn dejjem...’ ‘X’għadek kemm għidt?’ qabeż f’nofs sentenza. ‘Jemmnu...’ bdejt nirrepeti jien. ‘Jemmnu?’ reġa’ nterrompieni. ‘Iva, hekk jemmnu.’ ‘Għandhom evidenza xjentifika għaliex jemmnu hekk?’ Ħsibt, u wara ftit sqarrejt: ‘Le, safejn naf jien m’għandhomx.’ ‘Għaliex mela jemmnu li dak l-atomu huwa etern? Jista’ jkun li għandhom xi pretensjoni filosofika?’ ‘Issa qed nifhem,’ weġibt b’entużjażmu. ‘Xi xjenzati huma ateisti, imma l-ateiżmu tagħhom m’għandu x’jaqsam xejn mal-fatti tax-xjenza. Il-Big Bang forsi tispjega l-iżvilupp ta’ l-univers. Imma ma tweġibx il-mistoqsija ewlenija: Min fejn oriġina l-univers?’ ‘Erġa’ ħares lejn il-blokka tal-Lego, u għidli tweġibx il-mistoqija tiegħek.’ Ħarist lejha, u wara ftit bdejt nitkellem, aktar miegħi nnifsi milli ma’ ħabibi. ‘Il-Lego u l-bqija ta’ l-univers m’humiex eterni. Imma il-Lego u l-univers jeżistu. Bilfors mela kien hemm xi ħadd qabel l-univers li ħalaq l-univers.’ Irringrazjajtu u tlaqt lejn id-dar. Fuq il-komodina poġġejt biċċa evidenza loġika għall-eżistenza t’Alla - blokka ħamra tal-Lego. * * * Meta stenbaħt ix-xemx kienet diġa’ telgħet. Bqajt nitgħażżen għal ftit fis-sodda. Kien is-Sibt, u ma kienx hemm għalfejn inqum kmieni nipprepara għall-iskola. ‘Ladarba l-univers mhux etern, bilfors hemm Alla,’ bjedt naħseb bejni u bejn ruħi. Ġieni ħsieb ikraħ. ‘Stenna ftit! Min jaf, forsi dak l-atomu oriġinali fil-fatt kien etern. Tassew m’hemmx prova xjentifika li kien hekk imma lanqas hemm prova xjentifika li ma kienx.’ Ħriġt minn taħt il-kutri. Ħallejt is-sodda mqallba, qbadt il-blokka tal-Lego u erġajt tlaqt għal għand Joe. Daħħalni fil-kamra tat-televixin. Innotajt li kien bena kastell elaborat bil-Lego. Imma ħsiebi ma kienx fil-logħob. ‘L-eżistenza ta’ l-univers mhix prova ta’ l-esistenza t’Alla,’ bdejt jien. ‘Jekk l-univers huwa etern, m’hemmx ħtieġa ta’ ħallieq.’ ‘Sewwa qed tgħid,’ weġibni xott xott. ‘Dawk huma ż-żewġ possibiltajiet loġiċi: jew univers temporanju u Alla etern, jew univers etern u Alla fittizju jirreġistra għax-xogħol.’ ‘Imma l-eżistenza ta’ l-univers mhix prova ċerta ta’ l-eżistenza t’Alla.’ ‘Hekk hu,’ kompla bl-istess ton. ‘Mela l-argument tal-bieraħ ma wassalna mkien.’ ‘Mhux eżatt. Inti tlabt evidenza loġika favur l-eżistenza t’Alla. Il-konklużjoni tiegħek li jeżisti ħallieq etern tiddependi fuq il-premessa li l-univers mhux etern – xi darba, jekk trid, niddiskuta dan il-punt. Imma l-argument tiegħek jibqa’ validu.’ ‘Iva. Imma mhux biżżejjed. Hawn ħa, ġibtlek lura l-Lego li ħadtlek il-bieraħ.’ Irringrazjani u offrieli kikkra kafè. M’għidtlux le, u biex inbiddel id-diskors, komplejt: ‘Prosit kemm ġie sabiħ il-kastell. Kemm domt biex bnejtu?’ ‘Kif taf li bnejtu jien?’ ‘Mhux ovvju! Jekk ma bnejtux int, xi ħadd bnieh żgur.’ ‘Ngħidlek is-sew, jien bnejtu. Imma fil-fatt seta’ bnieh in-nepputi tiegħi.’ ‘Min, Michael? Mela tifel ta’ tlett snin jista’ jibni kastell artistiku bħal dak, jew?’ ‘Ma tridx wisq għerf. Kulma għamilt qegħedt il-blokki kollha ġo kaxxa tal-kartun, ħallatthom sew, u ara, dan hu r-riżultat li ħareġ.’ ‘Joe, m’għandix aptit ċajt. Biżżejjed ħawwadtni dwar il-kwistjoni ta’ l-eżistenza t’Alla.’ ‘Andrè, qed inkompli ma’ l-argument tal-bieraħ. Qed nagħtik iżjed evidenza favur l-eżistenza t’Alla. Għidli, għaliex il-kastell ma setax jinbena waħdu?’ ‘Tajba din! Sa fejn naf jien, xi ħaġa kumplessa ma tiġix weħidha, hekk b’kumbinazzjoni. Hemm bżonn moħħ biex jaħsibha u jibniha. Ma naħsibx li Leonardo Da Vinci xerred iż-żebgħa fuq it-tila u ħarġet il-Mona Lisa. Jekk hemm dar ifisser li hemm perit u bennej; jekk hemm karozza, ifisser li hemm disinjaturi u ħaddiema tas-sengħa.’ ‘Prosit. Fil-laboratorju tal-bijoloġija tara evidenza favur ħallieq intelliġenti?’ ‘Ikolli ngħid li l-pjanti u l-annimali għandhom livell ta’ komplessità stupenda, ferm aktar millli nistgħu nimmaġinaw. Però fil-bijoloġija jgħallmuna li l-ħajja evolviet mill-kimiċi fuq medda ta’ miljuni ta’ snin.’ ‘Oriġini spontanja, hux? Imma dik it-teorija ma kinitx skreditata minn Louis Pasteur?’ ‘Veru. Qabel kienu jaħsbu li d-dud jiżviluppa spontanjament mil-laħam mnawwar u l-bacteria minn materjal organiku. Pasteur wera li l-ħajja tiġi dejjem mill-ħajja. Dan hu prinċipju fundamentali fil-bijoloġija,’ għidtlu jien. ‘Ma taħsibx li l-evoluzzjoni tikkontradixxi dan il-prinċipju? Din it-tejorija tisħaq li l-ħajja żviluppat spontanjament mill-elementi tagħha.’ ‘Hekk jidher. Qisu qed ngħidu li l-kastell tiegħek ifforma b’kumbinazzjoni għax ħawwadt il-blokki flimkien,’ weġibt imħasseb. ‘Għidli, qatt ġie provat xjentifikament li l-ħajja bdiet weħidha?’ ‘Le, safejn naf jien. Imma nissopponu li grupp ta’ xjentisti jqattgħu ħafna snin fil-laboratrju jesperimentaw bl-aktar apparat sofistikat u fl-aħħar jirnexxilhom joħolqu ċellola ħajja. Ma jkunux taw prova li l-ħajja tista’ tinbena mill-elementi tagħha?’ ‘Iva, imma l-kwistjoni mhix dik. Il-mistoqsija hi jekk il-ħajja tistax tiżviluppa mingħajr direzzjoni intelliġenti. Infatti, jekk qatt jirnexxilhom joħolqu l-ħajja, ikunu taw prova li l-ħajja tista’ tinħalaq. Iżda mhux spontanjament.’ ‘Kos, hux! L-istess intelliġenza u xogħol tagħhom ikunu evidenza favur il-ħtieġa ta’ ħallieq intelliġenti. Għaliex mela l-bijoloġisti jgħallmu li l-ħajja oriġinat spontanjament ladarba m’hemmx prova xjentifika?’ ‘Forsi għandhom xi preġudizzji filosofiċi,’ issuġġerixxa Joe. ‘Preġudizzji?’ ‘Ix-xjenza moderna hi miżmuma ostaġġ ta’ filosofija partikolari, il-materjaliżmu – jassumu li kull realtà tikkonsisti biss minn forzi u ħwejjeġ fiżiċi u m’hemm xejn barra mill-isfera fiżika. Għalhekk bilfors ikollhom jagħtu spjegazzjoni ta’ l-oriġini tal-ħajja skond il-qawwiet fiżiċi, hi x’inhi l-evidenza kontrarja.’ ‘Qisu wieħed iddeċieda minn qabel li l-kastell tiegħek bilfors inbena b’kumbinazzjoni mingħajr direzzjoni u ħidma ta’ moħħ intelliġenti. Hekk mhux sew. Wieħed għandu jkun miftuħ għal kull possibbiltà biex jasal għall-aħjar konklużjoni.’ ‘Jekk mela tikkonsidra ż-żewġ possibbiltajiet – li l-ħajja oriġinat bil-forzi għomja tan-natura, jew li kienet maħluqa bi ħsieb intelliġenti – l-evidenza lejn liema naħa xxaqleb?’ ‘Mit-tieqa qed nara karozza; l-partijiet differenti (il-magna, is-sistema tal-fuel u ta’ l-elettriku) jiffunzjonaw f’armonija biex jintlaħaq l-effett mixtieq -- xhieda ta’ l-għerf , l-għaqal u s-sengħa tal-bniedem. Fl-istess ħin inħares lejn il-ġisem uman, bl-organi, l-iskeletru u l-muskoli jaħdmu flimkien biex nimxu, nitħarrqu, nieklu u niddiġerixxu l-ikel, nieħdu l-ossiġnu, u neħilsu mill-gassijiet u sustanzi tossiċi, inħossu, naraw u nitkellmu. Forsi m’hemmx ħjiel ta’ għerf, għaqal u sengħa f’dan kollu? Jew, ħu biċċa xogħol tal-kitba, rumaz jew teżi. L-ittri imqegħda f’ordni partikolari u preċiża, flimkien mal-punteġġjatura u spazji bejniethom, jesprimu il-ħsieb ta’ l-awtur. Issa f’bajda fertilizzata hemm mijiet ta’ kotba ta’ informazzjoni ġenetika – miktuba b’alfabett tad-DNA – u dan kollu fi spazju mikroskopiku. Din l-informazzjoni tidderieġi l-iżvilupp taċ-ċellola biex tinbidel fi bniedem bħali u bħalek! Jew ħu l-kumpjuter; mhux xhieda tal-ġenju uman? Allura l-moħħ uman li vvinta l-kompjuter, u min jaf x’għad nivvintaw aktar, mhux xhieda tal-ġenju tal-Ħallieq? Joe, għidna biżżejjed. Pjaċir wieħed biss irrid mingħandek. Agħtini l-kastell biex inżommu bħala trofew tal-loġika ta’ l-eżistenza ta’ ħallieq intelliġenti.’ ‘Jiddispjaċini, il-Lego ta’ Michael, in-nepputi. Imma ma jimpurtax, iftaħ għajnejk -- madwarek issib kemm trid evidenza ta’ intelliġenza u ħsieb.’ * * * Meta wasalt lura d-dar u tlajt f’kamarti, sibt is-sodda mifruxa. ‘Stenna ftit! Meta tlaqt ħallejtha mqallba ta’ taħt fuq. Forsi daħal ir-riħ u rranġa l-lożor u l-kutri u l-imħadda f’posthom?’ għidt bejni u bejn ruħi. ‘Ma tarax!’ Inżilt niġri isfel. Sibt ‘l ommi fil-kċina u tajtha bewsa fuq ġbinha. ‘Xi ġralek Andrè?’ qaltli sorpriża. ‘Mhux soltu!’ ‘Grazzi, ma, tal-prova loġika li tajtni dalgħodu favur l-eżistenza ta’ ħallieq intelliġenti.’ Ommi, miskina, baqgħet tħares ċass lejja. |